Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/15

Il-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2013

“Riċerkaturi li jirrikorru għand l-UE għall-finanzjament għadhom jiffaċċjaw wisq burokrazija”, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ħadet numru ta’ passi biex issostni l-ġestjoni tagħha tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7), skont rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). Madankollu, riċerkaturi li jfittxu finanzjament tal-FP7 jiffaċċjaw inkonsistenzi mhux meħtieġa. Il-QEA sabet ukoll li l-proċessi tal-FP7 huma mmirati biex jiżguraw li l-finanzjament jiġi investit f’riċerka ta’ kwalità għolja, imma b’inqas fokus fuq l-effiċjenza. L-aktar kisbiet fl-effiċjenza jistgħu jitwettqu permezz tal-iżvilupp ta’ għodod aħjar ta’ ġestjoni għall-għotjiet, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi umani, it-tqassir fiż-żminijiet għall-ipproċessar u l-allinjament tal-mudell ta’ kontroll finanzjarju bir-riskju ta’ żbalji.

L-FP7 huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-UE għall-finanzjament tar-riċerka. Huwa għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività industrijali u li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ riċerka ta’ politiki oħra tal-UE. Huwa jkopri l-perjodu 2007-2013 u l-baġit totali tiegħu jammonta għal iżjed minn EUR 50 biljun. Parti kbira ħafna tal-baġit tintnefaq mill-Kummissjoni jew mill-aġenziji eżekuttivi tagħha fil-forma ta’ għotjiet.

L-awditu sab li l-Kummissjoni introduċiet numru ta’ semplifikazzjonijiet fir-regoli għall-parteċipazzjoni tal-FP7, u li setgħet tallinja d-dispożizzjonijiet tal-FP7 mal-prattiki tal-benefiċjarji f’xi każijiet, iżda għad jonqos aktar xi jsir fil-futur. Il-ġestjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-proċessi tal-FP7 hija b’saħħitha fi tliet oqsma - it-tfassil tal-proċessi, l-attivitajiet ta' titjib u l-informazzjoni dwar il-ġestjoni, iżda inqas b’saħħitha fir-rigward tal-għodod u r-riżorsi. Tqassru ż-żminijiet għall-ipproċessar biex jingħataw għotjiet iżda ma naqsux sa disa’ xhur qabel l-2012. L-awditu enfasizza prattiki tajba dwar kif iż-żmien li jittieħed sa ma tingħata l-għotja jista’ jkompli jitqassar aktar. Il-kontrolli tal-kwalità fuq l-għażla u s-segwitu tal-proġetti qed jiffunzjonaw tajjeb. Madankollu, il-mudell ta’ kontroll finanzjarju tal-FP7 ma jikkunsidrax biżżejjed ir-riskji ta’ żbalji. Dan ifisser li l-benefiċjarji tal-FP7 b’riskju baxx huma suġġetti għal wisq kontrolli.

“Riċerka ta’ kwalità għolja hija essenzjali għall-prosperità ekonomika tal-Ewropa fuq żmien twil, u huwa ċar li l-Kummissjoni miexja fit-triq it-tajba,” qal Ladislav Balko (SK), il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. “Iżda fiż-żminijiet ta’ pressjoni tiżdied fuq il-baġit tal-UE, il-Kummissjoni teħtieġ tissemplifika l-ġestjoni tal-Programm Kwadru. Billi timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħna, il-Kummissjoni tista’ mhux biss ittejjeb l-effiċjenza tagħha stess, iżda wkoll tnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-riċerkaturi u b’hekk il-Programm Kwadru jkollu aktar suċċess”.

