Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/40

Il-Lussemburgu, it-22 ta' Novembru 2013

"L-Istati Membri u l-Kummissjoni ma għamlux biżżejjed biex juru li l-baġit ta' EUR 100 biljun għall-iżvilupp rurali ntnefaq tajjeb" jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) sab li l-arranġamenti attwali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni naqsu milli jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin biex jinfurmaw id-deċiżjonijiet dwar liema huma l-miżuri l-aktar effettivi u effiċjenti għat-tħejjija tal-politika ta’ żvilupp rurali 2014-2020

L-UE allokat kważi EUR 100 biljun biex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp rurali fil-perjodu finanzjarju 2007-2013. L-Istati Membri impenjaw ukoll EUR 58 biljun tar-riżorsi nazzjonali biex jikkofinanzjaw il-programmi ta’ żvilupp rurali (PŻR). L-Istati Membri jiżviluppaw il-PŻR. Ladarba jkunu approvati mill-Kummissjoni, dawn il-programmi jiġu implimentati mill-Istati Membri.

"L-Istati Membri u l-Kummissjoni tal-UE ffukaw iżżejjed fuq l-infiq tal-baġit għall-iżvilupp rurali u ma ffukawx biżżejjed fuq il-kisba effiċjenti tar-riżultati" qal Jan Kinšt, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport.

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li kull euro tal-baġit tal-UE mhux biss irid jintnefaq b’mod korrett iżda jrid ukoll jintnefaq tajjeb. Madankollu, l-awditu tal-QEA sab li l-Istati Membri ftit urew interess fir-riżultati miksuba bil-PŻR tagħhom. Il-Kummissjoni aċċettat Programmi ta’ Żvilupp Rurali tal-Istati Membri li kellhom objettivi vagi u miftuħa u li ma kinux speċifiċi dwar dak li l-programmi kienu intenzjonati li jiksbu.

F'dan l-awditu, l-Awdituri tal-UE sabu li dgħufijiet fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni mill-Istati Membri kienu jfissru li l-informazzjoni prodotta ma kintix affidabbli, konsistenti u rilevanti biżżejjed biex turi r-riżultati miksuba fir-rigward tal-objettivi stabbiliti. Ir-rappurtar tar-riżultati miksuba mhuwiex adegwat. U l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma għamlux użu tajjeb mill-informazzjoni disponibbli dwar ir-riżultati biex itejbu l-effettività jew l-effiċjenza tan-nefqa għall-iżvilupp rurali.

Jista' u għandu jsir titjib fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni għall-bqija tal-perjodu attwali tal-infiq (sa tmiem l-2015) biex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jintnefaq tajjeb. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 li jmiss jippreżenta opportunità biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jqiegħdu l-effettività u l-effiċjenza fil-qalba tal-politika ġdida ta' nfiq u sussegwentement fl-għażla tal-operazzjonijiet u l-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati. Il-qofol għal dan huwa li jiġu stabbiliti objettivi aħjar u li jissaħħu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati. Filwaqt li jqisu dan, l-awdituri tal-UE jagħmlu għadd ta' rakkomandazzjonijiet fir-rapport.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 12/2013) huwa intitolat "Jistgħu l-Kummissjoni u l-Istati Membri juru li l-baġit tal-UE allokat għall-politika ta’ żvilupp rurali jintnefaq tajjeb?" Il-QEA eżaminat jekk hemmx dikjarazzjonijiet ċari dwar x’inhi intenzjonata tikseb in-nefqa għall-iżvilupp rurali, jekk hemmx informazzjoni affidabbli li turi x’kisbet in-nefqa u kemm dan għamlitu b’mod effiċjenti. Element ewlieni għal dan huwa sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, li tissejjaħ ukoll il-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni.

Is-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar fejn l-infiq huwa, jew mhuwiex, effettiv u effiċjenti. Tali informazzjoni hija meħtieġa għall-obbligu ta' rendikont: biex il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-pubbliku jkunu infurmati dwar xi nkiseb bil-baġit tal-UE u biex jintwera li dan intnefaq b’mod effiċjenti u effettiv f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jippermettu wkoll li jiġu identifikati d-dgħufijiet u li jsiru bidliet kemm fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ seba’ snin kif ukoll meta jkunu qed jitfasslu politiki, leġiżlazzjoni u programmi ta’ nfiq futuri.

L-awditu kkonkluda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma wrewx b’mod suffiċjenti xi nkiseb fir-rigward tal-objettivi tal-politika ta’ żvilupp rurali u hemm nuqqas ta’ aċċertament li l-baġit tal-UE għall-iżvilupp rurali ntnefaq tajjeb.

Ibbażat fuq is-sejbiet tagħha, il-QEA tirrakkomanda li:

  • il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni biex iżidu l-fokus tagħhom fuq il-kisba ta' riżultati;

  • il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni issa biex jiżguraw li tkun tista’ tinkiseb informazzjoni ta’ kwalità tajba u kumparabbli mill-evalwazzjonijiet ex-post fl-2015 tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013;

  • il-Kummissjoni għandha ttejjeb it-tfassil tal-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni biex tipproduċi informazzjoni aktar f’waqtha, rilevanti, affidabbli u kumparabbli, b’mod partikolari dwar l-effettività u l-effiċjenza ta’ kull miżura fil-kisba ta' riżultati;

  • l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-Programmi ta’ Żvilupp Reġjonali 2014-2020 jipprovdu bażi aħjar għal ġestjoni finanzjarja tajba, b’objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu u bi pjanijiet għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tal-programmi;

  • l-Istati Membri għandhom ifasslu l-effettività u l-effiċjenza fis-sistemi ta’ implimentazzjoni tal-PŻR 2014-2020, bl-informazzjoni miġbura għall-applikazzjoni, l-għażla u l-proċessi tal-pagamenti użati mill-ġdid għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

  • l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom itejbu r-rappurtar tagħhom dwar ir-riżultati miksuba bil-baġit tal-UE biex jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont. Dan għandu jinkludi segwitu aktar sistematiku tas-sejbiet tal-evalwazzjoni.

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site