Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport Annwali 2012 - Mistoqsijiet Frekwenti

Court of Auditors - ECA/13/37   05/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

1


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

ECA/13/37

Il-Lussemburgu, il-5 ta' Novembru 2013

Rapport Annwali 2012 - Mistoqsijiet Frekwenti

  1. Il-QEA ffirmat il-kontijiet 2012?

Iva. Il-QEA ffirmat il-kontijiet 2012 bħala kompluti u preċiżi, kif ilha tagħmel mis-sena finanzjarja 2007 'l hawn. Il-QEA tikkonkludi li l-kontijiet 2012 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE u r-riżultati tagħha għas-sena.

Iżda minbarra li tiċċertifika li d-dħul u l-infiq ġew ippreżentati b'mod preċiż fil-kontijiet, il-QEA hija meħtieġa wkoll tagħti opinjoni dwar jekk il-pagamenti sarux f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti. Għall-2012, u bħal fi snin preċedenti, il-QEA ma tagħtix aċċertament li dawn il-pagamenti kienu legali u regolari, li jwassal għal opinjoni avversa dwar ir-regolarità tal-infiq.

  1. L-ammont totali tal-baġit tal-UE fl-2012 kien ta' EUR 138,6 biljun u r-rata ta' żball kienet ta' 4,8 %. Dan ifisser li nħlew kważi EUR 7 biljun mill-flus tal-UE?

Le. Fil-passat, xi kummentaturi mmultiplikaw il-baġit totali tal-UE bir-rata ta' żball u ħarġu b'total għal “flus moħlija”. Dan l-approċċ huwa simplistiku u jista' jkun qarrieqi. Għar-rapport annwali tagħha dwar il-baġit ġenerali tal-UE l-QEA tiċċekkja jekk flus l-UE ntnefqux għall-iskop li għalih kienu intenzjonati u jekk ġewx ikkontabilizzati b'mod xieraq.

Xi wħud mill-iżbalji identifikati jinvolvu flus li ntnefqu ħażin: pereżempju, appoġġ mogħti lil kumpaniji biex jimpjegaw persuni qegħda, iżda mingħajr ma jkun hemm konformità minn dawn il-kumpaniji mal-kundizzjoni li n-nies jinżammu fl-impjieg għall-perjodu minimu ta' żmien, li huwa intenzjonat biex jipprovdi benefiċċji aktar fit-tul. Jew, l-għoti ta' proġett ta' kostruzzjoni ta' awtostrada direttament lil kumpanija, mingħajr ma jingħata ċans lil offerenti potenzjali oħra li jagħmlu l-offerti tagħhom u bl-aħjar prezz possibbli.

Dawn huma eżempji ta' ineffiċjenza, iżda mhux neċessarjament ta' ħela. Il-fondi tal-UE ntużaw għall-iskopijiet intenzjonati tagħhom u pprovdew xi benefiċċju, ukoll jekk ma rrispettawx bis-sħiħ il-kundizzjonijiet relatati mal-użu tagħhom. Minn naħa l-oħra, xi nfiq legali u regolari xorta jista' jkun ta' ħela, bħal awtostrada mibnija mingħajr kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tat-traffiku.

  1. Mela xi tfisser ir-rata ta’ żball stmata ta’ 4,8 %?

4,8 % hija stima tal-ammont ta' flus li ma kellhomx jitħallsu mill-baġit tal-UE, għax ma ntużawx skont ir-regoli applikabbli, u għalhekk ma jikkonformawx ma' dak li kien intenzjonat mill-Kunsill u mill-Parlament bil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-UE.

Żbalji tipiċi jinkludu pagamenti għal benefiċjarji jew proġetti li kienu ineliġibbli jew għax-xiri ta' servizzi, oġġetti jew investimenti mingħajr l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-akkwist pubbliku. Ara d-dijagramma 5: Kontribut għar-rata kumplessiva ta' żball stmata skont it-tip [LINK]. Mhux il-pagamenti illegali jew irregolari kollha neċessarjament ikunu ta' ħela, iżda lanqas ma huwa l-każ li l-infiq legali u regolari kollu jagħti valur tajjeb għall-flus. Għalhekk, dan il-perċentwal ma għandux jiġi kkakulat b'relazzjoni mal-baġit totali tal-UE bħala “ħela” jew “flus mitlufa”.

