Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Temmu l-programmi “ineffettivi” għaċ-ċaqliq ta’ merkanzija mit-toroq għall-ferroviji, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Cour des comptes - ECA/13/23   16/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/20

Il-Lussemburgu, is-16 ta’ Lulju 2013

Temmu l-programmi “ineffettivi” għaċ-ċaqliq ta’ merkanzija mit-toroq għall-ferroviji, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Il-programmi Marco Polo, immirati lejn iċ-ċaqliq tat-trasport ta’ merkanzija lil hinn mit-toroq, kienu ineffettivi u għandhom jintemmu fit-tfassil attwali tagħhom, skont rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA).Fi kliem sempliċi, il-programmi kienu ineffettivi billi ma ssodisfawx il-miri, inkiseb ftit impatt fuq iċ-ċaqliq tat-trasport ta’ merkanzija lil hinn mit-toroq u ma kienx hemm data biex jiġi vvalutat l-ilħuq tal-objettivi tal-politika (eż. benefiċċji ambjentali)" qal Ville Itälä, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport.

Sa mill-2003, il-programmi Marco Polo I u II iffinanzjaw proġetti ta’ servizzi ta’ trasport imfasslin biex iċaqalqu t-trasport ta’ merkanzija mit-triq għall-ferroviji, għall-passaġġi tal-ilma interni u għat-tbaħħir fil-qosor. Il-programmi kienu parti mill-objettiv tal-politika tat-trasport tal-UE li jiġu żviluppati alternattivi għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq biss. Dan l-objettiv ġeneralment aċċettat jimmira li jnaqqas it-traffiku tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, u b’hekk titjieb il-prestazzjoni ambjentali tat-trasport ta’ merkanzija, titnaqqas il-konġestjoni u tiżdied is-sigurtà fit-toroq.

Iżda l-awditu sab li ma kienx hemm biżżejjed proposti ta’ proġetti rilevanti mressqa minħabba li s-sitwazzjoni tas-suq u r-regoli tal-programmi qatgħu qalb l-operaturi milli jieħdu vantaġġ mill-iskema. Nofs il-proġetti awditjati kienu ta’ sostenibbiltà limitata. Waħda mis-sejbiet prinċipali tal-awditu kienet li kien hemm indikazzjonijiet serji ta’ “piż mejjet” – jiġifieri proġetti li kienu jipproċedu anke mingħajr finanzjament mill-UE. Fil-fatt, 13 mis-16-il benefiċjarju awditjati kkonfermaw li kieku kienu jibdew u joperaw is-servizz ta’ trasport anke mingħajr sussidju. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda data affidabbli biex jiġu vvalutati l-benefiċċji fuq l-impatt ambjentali tat-trasport ta' merkanzija, fuq il-konġestjoni tat-traffiku jew fuq is-sigurtà fit-toroq.

Minħabba r-riżultati tal-programmi attwali, il-QEA tirrakkomanda li jintemm il-finanzjament mill-UE għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li għandhom l-istess tfassil bħall-programmi Marco Polo. Fil-futur, tali finanzjament għandu jiddependi fuq valutazzjoni tal-impatt minn qabel, li turi jekk hemmx u sa fejn hemm valur miżjud tal-UE. Dan għandu jinvolvi analiżi ddettaljata tad-domanda potenzjali u tal-aħjar prattika fl-Istati Membri.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (SR 03/2013) huwa intitolat Il-programmi Marco Polo kienu effettivi fiċ-ċaqliq tat-traffiku lil hinn mit-toroq?Il-QEA vvalutat jekk il-Kummissjoni kinitx ippjanat il-programmi, u jekk kinitx qed iġġestihom u tissorveljahom, b’tali mod li tkabbar l-effettività tagħhom, u jekk il-proġetti ffinanzjati kinux effettivi. Ix-xogħol tal-awditjar iffoka prinċipalment fuq il-livell tal-programm billi analizza valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet u riżultati ta’ stħarriġ, evalwazzjonijiet dwar proposti ta’ proġetti, analiżijiet fl-uffiċċju tal-monitoraġġ ta’ ftehimiet ta’ għotja ffirmati u stħarriġ tal-membri tal-Kumitat tal-Programm Marco Polo (MP) dwar skemi nazzjonali ta’ appoġġ. Dan ix-xogħol fuq il-livell tal-programm ġie kkomplementat minn verifikazzjoni fuq il-post tal-kisbiet tal-proġetti għal 16-il proġett ta’ ċaqliq modali kkompletati, 8 għaż-żewġ programmi (MP I, li seħħ bejn l-2003 u l-2006, u MP II, li qed iseħħ bejn l-2007 u l-2013).

