Navigation path
Left navigation
Additional tools
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA ECA/13/18 Il-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2013 L-Appoġġ tal-UE għall-Governanza fl-Eġittu – “l-intenzjoni hija tajba iżda l-appoġġ mhux effettiv”, igħidu l-Awdituri tal-UE Rapport ippubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huwa ferm kritiku tan-nefqa f’għajnuna mill-UE għall-promozzjoni ta’ oqsma ewlenin ta’ governanza fl-Eġittu fil-perjodi qabel u wara r-Rewwixta ta’ Jannar 2011. “L-approċċ ‘ġentili, ġentili’ ma ħadimx, u wasal iż-żmien għal approċċ aktar iffukat li jipproduċi riżultati bi skop u li jiggarantixxi valur aħjar għat-taxxi tal-poplu Ewropew” iddikjara s-Sur Karel Pinxten, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. L-awditu ffoka fuq il-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi (ĠFP) u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni minn naħa waħda u d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija min-naħa l-oħra. Għall-perjodu 2007-2013 madwar EUR 1 biljun f’għajnuna ġew allokati mill-UE lill-Eġittu. Peress li aktar minn nofs dan l-ammont jitwassal permezz tat-teżor tal-Eġittu, bl-użu tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna magħruf bħala appoġġ baġitarju, isir serħan konsiderevoli fuq il-ĠFP tal-pajjiż. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) naqsu milli jiżguraw li l-awtoritajiet Eġizzjani ttrattaw dgħufijiet kbar fil-ĠFP. Nuqqas ta’ trasparenza baġitarja, funzjoni ineffettiva tal-awditjar u korruzzjoni endemika kienu kollha eżempji ta’ dawn id-dgħufijiet li jindebolixxu. Il-Kummissjoni u s-SEAE ma rreaġixxewx għan-nuqqas ta’ progress bit-teħid ta’ azzjoni deċiżiva biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għall-fondi konsiderevoli tal-UE, li komplew jitħallsu direttament lill-Awtoritajiet Eġizzjani. B’mod simili, ftit kien il-progress li nkiseb minn interventi tal-UE b’appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Il-programm prinċipali tad-drittijiet tal-bniedem fil-parti l-kbira ma rnexxiex. Dam biex beda u kien ostakolat mill-attitudni negattiva tal-awtoritajiet Eġizzjani. Il-Kummissjoni u s-SEAE ma użawx l-ingranaġġ finanzjarju u politiku li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jegħlbu din l-intransiġenza. Xi elementi tal-programm kellhom jitwaqqfu għal kollox. Fondi li twasslu permezz tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) ma kinux biżżejjed biex jagħmlu differenza dixxernibbli. Wara r-Rewwixta ma ttieħdu ebda inizjattivi ġodda ta’ importanza biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u, sa issa, il-miżuri li ttieħdu ftit kellhom impatt. Id-drittijiet tan-nisa u tal-minoranzi ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni fir-Reviżjoni li segwiet, minkejja l-ħtieġa kritika ta’ azzjoni urġenti biex tiġi miġġielda x-xejra ta’ intolleranza dejjem tikber. Noti lill-edituri: Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE. Dan ir-rapport speċjali (SR 4/2013) huwa intitolat “Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza”. Il-QEA vvalutat jekk il-Kummissjoni Ewropea u s Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ġestewx b’mod effettiv l-appoġġ mill-UE għat-titjib tal-governanza fl-Eġittu qabel u wara r-Rewwixta tal-2011. Ir-rapport fih bosta sejbiet illustrattivi li juru li l-għajnuna mill-UE ma kinitx effettiva għat-tijib tal-governanza. Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi Nuqqas ta’ trasparenza baġitarja u tal-obbligu ta’ rendikont
Minkejja l-problemi serji tal-Eġittu fil-qasam tal-korruzzjoni, l-għajnuna mill-UE ftit għamlet biex tindirizza direttament din il-kwistjoni. Xi programmi ta’ appoġġ baġitarju tal-UE f’pajjiżi oħra inkludew kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-korruzzjoni, iżda dan ma kienx il-każ fl-Eġittu. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-Kummissjoni hija l-uniku donatur li jipprovdi appoġġ baġitarju lill-Eġittu. Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija Karatteristika ewlenija tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu hija l-insistenza tiegħu fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dan jirrifletti l-impenn li l-UE ilha tħaddan għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha kif minqux fl-Artikolu 21.1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-programm prinċipali kien assedjat minn problemi, li bosta minnhom kienu dovuti għan-nuqqas ta’ impenn mill-Awtoritajiet Eġizzjani:
Mir-Rewwixta 'l hawn, id-drittijiet tal-minoranzi qed jiġu mhedda iżjed u iżjed, il-vjolenza settorjali qed tiżdied bl-Insara jġarrbu l-qilla tal-vjolenza. Investigazzjonijiet dwar il-vjolenza mexjin bil-mod aktar min-normal jew huma ineżistenti. Fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, il-Parlament il-ġdid, wara r-Rewwixta, għamel sejħa għall-abolizzjoni ta’ bosta istituzzjonijiet li jappoġġaw id-drittijiet tan-nisa. Talab ukoll tnaqqis fl-età taż-żwieġ, id-dekriminilizzazzjoni tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u reviżjoni tal-Liġi dwar l-Istatus Personali u l-Liġi tat-Tfal f’konformità mal-prinċipji tax-Sharia (ara § 63 tar-rapport). Rakkomandazzjonijiet Prattikament ir-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rapport tal-Qorti (§ 80 sa 82) ġew aċċettati mill-Kummissjoni u mis-SEAE. |
Side Bar