Navigation path

Left navigation

Additional tools

Diskors minn Vítor Caldeira, President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Court of Auditors - ECA/13/38   05/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

- Id-diskors proprju jitqies bħala awtentiku –

- Id-diskors proprju jitqies bħala awtentiku


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI DISKORS

Brussell, il-5 ta’ Novembru 2013

ECA/13/38

Diskors minn Vítor Caldeira, President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2012

IL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT

TAL-PARLAMENT EWROPEW

Brussell, il-5 ta’ Novembru 2013

Id-diskors proprju jitqies bħala awtentiku. Il-verżjoni mitkellma għandha tieħu preċedenza.

President Theurer, onorevoli membri,

Nixtieq nirringrazzjakom għal din l-opportunità biex nippreżenta r-rapporti annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit 2012 tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

Iċ-ċittadini tal-Ewropa għandhom dritt ikunu jafu kif qed jintnefqu flushom u jekk dawn humiex qed jintużaw sew. Huma għandhom ukoll id-dritt li jkunu jafu jekk dawn humiex qed iwasslu valur, b'mod partikolari fi żmien meta hemm tant pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi.

Il-fondi tal-UE huma ġestiti prinċipalment mill-Kummissjoni. Din għandha tipprovdi infomazzjoni fil-kontijiet tal-UE u rapporti oħra dwar l-użu ta' dawk il-fondi, dwar ir-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji u dwar ir-riżultati miksuba.

Ir-rwol tal-Qorti huwa li tipprovdi valutazzjoni indipendenti dwar dawk it-tliet elementi tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE f'konformità mat-Trattat u l-istandards professjonali tal-awditjar u prattiki tajbin.

Il-Qorti tippreżenta r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-rapport annwali tagħha sabiex tassisti lill-Parlament Ewropew fil-proċedura ta' kwittanza.

Il-Kapitolu 1 tar-rapport annwali tal-Qorti jipprovdi d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet. Il-Kapitoli 2 sa 9 jipprovdu valutazzjonijiet speċifiċi għad-dħul u l-oqsma prinċipali ta' nfiq. Fl-aħħar nett, il-Kapitolu 10 huwa dwar il-'Kisba ta' riżultati mill-baġit tal-UE'.

Mela x'inhi l-valutazzjoni tal-Qorti tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE fl-2012?

L-istampa ġenerali hija simili, b'mod wiesa', għal dik li ġiet ippreżentata fir-rapport annwali tas-sena li għaddiet. Iżda hemm għadd ta' punti speċifiċi fir-rapport annwali li għalihom nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-membri tal-kumitat. Dawn il-punti jirrigwardaw:

  1. il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti:

  2. il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri;

  3. il-pressjoni fuq il-finanzi tal-UE; u

  4. fl-aħħar nett, il-ħtieġa li tinħoloq kultura ta' prestazzjoni matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju li jmiss.

Se nibda bl-istampa ġenerali:

  • Il-kontijiet tal-UE huma affidabbli, kif ilhom sa mill-2007. Id-dħul u l-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha iżda l-pagamenti għadhom materjalment milquta minn żball.

  • Fir-rigward ta' 'kisba ta' riżultati mill-baġit tal-UE', il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li tipprovdi evidenza suffiċjenti, rilevanti u affidabbli dwar x'kisbu l-politiki tal-UE b'mod li huwa adatt għall-iskopijiet tal-proċedura ta' kwittanza.

L-opinjoni tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti baqgħet l-istess, b'mod wiesa', peress li din tirrifletti realtà ta' bażi li ma nbidlitx b'mod sinifikanti.

Il-Qorti toħroġ l-opinjoni avversa tagħha bbażata fuq l-evidenza għall-awditjar li tikseb mill-valutazzjoni tas-sistemi ta' sorveljanza u kontroll u l-ittestjar ta' kampjuni ta' tranżazzjonijiet.

Bħal fi snin preċedenti, is-sistemi ta' sorveljanza u kontroll li l-Qorti eżaminat huma biss parzjalment effettivi fl-iżgurar tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti meta jiġġarrab l-infiq tal-UE.

Ibbażat fuq l-ittestjar ta' kampjuni ta' tranżazzjonijiet, l-istima tal-Qorti għar-rata tal-iżball l-aktar probabbli għal pagamenti kontabilizzati għall-ispejjeż li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE hija ta’ 4,8 %. Il-Qorti hija 95 % fiduċjuża li r-rata ta’ żball fil-pagamenti tinsab bejn 3 % u 6 %.

Dawn l-iżbalji mhumiex limitati għal xi qasam speċifiku tal-baġit. Il-gruppi kollha tal-politika li jkopru nfiq operazzjonali huma materjalment milquta minn żball. In-nefqa amministrattiva hija l-uniku qasam fejn ma nstab ebda livell materjali ta' żball.

