Navigation path

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/22

Il-Lussemburgu, il-15 ta’ Lulju 2013

“Differenzi sinifikanti fl-ispejjeż bejn proġetti tat-toroq kofinanzjati mill-UE”

Previżjonijiet tat-traffiku li huma ottimisti żżejjed iwasslu għal proġetti tat-toroq aktar għaljin

L-UE allokat madwar EUR 65 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-kofinanzjament tal-kostruzzjoni u r-rinnovament ta’ toroq mill-2000 sal-2013. Il-QEA awditjat 24 proġett ta’ investiment fit-toroq tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni fil-Ġermanja, fil-Greċja, fil-Polonja u fi Spanja biex tivvaluta jekk laħqux l-objettivi tagħhom bi spiża raġonevoli. Il-valur totali tal-proġetti awditjati qabeż l-EUR 3 biljun.

Sejba waħda interessanti ħafna tal-Qorti kienet li kien hemm differenzi sinifikanti bejn il-proġetti tat-toroq kofinanzjati mill-UE.

Il-Qorti kkalkulat l-ispejjeż totali, l-ispejjeż totali tal-kostruzzjoni u l-ispejjeż tal-kostruzzjoni ta’ toroq għal kull 1 000 m2 ta’ superfiċje tat-toroq. Il-proġetti awditjati fil-Ġermanja kellhom l-anqas spiża għal kull 1 000 m2 fit-tliet kategoriji kollha (spejjeż totali medji ta’ EUR 287 043 fil-Ġermanja, EUR 496 208 fi Spanja; ara l-Figura 2 tar-rapport). Ma hemm l-ebda evidenza li dan jista’ jiġi spjegat bl-ispejjeż tax-xogħol.

Il-proġetti tat-toroq kollha eżaminati mill-Awdituri wasslu għal iffrankar fil-ħin tal-ivvjaġġar u tejbu s-siġurtà fit-toroq. Iżda huma sabu li ngħatat attenzjoni insuffiċjenti biex tiġi żgurata l-kosteffettività. Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati kienu affettwati minn previżjonijiet impreċiżi tat-traffiku. Ir-riżultat kien li t-tip ta’ triq magħżula ħafna drabi ma kinitx l-aktar adatta għat-traffiku li ġarret. Awtostradi kienu ppreferuti fejn toroq għat-traffiku veloċi setgħu solvew il-problemi tat-traffiku. Erbatax minn 19-il proġett irreġistraw użu anqas milli mistenni. Meta mqabbla ma’ pjanijiet inizjali, iż-żieda medja tal-ispiża kienet ta’ 23 %. Iż-żmien maqbuż kellu medja ta' 9 xhur jew 41 % meta mqabbel mad-dati ta’ skadenza miftiehma inizjalment.

Akbar mhux dejjem huwa aħjar,” qal Harald Wögerbauer, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport.

Awtostradi għandhom jiġu ffinanzjati bil-flus tal-UE biss fejn ikun hemm ħtieġa ċara għat-traffiku. It-twassil tal-informazzjoni korretta lil min jippjana u lill-inġiniera jgħinhom biex iżommu l-ispejjeż baxxi tal-bini ta’ toroq.

L-Awdituri jagħmlu tliet rakkomandazzjonijiet prinċipali: kofinanzjament mill-UE ta’ proġetti tat-toroq għandu jiddependi fuq objettivi ċari b’miri għall-ħin tal-ivvjaġġar, kisbiet fis-sigurtà fit-toroq, titjib fil-kapaċità u effetti ekonomiċi; pagamenti għandhom jiġu kkollegati mal-użu ta’ tekniki kosteffettivi tal-kostruzzjoni ta’ toroq li huma konformi mal-aħjar prattiki; u Stati Membri għandhom jiżguraw il-kompetizzjoni internazzjonali fuq proġetti ta’ kostruzzjoni u jiffukaw is-sistemi ta’ akkwist fuq it-twassil tal-aktar offerti ekonomiċi.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 05/2013) huwa intitolat Il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE jintnefqu sew fuq it-toroq?Il-QEA vvalutat jekk il-proġetti ta’ infrastruttura tat-toroq li ġejjin mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE laħqux l-objettivi tagħhom bi spiża raġonevoli. L-awditu involva proġetti kofinanzjati tat-toroq fil-Ġermanja (DE), fil-Greċja (EL), fil-Polonja (PL) u fi Spanja (ES). Dawn l-erba’ Stati Membri għandhom l-ogħla allokazzjonijiet ta' fondi tal-Politika ta' Koeżjoni għat-toroq fil-perjodu 2000 2013, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 62 % tal-kofinanzjament kollu għat-toroq mill-UE. L-awditu kopra awtostradi (10 proġetti), toroq għal traffiku veloċi (10 proġetti) u toroq prinċipali importanti b’żewġ lejns (4 proġetti).

