Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Fondi ta’ emerġenza għal ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom għandhom jitħallsu aktar malajr, igħidu l-Awdituri tal-UE

Cour des comptes - ECA/13/19   25/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/19

Il-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2013

Fondi ta’ emerġenza għal ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom għandhom jitħallsu aktar malajr, igħidu l-Awdituri tal-UE

Fond speċjali biex jgħin lil ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-globalizzazzjoni jagħti biss valur miżjud limitat tal-UE u għandu jiġi sostitwit minn sistema aktar effiċjenti, skont rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), l-għassies tal-infiq tal-UE.

Bejn Marzu 2007 u Diċembru 2012, il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni ħallas aktar minn EUR 600 miljun lil ħaddiema li kienu tilfu l-impjiegi tagħhom f'telf ta’ impjieg fuq bażi massiva kkawżat minn tibdil fil-mudelli kummerċjali tad-dinja. L-awdituri sabu li l-ħaddiema l-aktar eliġibbli ġew offruti assistenza personalizzata u kkoordinata tajjeb. Iżda l-każijiet kollha awditjati kienu jinkludu miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu li kienu jitħallsu xorta waħda mill-Istati Membri. L-appoġġ għall-introjtu kien jirrappreżenta 33 % tal-ispejjeż rimborżati fil-każijiet kollha eżaminati. Barra minn dan, ma kienet teżisti ebda data adegwata biex jitkejjel kemm il-fondi kienu effettivi biex igħinu lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jerġgħu jsibu impjieg.

Fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom, l-awdituri jgħidu li l-Fond għall-Globalizzazzjoni jista' jiġi sostitwit minn qafas adattat tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex jitwassal appoġġ lill-ħaddiema aktar malajr.

“L-evidenza li nġabret matul l-awditu ma kkonviċitniex li l-Fond għall-Globalizzazzjoni huwa l-aħjar mod biex jitwassal dan l-appoġġ speċifiku tant meħtieġ,” qal Ville Itälä, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, “Ikun aktar effettiv kieku sempliċiment jiġi aġġustat il-Fond Soċjali biex jittratta dawn il-problemi”.

Il-Fond għall-Globalizzazzjoni kien imfassal biex jindirizza sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq perjodu qasir u sitwazzjonijiet ad-hoc. L-appoġġ jinkludi taħriġ, għajnuna għal impjieg indipendenti, formazzjoni u rikollokament. Il-Fond jikkofinanzja miżuri b’rata ta’ 50 % jew 65 %, fejn il-bilanċ jiġi pprovdut mill-Istat Membru kkonċernat.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (SR 7/2013) huwa intitolat "lI-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wassal għal valur miżjud tal-UE bir-riintegrazzjoni ta’ ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom?" Il-QEA vvalutat jekk il-kontribut li sar mill-FEG biex il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom ikunu jistgħu jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol mill-aktar fis possibbli kienx effettiv. Il-QEA fittxet li twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin: Il-ħaddiema kollha milquta bbenefikaw minn miżuri personalizzati tal-FEG, u l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol ikkofinanzjati mill-FEG kienu kkoordinati ma’ miżuri simili oħra (jiġifieri l-miżuri tal-FSE u tal-Istati Membri)? Il-FEG kien effettiv f’termini ta’ riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol? Huwa probabbli li n-natura tal-miżuri tal-FEG tipprovdi valur miżjud tal-UE? Il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-FEG ġiet implimentata b’mod puntwali? Tmien każijiet f’erba’ Stati Membri (tnejn fid-Danimarka, tnejn fil-Ġermanja, tnejn fl-Irlanda u tnejn fil-Litwanja) li fihom intuża l-FEG, ġew awditjati fuq il-post.

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit fl-2006 sabiex tintwera s-solidarjetà tal-UE lejn il-ħaddiema milquta minn telf ta’ impjieg fuq bażi massiva. Il-FEG għandu jiffaċilita r-riintegrazzjoni fl-impjieg ta’ dawk il-ħaddiema billi jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji għal pakketti ta’ servizzi personalizzati li jkunu kkoordinati u ta’ żmien limitat. Dawn il-pakketti jinkludu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol bħal taħriġ, għajnuna għal impjieg indipendenti, formazzjoni u rikollokament. Bosta drabi jinkludu wkoll appoġġ għall-introjtu u benefiċċji oħra mħallsa lill-ħaddiema.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jappoġġa wkoll lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, prinċipalment permezz ta’ programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja. Madankollu, filwaqt li l-għan tal-FSE huwa li jindirizza l-iżbilanċi strutturali fuq perjodu twil, il-FEG ġie mfassal biex jindirizza sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq perjodu qasir u ad-hoc.

Il-QEA sabet li kważi l-ħaddiema kollha eliġibbli għall-FEG ġew offruti miżuri personalizzati u kkoordinati tajjeb, iżda li kull miżura tal-FEG setgħet tkun eliġibbli wkoll għall-FSE. Xi wħud mill-Istati Membri ppreferew l-FSE milli l-FEG. L-awdituri sabu wkoll li ma ġie stabbilit l-ebda objettiv kwantitattiv ta’ riintegrazzjoni, u li d-data eżistenti ma kinitx adegwata biex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri fir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fl-impjieg. Il-FEG ipprovda valur miżjud tal-UE meta ntuża għall-kofinanzjament ta’ servizzi għall-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom jew ta’ benefiċċji li normalment ma jeżistux taħt is-sistemi tal-Istati Membri ta’ benefiċċji tal-qgħad.

Il-QEA rrakkomandat li:

(a) L-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data aġġornata u affidabbli għall-monitoraġġ tal-ilħuq tal-objettivi, kif ukoll għat-tqabbil tar-riżultati tad-diversi miżuri.

(b) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li jillimitaw il-finanzjament mill-UE għal miżuri li probabbilment jipprovdu valur miżjud tal-UE, aktar milli jiffinanzjaw l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-introjtu tal-ħaddiema, li diġà jeżistu.

(c) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw, bħala alternattiva għall-iskema attwali tal-FEG, il-possibbiltà li jiġi adattat il-qafas tal-FSE u l-allokazzjonijiet tal-finanzjament tiegħu sabiex il-ħaddiema milquta minn telf ta’ impjieg fuq bażi massiva jiġu appoġġati iżjed malajr.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224 Mowbajl:

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site