  1. Kif isiru l-iżbalji?

L-iżbalji jsiru meta l-benefiċjarji ma jikkonformawx mar-regoli meta jikklejmjaw finanzjament mill-UE. Biex ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-UE, il-benefiċjarji huma meħtieġa jikkonformaw ma’ regoli speċifiċi tal-UE, u f’xi każijiet, regoli speċifiċi nazzjonali. Dawn ir-regoli qegħdin hemm biex jippruvaw jiżguraw li l-infiq iseħħ għall-iskopijiet intenzjonati mill-Kunsill u mill-Parlament.

L-iżbalji jsiru meta dawn ir-regoli jinkisru: pereżempju, bdiewa li ma jonorawx l-impenji ambjentali tagħhom, promoturi tal-proġetti li ma jirrispettawx ir-regoli tal-akkwist pubbliku u ċentri tar-riċerka li jippreżentaw klejms għal spejjeż mhux marbuta mal-proġetti ffinanzjati mill-UE. Ir-Rapport Annwali 2012 jagħti eżempji speċifiċi ta’ żbalji li nstabu matul l-ittestjar tal-awditjar tagħna.

  1. Jekk ir-rata ta' żball stmata għall-pagamenti hija ta' 4,8 % għall-2012, dan ifisser li 95,2 % tal-baġit tal-UE ntnefaq skont ir-regoli?

Le. L-opinjoni tal-QEA dwar l-infiq tal-UE hija bbażata fuq kampjun estensiv li jkopri l-oqsma ta' politika kollha. It-tranżazzjonijiet ikkampjunati huma awditjati fid-dettall u l-iżbalji misjuba huma kkalkulati f'forma ta' rata ta' żball stmata.

Iżda hemm bosta żbalji li l-QEA ma tikkwantifikax, bħal ksur mhux serju tar-regoli tal-akkwist, nuqqasijiet ta' konformità mar-regoli dwar il-pubbliċità, jew traspożizzjoni skorretta ta' direttivi tal-UE għal liġi nazzjonali. Dawn l-iżbalji mhumiex inklużi fir-rata ta' żball stmata mill-QEA.

  1. L-iżbalji jfissru frodi?

Mhux neċessarjament. Il-frodi hija att deliberat ta’ qerq biex jinkiseb benefiċċju. Għalkemm il-proċeduri tal-awditjar tal-QEA mhumiex imfassla biex jaqbdu l-frodi, il-QEA ssib għadd żgħir ta' każijiet issuspettati ta' frodi kull sena matul l-ittestjar tal-awditjar tagħha. Dawn il-każijiet huma rrappurtati lill-OLAF, l-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi, li jinvestiga u jsegwi kif meħtieġ f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

  1. Il-ġestjoni finanzjarja tal-UE qed tmur għall-aħjar jew għall-agħar?

Din hija relattivament stabbli minn sena għal sena, għalkemm tvarja minn qasam ta' politika għal ieħor. Pereżempju, kien hemm żieda fir-rata ta' żball stmata fil-qasam tal-agrikoltura matul bosta snin. Għall-fondi strutturali, ir-rata ta' żball stmata żdiedet kull sena mill-2009 'l hawn, wara li kienet naqset fit-tliet snin preċedenti.

Il-QEA rrakkomandat kemm-il darba li r-regoli jiġu ssimplifikati aktar biex titjieb il-kwalità tal-infiq u jitnaqqas il-livell ta' żball. Analiżi tas-simplifikazzjoni tar-regoli għall-Fond Soċjali Ewropew tindika li dan kellu impatt pożittiv.

  1. Fejn jinstabu l-problemi prinċipali – fil-livell tal-Istati Membri jew f'dak tal-Kummissjoni Ewropea?

Fit-tnejn. Il-QEA tistma r-rata ta' żball għall-infiq ġestit b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri f'livell ta' 5,3 %. Għall-bqija tal-infiq operazzjonali, li huwa ġestit direttament mill-Kummissjoni, din hija 4,3 %. Instabu bosta eżempji ta' dgħufijiet fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-Kummissjoni.

