Navigation path

Left navigation

Additional tools

ECA/13/29

Court of Auditors - ECA/13/29   01/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/29

Il-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2013

"Jeħtieġ li l-UE titlob ħidma ikbar mill-awtoritajiet tal-Kongo,"jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jikkritika r-riżultati tal-għajnuna mill-UE għall-promozzjoni ta' oqsma ewlenin ta' governanza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). "Filwaqt li l-appoġġ mill-UE għandu intenzjonijiet tajba u qed jikseb xi riżultati, il-progress miexi bil-mod, huwa irregolari u kumplessivament limitat," iddikjara s-Sur Hans Gustav Wessberg, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport. "Inqas minn nofs il-programmi eżaminati taw, jew x’aktarx li jagħtu, il-biċċa l-kbira tar-riżultati mistennija. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-sostenibbiltà hija prospett mhux realistiku."

Jekk, bħala sieħba prinċipali tal-RDK għall-iżvilupp u promottriċi tal-governanza tajba u tad-drittijiet tal-bniedem, l-UE se tkompli tappoġġa l-governanza fl-RDK, jeħtieġ li din ittejjeb b’mod sinifikanti l-effettività tal-għajnuna tagħha. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun iktar realistika kemm dwar it-tfassil tal-programmi tal-UE, kif ukoll dwar x’jista’ jinkiseb bihom. Jeħtieġ li l-Kummissjoni titlob ħidma ikbar mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-monitoraġġ tal-konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma u l-impenji meħuda.

Il-governanza tajba hija valur Ewropew fundamentali u komponent ewlieni tal-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi għall-iżvilupp. Sa minn meta reġgħet bdiet il-kooperazzjoni strutturali mal-RDK, l-UE pprovdiet madwar EUR 1,9 biljun f'assistenza bejn l-2003 u l-2011, u b'hekk saret waħda mis-sħab l-aktar importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż.

L-awditu eżamina l-effettività tal-appoġġ tal-UE għall-proċess elettorali, ir-riformi tal-ġustizzja u tal-pulizija u tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni.

Il-QEA sabet li t-titjib tal-governanza fl-RDK se jkun proċess twil. Bħal sħab oħra għall-iżvilupp, l-UE qed tiffaċċja ostakoli serji fl-isforzi tagħha biex tkompli ttejjeb il-governanza fl-RDK. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni għandha għarfien tajjeb tal-kaġuni prinċipali tal-fraġilità tal-Istat fl-RDK, ma ħaditx kont biżżejjed ta’ dan il-kuntest fit-tfassil tal-programmi tal-UE.

Sabiex jiġu massimizzati l-possibbiltajiet li l-fondi tal-UE jintnefqu sew, l-awditu jikkonkludi li "Jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-finanzjament ikun marbut mill-qrib mal-ftehim tal-pajjiż sieħeb dwar il-kundizzjonijiet, l-objettivi u r-riskji tal-programmi u jkun mirfud bi djalogu effettiv ta’ politika mal-gvern dwar id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-istrateġiji xierqa ta’ riforma."

Il-QEA tirrakkomanda li l-Kummissjoni u s-SEAE janalizzaw ċerti komponenti tal-istrateġija ta’ kooperazzjoni tal-UE mal-RDK, jivvalutaw aħjar ir-riskji marbuta mal-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi, jistabbilixxu objettivi li jistgħu jintlaħqu fil-kuntest nazzjonali u jsaħħu l-użu tal-kundizzjonalità u d-djalogu ta’ politika.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 09/2013) huwa intitolat "Appoġġ tal-UE għall-governanza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo". Il-QEA vvalutat jekk l-appoġġ tal-UE għall-governanza huwiex rilevanti għall-ħtiġijiet u huwiex qed jikseb ir-riżultati ppjanati tiegħu u jekk il-Kummissjoni tiħux kont biżżejjed tal-kuntest fraġli tal-RDK fit-tfassil tal-programmi tal-UE. L-awditu kopra l-appoġġ tal-UE għall-proċess elettorali, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà (ġustizzja u pulizija), ir-riforma tal-ĠFP u d-deċentralizzazzjoni matul il-perjodu mill-2003 sal-2011.

L-awditu kkonkluda li l-effettività tal-assistenza tal-UE għall-governanza fl-RDK hija limitata. L-appoġġ tal-UE għall-governanza huwa stabbilit fi strateġija ta’ kooperazzjoni ġeneralment tajba, jindirizza l-ħtiġijiet prinċipali tal-governanza tal-pajjiż u kiseb xi riżultati. Madankollu, il-progress miexi bil-mod, u huwa irregolari u, kumplessivament, limitat. Inqas minn nofs il-programmi taw, jew x’aktarx li jagħtu, il-biċċa l-kbira tar-riżultati mistennija. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-sostenibbiltà hija prospett mhux realistiku.

Il-Kummissjoni qed tiffaċċja ostakoli serji fl-isforzi tagħha biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza fl-RDK: in-nuqqas ta’ rieda politika, id-dinamika mmexxija mid-donaturi tal-programmi u n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ assorbiment. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni għandha għarfien tajjeb tal-kaġuni u l-konsegwenzi prinċipali tal-fraġilità tal-Istat fl-RDK, ma ħaditx kont biżżejjed ta’ dan il-kuntest fit-tfassil tal-programmi tal-UE. Ir-riskji ma ġewx indirizzati b’mod adegwat, l-objettivi tal-programm ħafna drabi huma ambizzjużi żżejjed, il-kundizzjonalità għandha effett dgħajjef ta’ inċentiv u d-djalogu ta’ politika ma ġiex sfruttat fil-potenzjal kollu tiegħu u ma ġiex ikkoordinat b’mod adegwat mal-Istati Membri tal-UE fl-oqsma kollha.

Ibbażat fuq is-sejbiet tagħha, il-QEA toffri għadd ta' rakkomandazzjonijiet, fosthom:

  • li l-Kummissjoni u s-SEAE (i) jagħtu iktar attenzjoni biex jiġi żgurat bilanċ xieraq tal-għajnuna bejn il-provinċji kollha, b’mod speċjali dawk l-ifqar; (ii) jikkombinaw appoġġ fil-livell ċentrali mal-programmi fil-livelli provinċjali li jorbtu d-deċentralizzazzjoni politika u territorjali ma’ strateġiji mtejba ta’ ġestjoni tar-riżorsi naturali u riabilitazzjoni u żvilupp tal-infrastruttura; u (iii) iqisu mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għal ġestjoni mtejba tar-riżorsi naturali abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet;

  • li l-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri li jipprevienu jew jimmitigaw ir-riskji u tiddefinixxi b’mod ċar il-linja ta’ azzjoni li għandha tiġi segwita f’każ li r-riskji jsiru realità.

  • tipprevedi flessibbiltà matul l-implimentazzjoni tal-programmi sabiex l-objettivi jkunu jistgħu jiġu riveduti mill-ewwel meta xieraq.

  • l-għajnuna tal-UE tkun aktar effiċjenti kieku l-Kummissjoni kellha ssaħħaħ l-użu tagħha ta’ kundizzjonalità u djalogu ta’ politika. Dan ikun jinvolvi (i) stabbiliment ta’ kundizzjonijiet ċari, rilevanti, realistiċi u marbuta mal-ħin, (ii) valutazzjoni perjodika tal-konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma, u (iii) rispons sod, proporzjonat u f’waqtu jekk il-gvern tal-RDK juri impenn insuffiċjenti għall-konformità, bis-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-programm fejn xieraq

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website