Navigation path

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/42

Il-Lussemburgu, l-10 ta' Diċembru 2013

“Jeħtieġ titjib fil-kontrolli fuq id-data għall-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-baġit”, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jistieden lill-Kummissjoni tiffoka l-kontrolli tagħha fuq komponenti maġġuri tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) ipprovdut mill-Istati Membri u fuq dawk fejn hemm riskju li l-kwalità tad-data tista' tkun aktar baxxa. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport kieku jgħinu biex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-baġit tal-UE jiġu kkalkulati b'mod korrett u li jkunu bbażati b'mod ġust. Dan kieku jtejjeb ukoll l-effettività tax-xogħol tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni aċċettat il-ħtieġa għal azzjoni.

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn riżorsi proprji u dħul ieħor, li minnhom id-dħul idderivat mis-sors tal-ING tal-Istati Membri żdied minn madwar 50 % tal-baġit fl-2002 (EUR 46 biljun) għal 70 % fl-2012 (EUR 98 biljun).

Ir-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING huma s-sors ta' dħul li jibbilanċja l-baġit tal-UE. Kwalunkwe dikjarazzjoni eċċessiva (jew dikjarazzjoni insuffiċjenti) tal-ING għal Stat Membru partikolari għandha l-effett li tnaqqas (jew li żżid) il-kontribuzzjonijiet rispettivi mill-Istati Membri l-oħra.

“Wieħed jista' jistenna li l-verifikazzjoni mill-Kummissjoni tiżgura l-kwalità tad-data tal-ING tal-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti tikkonkludi li x-xogħol ta' verifikazzjoni ma kienx strutturat u ffukat biżżejjed”, qal Milan Martin CVIKL, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport. “Għalkemm sibna każijiet ta' nuqqas ta' konformità u ta' nuqqas ta' kwalità fiċ-ċiklu tal-verifikazzjoni awditjat, l-effettività tax-xogħol tal-Kummissjoni fiċ-ċiklu li jmiss wara Settembru 2015 x'aktarx tittejjeb permezz tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna.

L-awditu eżamina l-effettività tal-verifikazzjoni mill-Kummissjoni ta' data tal-ING relatata mas-snin 2002 sa 2007 użata għar-riżorsi proprji, li saret definittiva fl-2012. Il-kriterji tal-awditjar użati għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni huma bbażati fuq sett ta' prattiki tajbin ta' verifikazzjoni mfasslin mill-QEA filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-UE u prinċipji rilevanti ta' kontroll intern.

Il-QEA kkonkludiet li l-Kummissjoni ma ppjanatx u ma pprijoritizzatx ix-xogħol tagħha b'mod xieraq, ma applikatx approċċ konsistenti meta kienet qed twettaq il-verifikazzjonijiet tagħha fl-Istati Membri, u ma wettqitx xogħol suffiċjenti fil-livell tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-verifikazzjonijiet ma kinux irrappurtati b'mod adegwat

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS Nru 11/2013) huwa intitolat ““Kisba ta' data korretta dwar l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING): approċċ aktar strutturat u ffukat aħjar itejjeb l-effettività tal-verifikazzjoni mill-Kummissjoni”. Il-QEA eżaminat jekk il-verifikazzjoni mill-Kummissjoni ta' data tal-ING użata għal skopijiet tar-riżorsi proprji kinitx strutturata u ffukata tajjeb.

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn riżorsi proprji u dħul ieħor. Hemm tliet kategoriji ta' riżorsi proprji: riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali miġbura fuq importazzjonijiet u t-taxxa fuq il-produzzjoni taz-zokkor), riżorsi proprji kkalkulati abbażi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud miġbura mill-Istati Membri, u riżorsi proprji derivati mill-ING tal-Istati Membri.

L-ING huwa miżura makroekonomika ta' ġid nazzjonali. Huwa jintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-akbar sors tal-baġit tal-UE. B'differenza mill-PDG, huwa ma jinkludix introjtu nett barrani.

L-awditu eżamina l-verifikazzjoni mill-Kummissjoni ta' kampjun tad-data tal-ING ta' 10 Stati Membri (mill-UE-25) għall-perjodu 2002-2007, filwaqt li ffoka fuq il-kontrolli tal-Eurostat (l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE) fuq il-proċeduri u l-istatistika bażika użati mill-Istati Membri fit-twettiq tal-istimi tal-komponenti ING. Dan iċ-ċiklu tal-verifikazzjoni ġie kkompletat f'Jannar 2012.

Il-QEA kkonkludiet li l-verifikazzjoni mill-Kummissjoni ta' data tal-ING ma kinitx strutturata u ffukata biżżejjed. Il-Kummissjoni ma ppjanatx u ma pprijoritizzatx ix-xogħol tagħha b'mod xieraq, ma applikatx approċċ konsistenti meta kienet qed twettaq il-verifikazzjonijiet tagħha fl-Istati Membri, u ma wettqitx xogħol suffiċjenti fil-livell tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-verifikazzjonijiet ma kinux irrappurtati b'mod adegwat.

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet huma derivati mill-applikazzjoni mill-QEA ta' prattiki tajba ta' arranġamenti ta' verifikazzjoni li jiffukaw fuq komponenti materjali u fuq dawk fejn hemm riskju li l-kwalità tad-data tista' tkun aktar baxxa. Dawn il-prattiki jiffurmaw approċċ aktar strutturat u formalizzat minn dak użat attwalment mill-Eurostat. Billi l-għadd ta' komponenti ING li għandu jintgħażel għal verifikazzjoni aktar fil-fond jista' jsir skont ir-riżorsi disponibbli, ma hemm bżonn li ssir ebda żieda fir-riżorsi tal-persunal tal-Eurostat iddedikati għall-verifikazzjoni ta' data tal-ING.

Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA tirrakkomanda li l-Kummissjoni:

  • twettaq analiżi strutturata u formalizzata li tieħu inkunsiderazzjoni kostijiet u benefiċċji u li tippermettilha li tippjana u tipprijoritizza aħjar ix-xogħol ta' verifikazzjoni tagħha;

  • tqassar id-durata taċ-ċiklu tal-verifikazzjoni tagħha sabiex tillimita l-użu ta' ‘riżervi ġenerali’ li jdewmu l-kalkolu finali tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING, u li jwasslu għall-possibbiltà ta' inċertezza baġitarja fl-Istati Membri;

  • tagħti attenzjoni partikolari fil-verifikazzjonijiet tagħha għall-eżawrjenza tal-ING tal-Istati Membri u l-użu ta' proċeduri kumparabbli ta' stima;

  • fejn possibbli, tivvaluta l-impatt potenzjali u/jew l-ammont f'riskju tas-sejbiet tagħha u tistabbilixxi kriterji ċari ta' materjalità għat-tqegħid ta' ‘riżervi speċifiċi’, biex tittratta kwistjoni ma' Istituti Nazzjonali tal-Istatistika tal-Istati Membri;

  • tirrapporta b'mod aktar komplet, trasparenti u konsistenti dwar id-data tal-ING tal-Istati Membri u dwar il-ġestjoni tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website