Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-fondi tal-UE għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali qed iwasslu biss kwalità limitata meta mqabbla mal-prezz, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/13/25   17/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/25

Il-Lussemburgu, is-17 ta' Settembru 2013

Il-fondi tal-UE għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali qed iwasslu biss kwalità limitata meta mqabbla mal-prezz, jgħidu l-Awdituri tal-UE

L-Istati Membri kienu ta' sikwit aktar immexxija minn ħtieġa li jintnefaq il-baġit allokat milli minn valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proġetti ta' diversifikazzjoni stess. F’xi Stati Membri, fejn kien hemm baġit suffiċjenti disponibbli, il-proġetti kollha eliġibbli ġew iffinanzjati irrispettivament minn kif ġie vvalutat il-proġett f'termini tal-effettività u l-effiċjenza tiegħu. Kien biss aktar tard fil-perjodu meta l-finanzjament kien limitat, li proġetti aħjar ġew irrifjutati.

L-infiq tal-iżvilupp rurali tal-UE għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali huwa intenzjonat li jindirizza problemi identifikati f'żoni rurali bħad-depopolazzjoni, l-iskarsezza ta’ opportunitajiet ekonomiċi u l-qgħad. Huwa jipprovdi finanzjament lin-nies u lin-negozji rurali għal proġetti bħala għajnuna fl-appoġġ għat-tkabbir, l-impjieg u l-iżvilupp sostenibbli. In-nefqa tal-UE ppjanata għal dawn il-miżuri kienet ta’ EUR 5 biljun għall-perjodu 2007-2013 u EUR 2 biljun ġew allokati wkoll mill-fondi nazzjonali tal-Istati Membri. L-awditu kopra r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u ta' sitt Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, Franza – Aquitaine, l-Italja – Campania, il-Polonja, l-Isvezja (Västra Götaland) u r-Renju Unit – l-Ingilterra (Yorkshire u Humber).

Il-prijorità predominanti ta’ ħolqien ta’ impjiegi ma ġietx immirata kif xieraq. Il-metodi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni stabbiliti ma ppermettewx li l-istampa vera tal-impjiegi li nħolqu u li nżammu permezz ta' dawn il-miżuri tiġi aċċertata. Il-kampjun ta' proġetti awditjati wera li rnexxielhom b’mod moderat biss jiġġeneraw l-impjieg intenzjonat.

F'ħafna każijiet, l-awdituri tal-UE sabu li l-proġetti kienu jipproċedu anke mingħajr finanzjament mill-UE, u b'hekk ir-riżultat kien ikun użu ineffiċjenti tal-fondi limitati tal-UE. Il-kontrolli tal-Istati Membri fuq ir-raġonevolezza tal-ispejjeż tal-proġetti ma naqqsux b’mod suffiċjenti r-riskju ta’ nfiq eċċessiv. Barra minn hekk, ġew identifikati eżempji ta’ piż amministrattiv eċċessiv u ta' dewmien fil-pagamenti.

"Il-fatt li l-Istati Membri u r-reġjuni awditjati ma speċifikawx b’mod ċar x’jixtiequ jiksbu jindika strateġija li hija mmexxija mid-domanda aktar milli mmexxija mill-objettivi. F'termini prattiċi, dan wassal għal sitwazzjonijiet fejn kważi kull tip ta' proġett seta' jiġi akkommodat taħt l-objettivi stabbiliti," qal Jan Kinšt, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 06/2013) huwa intitolat "L-Istati Membri u l-Kummissjoni kisbu l-aħjar kwalità meta mqabbla mal-prezz bil-miżuri għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali?" Il-QEA vvalutat jekk il-miżuri ġewx imfassla u implimentati b'tali mod li jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tkabbir u l-impjiegi u jekk intgħażlux il-proġetti l-aktar effettivi u effiċjenti għall-finanzjament. Barra minn hekk, il-Qorti vvalutat jekk l-informazzjoni disponibbli dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni pprovdietx informazzjoni affidabbli, kompleta u fil-ħin dwar ir-riżultati tal-miżuri.

L-awditu sab li b'mod kumplessiv il-Kummissjoni u l-Istati Membri kisbu, sa punt limitat biss, l-aħjar kwalità meta mqabbla mal-prezz permezz tal-miżuri għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali, peress li l-għajnuna ma ġietx immirata sistematikament lejn il-proġetti li kellhom l-akbar probabbiltà li jiksbu l-għan tal-miżuri.

Dan kien dovut għal nuqqas ta’ ħtiġijiet ċari għall-intervent jew ta' objettivi speċifiċi stabbiliti fil-programmi ta' żvilupp rurali (PŻR), kriterji ta’ eliġibbiltà wesgħin adottati li ma llimitawx il-proġetti għal dawk li kellhom l-akbar probabbiltà li jiksbu d-diversifikazzjoni u kriterji tal-għażla li ma għażlux l-aktar proġetti effettivi jew li ma ġew applikati xejn. Ta’ spiss, u b’mod partikolari fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, l-għażla tal-proġetti kienet aktar immexxija mill-ħtieġa li jintnefaq il-baġit allokat milli mill-kwalità tal-proġetti stess. F’xi Stati Membri, fejn kien hemm baġit suffiċjenti disponibbli, il-proġetti kollha eliġibbli ġew iffinanzjati irrispettivament minn kif ġie vvalutat il-proġett.

Għalhekk il-QEA rrakkomandat li:

Fil-programmi ta' żvilupp rurali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw b'mod ċar kif u għaliex l-intervent pubbliku għal investimenti f’attivitajiet mhux agrikoli se jgħin biex jirrimedja pereżempju n-nuqqasijiet tas-suq relatati mal-ostakoli għall-impjieg u t-tkabbir. L-Istati Membri għandhom imbagħad jistabbilixxu objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu fir-rigward ta’ dawn il-ħtiġijiet. Il-Kummissjoni għandha tapprova biss dawk il-PŻR li jippreżentaw strateġiji sostanzjati u komprensivi b’bażi loġika ċara li turi kif l-intervent tal-politika se jikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi ta’ ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ tkabbir u opportunitajiet ta’ impjieg.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u japplikaw b’mod konsistenti kriterji li jiżguraw l-għażla tal-proġetti l-aktar effettivi u sostenibbli fir-rigward tal-objettivi speċifiċi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn il-kriterji jiġu applikati b’mod korrett u kontinwu, mhux biss f’każijiet ta’ nuqqas baġitarju.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-adozzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-mitigazzjoni tar-riskji ta’ deadweight u spustament. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw il-prattika li tippermetti li n-nefqa għall-investimenti tkun eliġibbli biss mid-data tal-approvazzjoni tal-għotja.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom sistemi effettivi biex iwettqu kontrolli fuq ir-raġonevolezza tal-ispejjeż.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, tinkiseb informazzjoni rilevanti u affidabbli biex jiġu ffaċilitati l-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-miżura u biex jintwera sa liema punt l-għajnuna mogħtija qed tikkontribwixxi għall-kisba tal-prijoritajiet tal-UE. Il-miri għall-ħolqien tal-impjiegi għandhom ikunu realistiċi u n-numru ta’ impjiegi maħluqa għandu jiġi mmonitorjat b’mod preċiż, il-miżuri għandhom jiġu ġestiti aħjar matul il-perjodu ta’ programmazzjoni u b’mod partikolari jekk isir evidenti li l-miri stabbiliti ma jkunux se jintlaħqu.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-piż amministrattiv u jiżguraw li l-pagamenti jsiru fi żmien raġonevoli.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website