Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Appoġġ tal-UE għal foresti privati: ebda riżultat tanġibbli, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Cour des comptes - ECA/13/27   19/09/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/27

Il-Lussemburgu, is-19 ta’ Settembru 2013

Appoġġ tal-UE għal foresti privati: ebda riżultat tanġibbli, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Is-sitwazzjoni fis-settur tal-forestrija fl-UE ma ġietx analizzata speċifikament sabiex tiġġustifika appoġġ finanzjarju speċifiku mmirat għat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti, skont rapport maħruġ illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). L-Istati Membri użaw il-miżura għall-appoġġ ta' operazzjonijiet li ma kinux jikkorrispondu mal-għanijiet tal-programm u li jkunu ffinanzjati b'mod aktar xieraq minn miżuri oħra b'rekwżiti ta' eliġibbiltà u b’rati ta’ għajnuna għall-finanzjament differenti, normalment aktar baxxi.

Il-miżura speċifika 122 "titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti" ġiet introdotta għall-ewwel darba għall-perjodu baġitarju 2007-13 tal-UE. L-ammont totali allokat għall-miżura ammonta għal EUR 535 miljun fil-perjodu 2007-13. L-awditu tal-QEA kixef defiċjenzi fl-istadji kollha tal-programm - it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżura. L-awdituri tal-Qorti kkonkludew li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma ġestewx l-aspetti awditjati tal-appoġġ għat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti b’mod effiċjenti u effettiv. B'kunsiderazzjoni tal-fatt li huwa propost li dan il-programm ta' appoġġ jinżamm għall-perjodu baġitarju 2014-20 li jmiss, il-QEA pproponiet għadd ta' titjib biex jiġi żgurat li l-programm jipprovdi valur miżjud tal-UE.

Il-QEA sabet li kienu ftit biss mill-proġetti awditjati li tejbu l-valur ekonomiku tal-foresti b’mod sinifikanti, jew billi tejbu l-valur tal-art (bini ta’ trejqiet u toroq forestali) jew il-valur tal-formazzjonijiet (operazzjonijiet ta’ silvikultura bħaż-żbir jew l-irmondar). Inkixfu wkoll każijiet ta’ appoġġ pubbliku li kienu sproporzjonatament għoljin.

Fid-dawl tar-riżultati tal-programm attwali, il-QEA tirrakkomanda li l-Kummissjoni teżaminah bir-reqqa billi l-ewwel nett tiddefinixxi fiex jikkonsisti l-valur ekonomiku ta' foresta, u li tivvaluta l-ħtiġijiet tal-UE għall-appoġġ ta' valur ekonomiku li dejjem jiżdied, kif ukoll li tiddefinixxi b'mod ċar il-karatteristiċi ewlenin li jiżguraw li l-appoġġ tal-UE jkun imimirat biex jindirizza dawk il-ħtiġijiet. Il-QEA appellat ukoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu proċeduri adegwati li jiżguraw li l-appoġġ ikun effettiv sabiex iżid fil-fatt il-valur ekonomiku taż-żoni forestali fejn isiru l-investimenti.

Il-QEA sabet li l-Istati Membri ma ddeterminawx jew ma ħtiġux li l-benefiċjarji jiddeterminaw il-valur taż-żoni forestali qabel u wara l-investimenti, u għalhekk huwa ferm diffiċli li jiġi ddeterminat jekk żdiedx xi valur b'riżultat tal-appoġġ tal-UE.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS Nru 08/2013) huwa intitolat "Appoġġ għat-Titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti

mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali". Il-QEA tivvaluta jekk l-appoġġ għall-iżvilupp rurali

għat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti huwiex ġestit b’mod effiċjenti u effettiv. L-awditu kopra kemm il-Kummissjoni kif ukoll Stati Membri magħżula (Spanja (Galicia), l-Italja (it-Toskana), l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovenja) li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tan-nefqa totali ddikjarata.

L-awditu sab dgħufijiet fit-tfassil tal-miżura li jfixklu b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha: fil-livell tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni fis-settur tal-forestrija fl-UE ma kinitx analizzata speċifikament sabiex tiġġustifika l-proposta ta’ appoġġ finanzjarju speċifiku għat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti ta’ sidien privati jew muniċipalitajiet. Barra minn hekk, karatteristiċi ewlenin tal-miżura ma ġewx definiti fid-dispożizzjonijiet legali, partikolarment it-tifsira ta’ “valur ekonomiku tal-foresti” u x’inhi “azjenda tal-forestrija”. Barra minn dan, l-Istati Membri stabbilixxew daqsijiet differenti ħafna ta’ azjendi forestali li ′l fuq minnhom kien jinħtieġ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti.

Il-QEA sabet li kienu ftit biss mill-proġetti awditjati li tejbu l-valur ekonomiku tal-foresti b’mod sinifikanti, jew billi tejbu l-valur tal-art (bini ta’ trejqiet u toroq forestali) jew il-valur tal-formazzjonijiet.

(operazzjonijiet ta’ silvikultura bħaż-żbir jew l-irmondar).

Fid-dawl tar-riżultati tal-programmi attwali, il-QEA tirrakkomanda li:

Il-Kummissjoni għandha: tiddefinixxi u tivvaluta l-ħtiġijiet tal-UE għat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti; tiddefinixxi b’mod ċar il-karatteristiċi ewlenin li jiżguraw li l-appoġġ tal-UE jiġi mmirat biex jindirizza dawk il-ħtiġijiet, u b’hekk jinħoloq valur miżjud tal-UE.

L-Istati Membri għandhom: jiddeskrivu b’mod adegwat fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ekonomiċi speċifiċi tat-tipi differenti ta’ żoni forestali u benefiċjarji; itejbu l-ġestjoni tal-foresti billi jipprovdu għall-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti għall-parti l-kbira tal-azjendi forestali u l-promozzjoni taċ-ċertifikazzjoni ta’ żoni forestali; jistabbilixxu rekwiżiti adegwati biex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-forestrija fi ħdan il-politika ta’ żvilupp rurali jkun konsistenti, konformi mad-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-istat u jimmassimizza l-effettività tagħha; jistabbilixxu proċeduri adegwati biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikun effettiv biex iżid fil-fatt il-valur ekonomiku taż-żoni forestali fejn isiru l-investimenti;

Il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-monitoraġġ tagħha tal-miżura biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentawha f’konformità mal-objettivi speċifiċi stabbiliti. F’termini konkreti, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-benefiċjarji

jipprovdu dettalji tal-valur taż-żoni forestali tagħhom kemm qabel kif ukoll wara l-investimenti li tingħatalhom l-għajnuna u l-korpi ta’ ġestjoni għandhom ikunu meħtieġa jivvalidaw dawn il-valuri.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site