Ir-rapporti proprji tal-Kummissjoni jikkonfermaw din l-istampa ġenerali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jsiru żbalji fil-baġit u li l-livell kumplessiv x'aktarx li jkun materjali. 14-il direttur ġenerali tal-Kummissjoni jagħmlu riżervi fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tal-infiq u r-rapport ta' sinteżi jqiegħed l-ammonti fir-riskju ta' żball f'livell ta' bejn 1,9 % u 2,6 % tal-pagamenti totali – ċifra li l-Kummissjoni stess tagħraf bħala stima x'aktarx baxxa.

Kif jidher mill-Kapitolu 1, l-istima kumplessiva tal-Qorti tar-rata tal-iżball l-aktar probabbli żdiedet minn 3,9 % fl-2011 għal 4,8 % fl-2012.

L-istimi tal-Qorti tar-rati tal-iżball l-aktar probabbli għall-agrikoltura, il-politika reġjonali, l-iżvilupp rurali u l-impjiegi u l-affarijiet soċjali kollha juru żidiet meta mqabbla mal-2011.

L-iżvilupp rurali jibqa' l-qasam ta' nfiq l-aktar suxxettibbli għal żbalji b'rata ta' żball stmata ta' 7,9 %, segwit mill-politika reġjonali b'rata ta' żball stmata ta' 6,8 %.

Hemm ukoll żidiet fir-rata ta' żball stmata għall-gruppi tal-politika fil-gruppi tal-politika riċerka u politiki interni oħra u relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir.

F'dawn l-aħħar każijiet, parti miż-żieda tista' tiġi attribwita għal żewġ titjibiet metodoloġiċi li l-Qorti introduċiet għall-awditu 2012.

Il-kampjuni tal-Qorti ta' tranżazzjonijiet f'dawn l-oqsma ma għadhomx jinkludu pagamenti bil-quddiem magħmula matul is-sena. Fi kliem ieħor, dawn jinkludu pagamenti interim, pagamenti finali u pagamenti bil-quddiem li ġew approvati matul is-sena.

Din il-bidla hija konformi mal-prinċipji ta' kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti, u b'hekk tipprovdi - fil-fehma tal-Qorti - stampa aħjar tar-realtà ta' bażi tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE.

It-tieni titjib fil-metodoloġija huwa relatat mat-trattament ta' nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist. Mill-2012, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE huma ttrattati bl-istess mod bħall-awtoritajiet tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

Dawn il-bidliet itejbu l-komparabbiltà bejn gruppi differenti tal-politika u jtejbu l-komparabbiltà maż-żmien. Flimkien, huma jżidu 0,3 punti perċentwali mal-istima kumplessiva tal-Qorti tar-rata tal-iżball l-aktar probabbli fl-2012 meta mqabbla mal-2011.

President, onorevoli membri,

Ir-rapport annwali 2012 tal-Qorti jinkludi bosta eżempji illustrattivi tal-iżbalji li nstabu u analiżi konsiderevoli. Flimkien, dawn jipprovdu xi għarfien dwar fejn u kif iseħħu l-iżbalji u għaliex għandhom importanza. Biex jingħataw xi eżempji tal-analiżi pprovduta:

  • L-ewwel nett, aktar minn żewġ terzi tar-rata tal-iżball stmata huma relatati mal-ineliġibbiltà tal-klejms għall-pagament u ma' nuqqasijiet serji ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku.

  • It-tieni nett, l-ogħla kontribut għar-rata ta' żball ġej mill-oqsma fejn jintnefqu l-aktar flus, jiġifieri l-politika reġjonali, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-impjiegi u l-affarijiet soċjali.

  • It-tielet nett, l-ittestjar tat-tranżazzjonijiet mill-Qorti juri li l-proporzjon ta' tranżazzjonijiet milquta minn żball huwa għoli f'dawn il-gruppi tal-politika, b'firxa minn 35 % sa 63 %.

  • Ir-raba' nett, l-ittestjar tat-tranżazzjonijiet mill-Qorti juri li aktar minn nofs l-iżbalji li l-Qorti sabet taħt ġestjoni kondiviża setgħu ġew ikkoreġuti mill-awtoritajiet nazzjonali qabel ma ntbagħtu l-klejms għar-rimborż lill-Kummissjoni.

Iżda s-sejbiet tal-Qorti ma jissuġġerux li l-iżbalji huma limitati għal Stati Membri speċifiċi. Fil-fatt, il-valutazzjonijiet mill-Qorti tas-sistemi ta' sorveljanza u kontroll li eżaminat wrew li kien hemm dgħufijiet f'firxa wiesgħa ta' awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

Lanqas ma huwa l-każ li l-iżbalji huma limitati għall-infiq ġestit b'mod konġunt mill-Istati Membri. Il-Qorti tikkalkula li r-rata ta' żball stmata fil-każ ta' nfiq b'ġestjoni kondiviża kienet 5,3 % mqabbla ma' 4,3 % fil-forom l-oħra kollha ta' nfiq operazzjonali.

L-iżbalji li l-Qorti ssib huma ta' importanza peress li dawn jirrappreżentaw każijiet fejn il-fondi tal-UE ma ntużawx skont il-leġiżlazzjoni rilevanti u għalhekk mhux skont ix-xewqat tal-Parlament u l-Kunsill, bħala l-leġiżlatur u l-awtorità baġitarja.

