Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/56

Il-Lussemburgu, il-15 ta’ Jannar 2013

Manutenzjoni fqira “hija theddida għat-toroq fl-Afrika tas-Sub-Saħara" jgħidu l-Awdituri tal-UE

L-UE hija waħda mid-donaturi ewlenin fis-settur tat-toroq fl-Afrika tas-sub-Saħara. It-trasport bit-triq huwa settur fokali għall-istrateġija tal-kooperazzjoni tal-FEŻ (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Afrika tas-sub-Saħara. Finanzjarjament, dan huwa mingħajr dubju l-aktar settur ta’ kooperazzjoni li huwa importanti, b’madwar EUR 7,4 biljun f’impenji tal-FEŻ għal dan ir-reġjun matul il-perjodu mill-1995 sal-2011. Manutenzjoni ħażina tat-toroq u tagħbien żejjed tal-vetturi qed jipperikolaw is-sostenibbiltà tan-netwerk tat-toroq fis-sub-Saħara.

It-toroq huma essenzjali għall-integrazzjoni reġjonali, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali, l-amministrazzjoni pubblika effettiva u s-sigurtà. Fl-Afrika tas-sub-Saħara, it-toroq huma l-mod dominanti ta’ trasport ta’ passiġġieri u merkanzija, u jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-movimenti totali ta’ merkanzija u servizzi, u l-ħtiġijiet tat-trasport qed jikbru b’mod rapidu.

Il-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna li saritilhom żjara mill-Qorti ma jagħmlux biżżejjed biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-infrastruttura tat-toroq. Fil-pajjiżi msieħba kollha li żaret il-Qorti, it-toroq huma milquta minn deterjorazzjoni prematura li tvarja fuq diversi livelli. Ħafna minn dawn il-pajjiżi adottaw riformi istituzzjonali, li b’mod partikolari jinvolvu l-ħolqien ta’ fondi għat-toroq u aġenziji tat-toroq, u għamlu progress sinifikanti fuq il-manutenzjoni tat-toroq. Madankollu, għad iridu jiġu indirizzati ħafna sfidi f’kollha kemm huma biex tkun żgurata manutenzjoni xierqa. Għalkemm in-nefqa fuq il-manutenzjoni tat-toroq żdiedet matul is-snin fil-pajjiżi msieħba kollha li żaret il-Qorti, din xorta tibqa’ insuffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet.

“Fl-Ewropa aħna mdorrijin li jkollna bosta għażliet għat-trasport tagħna. Fl-Afrika tas-Sub-Saħara, jekk tkun kwistjoni ta’ trasport, dan ifisser it-toroq. Dment li l-Kummissjoni tal-UE u l-imsieħba tagħha fl-Afrika tas-sub-Saħara ma jibdewx jieħdu s-sostenibbiltà tat-toroq bl-akbar serjetà kbira, huma jkunu fil-periklu li jitilfu dak li bnejna flimkien", qal Szabolcs Fazakas, il-membru tal-QEA responsabbli minn dan ir-rapport, "Jeħtieġ li jieħdu r-responsabbiltà għall-infurzar tal-limiti tat-tagħbija u li jwettqu manutenzjoni xierqa fuq it-toroq."

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ verifiki magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (SR 17/2012) intitolat “Il-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp (FEŻ) għal netwerk tat-toroq sostenibbli fl-Afrika tas-sub-Saħara” vvaluta jekk il-FEŻ ikkontribwixxiex b’mod effettiv għas-sostenibilità tan-netwerk tat-toroq fl-Afrika tas-sub-Saħara: jekk l-infrastruttura tat-toroq appoġġata mill-FEŻ hijiex sostenibbli u jekk il-Kummissjoni tagħmilx promozzjoni b’mod effettiv tas-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq. Il-verifika ffukat fuq is-sostenibilità teknika, finanzjarja u istituzzjonali tal-infrastruttura tat-trasport bit-toroq u analizzat 48 programm iffinanzjat mill-1995 taħt it-tmien, id-disa’ u l-għaxar FEŻ f’sitt pajjiżi msieħba: il-Benin, il-Burkina Faso, il-Kamerun, iċ-Ċad, it-Tanzanija u ż-Żambja fejn l-awdituri tal-UE spezzjonaw madwar 2 400 km ta’ toroq iffinanzjati mill-FEŻ.

    Il-Qorti kkonkludiet li l-Kummissjoni hija parzjalment effettiva fl-appoġġ tagħha għal netwerk tat-toroq sostenibbli fl-Afrika tas-sub-Saħara. Il-pajjiżi msieħba li żaret il-Qorti ma jagħmlux biżżejjed biex jiżguraw is-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq, it-toroq huma milquta minn deterjorazzjoni prematura li tvarja fuq diversi livelli. Ħafna minn dawn il-pajjiżi adottaw riformi istituzzjonali, li b’mod partikolari jinvolvu l-ħolqien ta’ fondi għat-toroq u aġenziji tat-toroq, u għamlu progress sinifikanti fuq il-manutenzjoni tat-toroq. Madankollu, għad iridu jiġu indirizzati ħafna sfidi f’kollha kemm huma biex tkun żgurata manutenzjoni xierqa. Għalkemm in-nefqa fuq il-manutenzjoni tat-toroq żdiedet matul is-snin fil-pajjiżi msieħba kollha li żaret il-Qorti, din xorta tibqa’ insuffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet. Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija li fil-baġits nazzjonali l-prijorità tingħata għar-restawr u t-titjib tan-netwerk tat-toroq minflok għall-manutenzjoni.

Il-Kummissjoni hija parzjalment effettiva fil-promozzjoni tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi fil-politika tas-settur li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ostakoli eżistenti għal netwerk tat-toroq sostenibbli fl-Afrika tas-sub-Saħara. L-użu mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet mehmuża mal-appoġġ finanzjarju tagħha għandu effett moderat ta’ inċentiv. Dan għandu wkoll impatt fuq id-djalogu ta’ politika, li l-Kummissjoni ma tużax fil-potenzjal kollu tiegħu, għalkemm dan id-djalogu kien strumentali għall-promozzjoni tal-progress f’ċerti oqsma, b’mod partikolari fejn huma kkonċernati il-qafas istituzzjonali u l-finanzjament tal-manutenzjoni tat-toroq. Il-kooperazzjoni teknika ffinanzjata mill-Kummissjoni kellha anqas suċċess milli seta’ jkun mistenni.

Il-Qorti tirrakkomanda li f’għadd ta’ rispetti l-Kummissjoni għandha tiffoka aħjar ir-riżorsi tal-FEŻ u tagħmel użu aħjar mill-kundizzjonijiet marbuta mal-programmi tagħha, mid-djalogu ta’ politika mal-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba u l-kooperazzjoni teknika, sabiex timmassimizza l-effettività tal-appoġġ għall-iżvilupp ipprovdut mill-FEŻ lejn netwerk tat-toroq sostenibbli fl-Afrika tas-sub-Saħara.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website