Il-Kummissjoni introduċiet il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, it-tnejn li huma innovattivi, b’suċċess relattiv. Madankollu, il-QEA sabet li l-implimentazzjoni tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti sofriet minn qafas legali kumpless wisq u l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li l-finanzjament ipprovdut mill-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji jwassal għal investimenti li huma ogħla mil-livell li l-benefiċjarji kienu jidħlu għalihom xorta waħda, mingħajr flus pubbliċi.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 02/2013) huwa intitolat “Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effiċjenti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka?”. Il-QEA vvalutat jekk il-Kummissjoni żguratx l-implimentazzjoni effiċjenti tal-FP7. L-awditu kopra r-regoli għall-parteċipazzjoni, il-proċessi tal-Kummissjoni u l-istabbiliment ta’ żewġ strumenti ġodda, u r-riżultati tiegħu x’aktarx li jkunu utli mhux biss għall-perjodu li jifdal tal-FP7, iżda wkoll għall-istabbiliment operazzjonali tal-Programm Qafas għar-Riċerka li jmiss – Orizzont 2020.

L-awditu sab li tul l-FP7 l-Kummissjoni introduċiet numru ta’ bidliet li ssemplifikaw ir-regoli għall-parteċipazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrazzjonalizzat ir-rekwiżiti u tejbet id-dokumenti ta’ gwida tagħha għall-benefiċjarji b’mod sodisfaċenti. Il-Kummissjoni setgħet tallinja d-dispożizzjonijiet tal-FP7 mal-prattiki tal-benefiċjarji f’xi każijiet iżda għad jonqos aktar xi jsir fil-futur. Il-benefiċjarji tal-FP7 qegħdin jiffaċċjaw inkonsistenzi relatati ma’ xi aspetti tar-regoli għall-parteċipazzjoni. L-istabbiliment tal-Kumitat tal-Ikklerjar tar-Riċerka huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għat-trattament ta’ dawn l-inkonsistenzi; madankollu l-mekkaniżmi għall-identifikazzjoni ta’ prattiki diverġenti huma dgħajfa.

Il-ġestjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-proċessi tal-FP7 hija b’saħħitha fi tliet oqsma, li huma t-tfassil tal-proċessi, l-attivitajiet ta' titjib u l-informazzjoni dwar il-ġestjoni, iżda inqas b’saħħitha fir-rigward tal-għodod u r-riżorsi. L-għodod eżistenti ma jippermettux implimentazzjoni effiċjenti u hemm indikazzjonijiet li jintużaw wisq riżorsi tal-persunal għall-implimentazzjoni ta’ ċerti temi taħt il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni a skapitu ta’ temi oħra.

L-eżaminar mill-Qorti tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti wera li ż-żewġ strumenti ssodisfaw il-ħtiġijiet li għalihom inħolqu. Irnexxilhom jattiraw gruppi speċifiċi ta’ benefiċjarji bħal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju. Madankollu l-implimentazzjoni tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti sofriet minn qafas legali kumpless wisq u l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li l-finanzjament ipprovdut mill-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji jwassal għal investimenti li huma ogħla mil-livell li l-benefiċjarji kienu jidħlu għalihom mingħajr flus pubbliċi.

Il-QEA rrakkomandat li:

  • fir-rigward tar-regoli għall-parteċipazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel aktar sforzi biex tiżgura li l-prattiki tal-benefiċjarji jistgħu jintużaw f’Orizzont 2020 u ġġesti l-FP7 b’mod iżjed konsistenti;

  • biex issaħħaħ il-ġestjoni tal-proċessi, il-Kummissjoni għandha tuża għodod tal-IT li jintegraw il-funzjonalitajiet kollha u għandha teżamina l-iżbilanċi fil-piż tax-xogħol tal-persunal;

  • biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proċessi jiġu awtomatizzati u implimentati b’mod konsistenti fis-servizzi kollha tagħha;

  • il-Kummissjoni għandha tagħmel l-attivitajiet ta’ kontroll tagħha ta’ qabel u wara l-pagament aktar immexxija mir-riskju, sabiex tiffoka aħjar l-isforz ta’ kontroll tagħha; u

  • il-Kunsill tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom iġibu l-qafas legali tal- Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti aktar f’konformità man-numru tal-membri tal-persunal tagħhom. Biex timmassimizza l-impatt tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji, il-Kummissjoni għandha turi li hija timmira dawk il-benefiċjarji li għandhom aċċess limitat għall-finanzi.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website