L-awditu sab li l-programmi ma kinux effettivi: il-prodotti miksuba ma laħqux il-miri stipulati minn min jagħmel il-politika tal-UE u nkiseb ftit li xejn impatt fuq iċ-ċaqliq tal-merkanzija lil hinn mit-toroq. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda data affidabbli biex jiġu vvalutati l-benefiċċji lejn l-impatt ambjentali tat-trasport ta’ merkanzija, tat-tnaqqis ta’ konġestjoni fit-toroq u tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq. Ma tressqux biżżejjed proposti ta’ kwalità tajba minħabba li l-programmi ma kinux imfassla sew għan-negozji u l-inflessibbiltà fil-ġestjoni u diffikultajiet fl-implimentazzjoni ġiegħlu lill-benefiċjarji jiddeċiedu jew li ma jimplimentawx proġetti approvati, jew li jtemmuhom qabel iż-żmien jew li jikkanċellaw jew inaqqsu l-ambitu tas-servizz iffinanzjat, ladarba li l-perjodu tal-proġett ikun għadda. Dan wassal għal riżultati foqra tal-proġetti u għal sostenibbiltà fqira tas-servizzi ta’ trasport iffinanzjati. Barra minn dan, hemm inċertezza dwar il-kwantitajiet limitati rrappurtati mċaqalqa u dawn jinkludu piż mejjet.

Filwaqt li l-Kummissjoni tejbet il-ġestjoni ta’ kuljum tal-programmi matul iż-żmien, hija ma wettqitx valutazzjoni fundamentali tal-potenzjal tas-suq tal-programmi biex jilħqu l-objettivi tal-politika; hija ma qisitx żviluppi ġodda u ma ħaditx azzjoni korrettiva fil-ħin biex tirrimedja d-dgħufijiet evidenti fit-tfassil tal-programmi.

Minħabba r-riżultati tal-programmi attwali, il-QEA tirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni li jikkunsidraw li jtemmu l-finanzjament mill-UE għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li jsegwu l-istess tfassil bħall-programmi Marco Polo ("top-down supply-push” (spinta lill-provvista minn fuq għal isfel)) li wasslu b’mod partikolari għad-dgħufijiet identifikati f’dan ir-rapport (rispons insuffiċjenti għas-suq, assenza ta’ evidenza dwar l-ilħuq tal-objettivi, piż amministrattiv kbir, sostenibbiltà fqira u piż mejjet) u li jagħmlu l-kontinwazzjoni ta’ dan il-finanzjament kundizzjonali fuq valutazzjoni tal-impatt ex-ante li turi jekk hemmx u sa fejn hemm valur miżjud tal-UE. Dan kieku jimplika t-twettiq ta’ analiżi tas-suq iddettaljata dwar id-domanda potenzjali u l-adottar tal-esperjenza u l-aħjar prattiki ta’ skemi nazzjonali ta’ appoġġ simili tal-Istati Membri. Huwa biss fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva fir-rigward ta’ azzjoni sinifikanti tal-UE f’dan il-qasam, li l-Qorti tirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu serje ta’ azzjonijiet biex issaħħaħ il-prestazzjoni fi skemi futuri.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site