Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-kontijiet tal-UE ġew ivvalidati, iżda jippersistu żbalji fl-oqsma prinċipali kollha ta' nfiq, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/13/36   05/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/36

Il-Lussemburgu, il-5 ta' Novembru 2013

Il-kontijiet tal-UE ġew ivvalidati, iżda jippersistu żbalji fl-oqsma prinċipali kollha ta' nfiq, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Ir-rapport annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2012 ġie ppubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). Bħala awditur indipendenti, il-QEA vvalidat il-kontijiet 2012 tal-Unjoni Ewropea, kif għamlet kull sena mis-sena finanzjarja 2007 'l hawn. Iżda fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' nfiq tal-baġit tal-UE r-rapport isib li għad ma hemmx konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Il-QEA tappella għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-regoli ta' nfiq tal-UE u tirrakkomanda li l-qafas leġiżlattiv jiġi ssimplifikat. Jidher li x'aktarx il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 se jibqa' orjentat lejn l-infiq - imfassal għall-allokazzjoni u l-infiq tal-baġit tal-UE - aktar milli ffukat fuq il-valur li huwa intenzjonat li jwassal.

“Iċ-ċittadini tal-Ewropa għandhom id-dritt ikunu jafu fuq xiex qed jintnefqu flushom u jekk dawn humiex qed jintużaw sew,” qal il-President tal-QEA Vítor Caldeira, “Għandhom ukoll id-dritt ikunu jafu jekk dawn humiex qed iwasslu valur, b'mod partikolari fi żmien meta hemm tant pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi.”

B'ħarsa lejn il-baġit tal-UE fl-intier tiegħu, l-istima mill-QEA tar-rata ta' żball għall-infiq hija ta' 4,8 % għas-sena finanzjarja 2012 (3,9 % fl-2011). L-oqsma kollha ta' nfiq operazzjonali kienu milquta minn żball materjali fl-2012. L-istima tar-rata ta' żball mhijiex kejl ta' frodi jew ħela. Hija stima tal-flus li ma kienx imisshom tħallsu peress li ma ntużawx f'konformità mal-leġiżlazzjoni kkonċernata. Żbalji tipiċi jinkludu pagamenti għal benefiċjarji jew proġetti li kienu ineliġibbli jew għax-xiri ta' servizzi, oġġetti jew investimenti mingħajr l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-akkwist pubbliku.

Fl-2012 l-UE nefqet EUR 138,6 biljun, li madwar 80 % minnhom huma ġestiti b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Il-QEA kkritikat lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn dawn kellhom biżżejjed informazzjoni disponibbli biex setgħu jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jikklejmjaw rimborż mill-baġit tal-UE. Ir-regoli għall-perjodu attwali ta' nfiq 2007-2013 jipprovdu inċentivi limitati għall-Istati Membri biex jużaw is-sistemi ta' ġestjoni finanzjarja b'mod aktar effettiv. Pereżempju, fl-infiq għall-koeżjoni klejms żbaljati jistgħu sempliċiment jiġu rtirati u sostitwiti mingħajr ma jintilfu flus mill-baġit tal-UE.

Is-sejbiet u l-opinjonijiet tal-awditjar tal-QEA jindirizzaw kif tista' titjieb il-ġestjoni finanzjarja tal-UE. Għalhekk, il-QEA tirrakkomanda li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bis-sħiħ fl-ikkompletar tar-regoli li jirregolaw il-ġestjoni u l-kontroll għall-qafas finanzjarju 2014-2020.

Noti lill-Edituri:

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tal-QEA huma element essenzjali fil-katina tal-obbligu ta’ rendikont tal-UE. L-output tagħha jintuża biex dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE jiġu obbligati li jagħtu rendikont – notevolment fi ħdan il-proċedura annwali ta' kwittanza. Din hija prinċipalment il-Kummissjoni, iżda tikkonċerna wkoll l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. L-Istati Membri wkoll għandhom rwol importanti fil-ġestjoni kondiviża.

Il-QEA tittestja kampjuni ta’ tranżazzjonijiet biex tipprovdi stimi bbażati fuq l-istatistika dwar il-punt sa fejn id-dħul, l-infiq fl-intier tiegħu, kif ukoll l-oqsma differenti ta’ nfiq (gruppi ta' oqsma ta' politika) ikunu milquta minn żball.

Fl-opinjoni tal-QEA, il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-31 ta' Diċembru 2012, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar.

Id-dħul tal-UE li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-2012 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha. L-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll eżaminati huma parzjalment effettivi biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet. Il-gruppi kollha tal-politika li jkopru n-nefqa operazzjonali huma materjalment milquta minn żball. L-istima tal-QEA għar-rata tal-iżball l-aktar probabbli għall-pagamenti, kontabilizzati għall-ispejjeż, li fuqhom huma bbażati l-kontijiet hija ta’ 4,8 %.

Għal dawn ir-raġunijiet hija l-opinjoni tal-QEA li l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma milquta materjalment minn żball.

Ir-rata ta' żball stmata għall-infiq mill-baġit tal-UE fl-intier tiegħu reġgħet żdiedet fl-2012, minn 3,9 % għal 4,8 %. Parti minn dik iż-żieda (0,3 punti perċentwali) hija dovuta għal bidla fl-approċċ tal-kampjunar tal-QEA. Ir-rata ta' żball stmata ilha tiżdied kull sena mill-2009, wara li kienet naqset fit-tliet snin preċedenti.

L-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-sajd u s-saħħa jibqa' l-qasam ta' nfiq l-aktar suxxettibbli għal żbalji b'rata ta' żball stmata ta' 7,9 %, segwit mill-politika reġjonali, l-enerġija u t-trasport b'rata ta' żball stmata ta' 6,8 %.

Iż-żidiet fir-rata ta' żball stmata kienu l-akbar għall-oqsma ta' nfiq impjiegi u affarijiet soċjali, agrikoltura: suq u appoġġ dirett u politika reġjonali, enerġija u trasport.

Għall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet milquta minn żball fl-oqsma ta' ġestjoni kondiviża (eż. agrikoltura u koeżjoni), l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom biżżejjed informazzjoni disponibbli biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji.

Id-diskrepanza sostanzjali bejn approprjazzjonijiet għal impenn u għal pagament, flimkien ma' ammont kbir ta' nfiq insuffiċjenti fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali, ikkawżat akkumulazzjoni tal-ekwivalenti ta' sentejn u tliet xhur ta' impenji mhux użati (EUR 217-il biljun fi tmiem l-2012). Dan iwassal għal pressjoni fuq il-baġit għall-pagamenti. Biex tirriżolvi dik is-sitwazzjoni, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tippjana r-rekwiżiti ta' pagament tagħha għat-terminu medju u dak fit-tul.

Għal ħafna oqsma tal-baġit tal-UE l-qafas leġiżlattiv huwa kumpless u hemm fokus insuffiċjenti fuq il-prestazzjoni. Il-proposti dwar l-agrikoltura u l-koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 għadhom ibbażati b'mod fundamentali fuq l-input (orjentati lejn l-infiq) u għalhekk għadhom iffukati fuq il-konformità mar-regoli aktar milli fuq il-prestazzjoni.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website