Huma wkoll ta' importanza peress li l-iżbalji jirrappreżentaw flus li ma kellhomx jitħallsu. Xi kultant huwa possibbli li dawk il-flus jitraddu lura. Dan iwassalni għall-kwistjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri.

Il-Qorti tiddedika għadd ta' paragrafi għal dan is-suġġett fir-rapport annwali 2012. Dan huwa suġġett kumpless li l-Qorti u l-Kummissjoni jittrattaw minn perspettivi differenti iżda komplementari.

Il-Kummissjoni tfittex li tipproteġi l-baġit mill-effetti ta' irregolarità, il-Qorti hija obbligata tirrapporta dwar jekk it-tranżazzjonijiet humiex legali u regolari.

Fir-rapport annwali 2012, il-Qorti tesplora l-effett tal-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri fuq l-Istati Membri, fuq il-benefiċjarji u fuq id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni.

L-impatt tal-korrezzjonijiet finanzjarji jiddependi fuq ir-regolamenti applikabbli. Għall-agrikoltura, il-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet finanzjarji ma jwasslux lill-Istati Membri kkonċernati biex jirkupraw pagamenti mill-benefiċjarji, filwaqt li għall-koeżjoni, il-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet huma korrezzjonijiet b'rata fissa li ma jwasslux għal korrezzjoni dettaljata fil-livell tal-proġett.

Għalhekk, fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet finanzjarji jaqgħu fuq il-kontribwenti nazzjonali.

Il-Qorti tenfasizza dan il-punt peress li r-rapport annwali huwa indirizzat ukoll lill-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali.

President, onorevoli membri,

Aħna u nfittxu li ntejbu l-ġestjoni finanzjarja tal-UE, ma nistgħux ninjoraw il-pressjoni, li dejjem tiżdied, fuq il-finanzi pubbliċi fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali.

Fir-rapport annwali 2012, il-Qorti tenfasizza s-sinjali tal-pressjoni li dejjem tikber fuq il-baġit tal-UE għall-pagamenti.

Kif tafu, fl-2012 il-Kummissjoni kienet diġà qed issibha diffiċli tissodisfa t-talbiet kollha għal pagament.

Il-pressjoni fuq il-pagamenti kienet riflessa wkoll fiż-żieda fl-ammont ta' impenji pendenti. Sa tmiem l-2012, dawn kienu jirrappreżentaw aktar minn sentejn tal-pagamenti totali bbaġitjati tal-UE.

Il-Kummissjoni se jinħtiġilha wkoll tiffinanzja pagamenti biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ tal-Unjoni. Fi tmiem is-sena finanzjarja 2012, l-impenji u l-obbligazzjonijiet pendenti li kien jinħtiġilhom jiġu ffinanzjati flimkien ammontaw għal madwar EUR 313 biljun.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha tippjana għar-rekwiżiti futuri tagħha tal-flussi tal-flus billi tħejji u tippubblika tbassir tal-flussi tal-flus fuq perjodu fit-tul.

President, onorevoli membri,

Mhumiex dejjem l-atturi li jkunu ħatja għall-kwalità tal-prestazzjoni, xi drabi l-problema tkun dovuta għall-iskritt li jingħataw.

L-oqfsa legali attwali għall-infiq ma jagħmlux biżżejjed biex jinkoraġġixxu nfiq aħjar.

Il-perjodu l-ġdid tal-qafas finanzjarju jipprovdi opportunità biex dan jinbidel. Il-Qorti taqbel mal-Kummissjoni li jinħtieġ li tinħoloq kultura ta' prestazzjoni.

Dan ifisser l-indirizzar tad-dgħufijiet li l-Qorti ssib fis-sistema attwali ta' ġestjoni u ta' rappurtar tal-prestazzjoni, pereżempju:

  1. Il-programmi ta' nfiq ma jużawx objettivi SMART u indikaturi adatti b'mod konsistenti.

  2. id-data tal-prestazzjoni mhijiex tajba biżżejjed; u

  3. il-proġetti ffinanzjati mill-infiq tal-UE spiss mhumiex sostenibbli.

Jeħtieġ li l-Unjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet jekk il-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' nfiq għandha twassal – u tkun tidher li twassal - valur miżjud lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha.

Il-Qorti tirrakkomanda fokus fuq il-prestazzjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss. Dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti objettivi ċari, indikaturi rilevanti, u riżultati mistennija.

President Theurer, onorevoli membri,

L-istituzzjonijiet tal-UE se jkun jeħtiġilhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-prestazzjoni u l-obbligu ta' rendikont tal-UE fis-snin li ġejjin.

Il-Qorti u r-rapporti annwali tagħha għandhom – u se jkomplu jkollhom - kontribut importanti x'jagħtu għas-suċċess ta' dan l-isforz kollettiv. Aħna nistennew b'interess li nwettqu l-parti tagħna flimkien ma' dan il-parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Grazzi tal-attenzjoni tagħkom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website