Oqsma ta' ġestjoni kondiviża bħall-agrikoltura u l-politika reġjonali jirrappreżentaw 80 % tal-infiq tal-UE. Għal ħafna mill-iżbalji maqbuda permezz tal-awditu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom fil-pussess tagħhom informazzjoni li kellha tippermettilhom jidentifikaw u jikkoreġu l-problema qabel jikklejmjaw rimborż mill-Kummissjoni. Għad hemm il-potenzjal li s-sistemi ta' ġestjoni finanzjarja jintużaw b'mod aktar effettiv u li r-rata ta' żball titnaqqas.

  1. Għalfejn il-QEA biddlet il-mod li bih twettaq parti mix-xogħol tal-awditjar annwali tagħha? Dan ma jrendix it-tqabbil mal-passat aktar diffiċli?

Din is-sena, l-approċċ għall-kampjunar tat-tranżazzjonijiet ġie aġġornat biex it-tranżazzjonijiet kollha jiġu eżaminati fuq l-istess bażi għall-oqsma kollha ta' nfiq - fil-punt fejn il-Kummissjoni tkun aċċettat u rreġistrat l-infiq - u b'hekk tikkonferma li jidhrilha li l-pagament mill-baġit tal-UE huwa ġġustifikat. Il-popolazzjonijiet awditjati se jkunu aktar stabbli minn sena għal sena billi l-livelli varjabbli ta' pagamenti bil-quddiem se jiġu eliminati. L-effett ta' din l-istandardizzazzjoni tal-approċċ tal-kampjunar tal-QEA kellu impatt ta' 0,3 punti perċentwali biss fuq ir-rata ta' żball stmata tagħha għall-baġit 2012 fl-intier tiegħu.

  1. Għalfejn dan il-fokus kollu fuq żbalji meta l-Kummissjoni tista' tikklejmja l-flus lura mill-Istati Membri, jekk dawn ikunu ntnefqu ħażin?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-Kummissjoni ma tikklejmjax flus lura fiżikament mill-Istati Membri, meta l-fondi tal-UE jkunu ntnefqu ħażin. Skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, fil-każ li jinstabu żbalji fil-klejms għall-ispejjeż, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jallokaw dawn il-fondi mill-ġdid għal proġetti oħra u li jakkwistaw flus addizzjonali mill-UE billi jippreżentaw fatturi ulterjuri.

Korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rata ta' żball stmata mill-QEA, jekk huma jreġġgħu lura pagamenti żbaljati li jkunu saru matul l-istess sena: fi kliem ieħor jekk l-infiq skorrett ikun ġie identifikat u eskluż mid-dikjarazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni u/jew ikun wassal għal irkupri mill-benefiċjarji matul is-sena. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati kultant biss.

Għall-agrikoltura, il-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet finanzjarji ma jwasslux għal irkupri mill-benefiċjarji, filwaqt li għall-infiq relatat mal-politika ta' koeżjoni, il-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet huma korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa li ma jwasslux għal korrezzjoni dettaljata fil-livell tal-proġett.

Il-perjodu attwali ta' nfiq 2007-2013 jipprovdi inċentiv limitat biex l-Istati Membri jikklejmjaw b'mod korrett peress li klejms żbaljati jistgħu sempliċiment jiġu rtirati u sostitwiti mingħajr ma jintilfu flus mill-baġit tal-UE.

  1. Il-QEA kienet tkun tista' tiffirma l-infiq tal-UE, li kieku għamlet aktar xogħol tal-awditjar?

Le. Il-QEA kisbet biżżejjed evidenza biex tkun fiduċjuża li l-livell ta' żball fl-infiq tal-UE huwa materjali. Aktar xogħol ma kienx se jibdel din il-konklużjoni.

  1. L-iżbalji li sabet il-QEA kienu riżultat ta' restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha għal reġistri fl-Istati Membri jew fuq il-post tan-negozju tal-benefiċjarji finali?

Le. Il-QEA għandha setgħat ta' aċċess wiesgħa bbażati fuq it-Trattat, u l-Istati Membri u l-benefiċjarji finali kkooperaw fil-proċess tal-awditjar.

PAKKETT TA' INFORMAZZJONI GĦALL-ISTAMPA dwar ir-Rapport Annwali 2012 fi 23 lingwa tal-UE www.eca.europa.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website