L-awditu sab li l-proġetti kollha awditjati żiedu l-kapaċità u l-kwalità għan-netwerks tat-toroq u rriżultaw fi ffrankar fil-ħin tal-ivvjaġġar u f’titjib fis-siġurtà fit-toroq. Iżda l-objettivi għall-iżvilupp ekonomiku ma setgħux jitkejlu u ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar l-impatt tal-proġetti fuq l-ekonomija lokali jew nazzjonali. Il-vijabbiltà ekonomika reali kkalkulata bl-użu ta’ proporzjon benefiċċju/kost ibbażat fuq l-ispiża u l-użu reali kienet aktar baxxa b’mod sinifikanti għal nofs il-proġetti meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet magħmula fil-fażi ta’ ppjanar b'anqas spejjeż u / jew traffiku ogħla b’mod sinifikanti.

Il-QEA sabet li ngħatat attenzjoni insuffiċjenti għall-iżgurar tal-kosteffettività tal-proġetti: (a) Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati kienu affettwati minn previżjonijiet tat-traffiku impreċiżi. Erbgħa biss minn 19-il proġett li għalihom kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli ġarrew volumi ta’ traffiku li kienu konformi mal-previżjonijiet. (b) It-tip ta’ triq magħżula ma kinitx l-aktar adatta għat-traffiku li ġarret: awtostradi, li jiswew ħafna aktar flus minn toroq għat-traffiku veloċi (l-ispiża totali medja għal kull km hija madwar EUR 11-il miljun għal awtostradi u EUR 6,2 miljun, jiġifieri 43 % orħos, għal toroq għat-traffiku veloċi), kienu l-opzjoni preferuta ta' kostruzzjoni, anke għal sezzjonijiet fejn toroq għat-traffiku veloċi setgħu qdew il-ħtiġijiet tat-traffiku. (c) Waqt l-implimentazzjoni tagħhom il-proġetti awditjati saru aktar għaljin u ġew affettwati minn dewmien billi ż-żieda medja fil-prezz oriġinali tal-kuntratt kienet ta’ 23 % u ż-żmien maqbuż kellu medja ta' 9 xhur jew 41 % taż-żmien ippjanat.

Minħabba r-riżultati tal-awditu, il-QEA tirrakkomanda li:

(a) il-Kummissjoni għandha tanalizza d-differenzi fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni ta’ toroq bejn l-Istati Membri sabiex tidentifika l-kawżi ta’ differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tagħhom u tassigura li l-aħjar prattiki jiġu applikati fil-futur;

(b) il-kofinanzjament mill-UE ta’ proġetti tat-toroq għandu jsir suġġett għall-eżistenza ta’ objettivi ċari li jkunu akkumpanjati b’indikaturi għal iffrankar tal-ħin tal-ivvjaġġar, kisbiet fis-sigurtà fit-toroq, titjib fil-kapaċità u effetti fuq l-ekonomija. Il-kofinanzjament għandu jiddependi fuq l-użu ta’ soluzzjonijiet tekniċi raġonevoli u kosteffettivi li jkunu konformi mal-aħjar prattiki identifikati u l-passi meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw il-kompetizzjoni internazzjonali fis-swieq tal-kostruzzjoni nazzjonali u/jew reġjonali u li jiffukaw is-sistemi tal-akkwist fuq it-twassil tal-aktar offerti ekonomiċi;

(c) il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn amministrazzjonijiet nazzjonali tat-toroq li jikkonċernaw l-aħjar soluzzjonijiet tekniċi għall-proġetti tat-toroq abbażi ta’ previżjonijiet affidabbli tat-traffiku; u

(d) il-Kummissjoni għandha tqis l-istabbiliment ta’ bażi tad-data mifrux mal-Unjoni Ewropea b’informazzjoni dwar l-ispejjeż għal kull unità għal inġiniera li jippreparaw stimi għal proġetti ġodda, sabiex tgħin lill-benefiċjarji jnaqqsu l-prezzijiet tal-akkwist.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website