Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/02

Il-Lussemburgu, il-31 ta’ Jannar 2013

“L-effettività tal-finanzjament mill-UE għal infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali kienet limitata minħabba l-implimentazzjoni fqira tal-miżuri ta’ appoġġ” – jgħidu l-Awdituri tal-UE

Fl-2010 ġie kkalkulat li ċ-ċittadin tal-UE jiġġenera medja ta’ madwar 500 kg ta’ skart muniċipali kull sena, li jekk ma jkunx miġbur, ittrattat u mormi kif suppost, jista’ jikkawża impatti ambjentali negattivi. Madankollu, l-immaniġġjar tajjeb tal-iskart jista’ jwassal għal titjib fl-użu tar-riżorsi, għax l-iskart muniċipali ttrattat jista’ jkun ukoll sors ta’ materja prima. B’riżultat ta’ dan, l-UE introduċiet standards u miri komuni fil-forma ta’ direttivi għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali u tikkofinanzja l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart f’reġjuni speċifiċi. Il-kontribuzzjoni tal-UE għal infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart hija sinifikanti: l-ammonti ta’ miżuri strutturali assenjati rrappreżentaw EUR 10,8 biljun matul il-perjodu 2000-2013.

L-Awdituri tal-UE sabu li l-effettività tal-finanzjament minn miżuri strutturali tal-UE għal infrastrutturi għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali kienet limitata. Dik li kienet sodisfaċenti kienet biss il-prestazzjoni tal-proġetti li kienu jiddependu minn ġbir separat xieraq f’ras il-għajn. Reġjuni li implimentaw miżuri ta’ appoġġ (bħat-tmexxija ta’ kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, it-tfassil mill-ġdid ta’ proċeduri amministrattivi jew l-istabbiliment ta’ inċentivi jew disinċentivi finanzjarji) inklużi strumenti ekonomiċi, kisbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart. Finanzjament mill-UE li ntefaq f’reġjuni oħra jwassal biss għal titjib minuri fl-immaniġġjar tal-iskart. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ appoġġ ma kinitx kundizzjoni għal għotja mill-UE.

Il-Qorti nnutat dgħufijiet sinifikanti fir-rigward tar-rappurtar dwar il-kisba tal-miri tal-UE, li għamluha diffiċli biex il-Kummissjoni timmonitorja l-prestazzjoni. Għalkemm kważi fir-reġjuni kollha magħżula, ġie osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, il-ġenerazzjoni ta’ skart per capita żdiedet f’sitta mit-tmien reġjuni. Kwart biss tar-reġjuni żiedu b’mod sinifikanti r-rata ta’ ġbir separat, u dan irriżulta fi tnaqqis tad-dipendenza fuq ir-rimi f’miżbla u b’mod ġenerali kisbu l-miri tal-UE. L-iskart kien ġeneralment mormi f’miżbla mingħajr kwalunkwe trattament minn qabel jew inkella wara wieħed insuffiċjenti.

“L-Ewropej qegħdin jikkunsmaw aktar, u jipproduċu aktar skart. Id-Direttiva tal-UE dwar l-Iskart titlob li l-Istati Membri jittrattaw u jarmu l-iskart mingħajr riskju għall-ilma, l-arja u l-ħamrija u mingħajr ma jiġu kkawżati problemi ta’ storbju jew irwejjaħ”, qal Ovidiu Ispir, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, “Bħalma tistgħu taraw mir-rapport tagħna, dan sempliċiment mhuwiex qiegħed isir”.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ verifiki magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 20/2012) bit-titlu “Il-finanzjament minn Miżuri strutturali għal proġetti infrastrutturali għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali huwa effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart?” vvaluta direttament il-prestazzjoni ta’ 26 infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart ikkampjunati u eżamina l-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ fi tmien reġjuni fejn kienu jinsabu l-infrastrutturi. Ir-rwol tal-Kummissjoni kien eżaminat ukoll.

Il-verifika tal-Qorti ffukat fuq il-kofinanzjament mill-UE tal-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali u eżaminat jekk il-finanzjament kienx effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart.

Il-Qorti kkonkludiet li, għalkemm fi kważi r-reġjuni kollha magħżula ġie osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, l-effettività tal-finanzjament minn miżuri strutturali għal infrastrutturi għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali kienet imxekkla mill-implimentazzjoni fqira tal-miżuri ta’ appoġġ: (a) Il-prestazzjoni ta’ infrastrutturi kofinanzjati kienet dipendenti ħafna fuq l-istrateġiji tal-ġbir tal-iskart. Fir-rigward tal-miżbliet, l-iskart ġie ddepożitat mingħajr trattament adegwat u inġenerali twarrbu ammonti finanzjarji insuffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż tal-għeluq u tal-kura ta’ wara, (b) Ir-rappurtar dwar il-kisba tal-miri tal-UE kien imxekkel mill-affidabbiltà tad-data, li renda diffiċli l-monitoraġġ mill-Kummissjoni. Għalkemm fi kważi r-reġjuni kollha ġie osservat xi titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, il-ġenerazzjoni ta’ skart per capita żdiedet f’sitta mit-tmien reġjuni vverifikati. Fiż-żewġ reġjuni li kkontribwixxew għall-kisba tal-miri tal-UE, l-iskart bijodegradabbli nġabar separatament u t-taxxi għall-miżbliet kienu implimentati b’mod usa’ li rriżulta fi tnaqqis tad-dipendenza fuq ir-rimi f’miżbliet. L-iskart ġeneralment intrema f’miżbla mingħajr trattament adegwat; (c) L-effettività tal-finanzjament mill-UE ma ġietx massimizzata minħabba fl-implimentazzjoni dgħajfa ta’ miżuri ta’ informazzjoni, amministrattivi u ekonomiċi li huma ta’ appoġġ. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ appoġġ ma kinitx kundizzjoni għal għotja mill-UE. Kienu nnutati dgħufijiet ukoll fil-qafas regolatorju tal-UE dwar l-iskart u l-linji gwida tal-UE.

Il-Qorti tirrakkomanda li (a) l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-iskart li jittrattaw l-iskart li jkun ġie ssegregat qabel f’ras il-għajn; (b) l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu databases affidabbli u kompleti dwar l-immaniġġjar tal-iskart u l-Kummissjoni għandha tittestja l-affidabbiltà tal-istatistika li waslet mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw li jorbtu l-appoġġ finanzjarju mill-UE mal-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart; (c) l-Istati Membri għandhom jagħtu aktar attenzjoni għall-parteċipazzjoni u l-konformità tal-pubbliku, jiffukaw fuq il-ġbir separat, inkluż l-iskart bijodegradabbli meta dan ikun kosteffettiv, u jimponu taxxi fuq ir-rimi f’miżbliet biex iħeġġu l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart; għandhom jiġu applikati rati ta’ assistenza mnaqqsa meta l-“prinċipju li min iniġġes iħallas” ma jiġix applikat; (d) il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni tal-UE soġġetta għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ, tipproponi miri għall-prevenzjoni tal-iskart, u tikkjarifika l-kunċett ta’ trattament qabel ir-rimi.

Il-Kummissjoni għandha titlob l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri qabel ma tagħti appoġġ finanzjarju mill-UE.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site