Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/55

Il-Lussemburgu, l-14 ta’ Jannar 2013

L-Effiċjenza Enerġetika fl-UE: miri tal-investiment ma ntlaħqux; perjodu tal-irkupru medju jaqbeż il-50 sena (f’każijiet estremi l-150 sena)

Il-kost taż-żieda fil-konsum tal-enerġija, it-tnaqqis tar-riżervi tal-karburanti fossili u l-effett tal-attivitajiet tal-bniedem fuq it-tibdil fil-klima globali huma l-motivaturi tal-politiki reċenti tal-effiċjenza enerġetika. Sa mis-sena 2000, l-Unjoni Ewropea, permezz tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tagħha, nefqet kważi EUR 5 biljun għall-kofinanzjament ta’ miżuri għall-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri huma t-tnejn responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn il-fondi.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri vvalutat jekk l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-effiċjenza enerġetika kinux kosteffettivi.

Il-Qorti sabet li l-proġetti magħżulin mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finanzjament ma kellhomx objettivi razzjonali f’termini ta’ kosteffettività, jiġifieri l-kost għal kull unità tal-enerġija ffrankata. L-objettivi tagħhom kienu li jiffrankaw l-enerġija u jtejbu l-kumdità, iżda dawn ma ntgħażlux għall-finanzjament fuq il-bażi tal-potenzjal tagħhom li jipproduċu benefiċċji finanzjarji permezz tal-iffrankar tal-enerġija, iżda pjuttost li l-bini kien tipikament meqjus bħala ‘lest’ għall-finanzjament jekk kien jeħtieġ rinnovazzjoni u d-dokumentazzjoni tiegħu kienet tikkonforma mar-rekwiżiti.

“L-ebda wieħed mill-proġetti li rajna ma kellu valutazzjoni tal-ħtiġijiet jew mill-inqas analiżi tal-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija fir-rigward ta’ investimenti”, qal Harald Wögerbauer, il-membru tal-QEA responsabbli għar-rapport, “L-Istati Membri kienu essenzjalment qed jużaw dawn il-flus biex jirrinnovaw bini pubbliku filwaqt li effiċjenza enerġetika kienet, tal-aktar, kunsiderazzjoni sekondarja.”

Il-perjodu tal-irkupru ppjanat għall-investimenti kellu medja ta’ 50 sena, u sa 150 sena f’ċerti każijiet. Dan ifisser li dawn il-fondi ma ntefqux b’mod sensibbli peress li t-tul tal-ħajja tal-komponenti jew tal-bini rinnovati huwa inqas u jistgħu, fil-parti l-kbira, jitqiesu bħala mitlufin mill-perspettiva tal-effiċjenza enerġetika.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ verifiki magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (SR 21/2012) intitolat “Il-kosteffettività tal-Investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-Effiċjenza Enerġetika” vvaluta jekk l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-effiċjenza enerġetika kinux kosteffettivi. Sabiex twieġeb din il-mistoqsija, il-Qorti staqsiet jekk (i) kinux ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet korretti fil-programmazzjoni u l-finanzjament biex jippermettu li jsiru investimenti kosteffettivi fl-effiċjenza enerġetika u jekk (ii) il-proġetti għall-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku kinux kosteffettivi.

Il-verifika twettqet fir-Repubblika Ċeka, l-Italja u l-Litwanja – il-pajjiżi li kienu rċevew l-akbar kontribuzzjonijiet mill-Fond ta’ Koeżjoni u u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għal miżuri għall-effiċjenza enerġetika għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u kienu allokaw ukoll l-ogħla ammonti għall-proġetti sal-2009. Il-verifika kienet tinkludi eżami ta’ 4 programmi operazzjonali u kampjun ta’ 24 proġett ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika f’bini pubbliku.

Il-verifika kkonkludiet li ma kinux ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet korretti fil-programmazzjoni u l-finanzjament biex jippermettu li jsiru investimenti kosteffettivi fl-effiċjenza enerġetika, u li l-proġetti għall-effiċjenza enerġetika f’bini pubbliku vverifikati ma kinux kosteffettivi. Dan kien minħabba li l-programmi operazzjonali vverifikati ma kinux ibbenefikaw minn valutazzjonijiet xierqa tal-ħtiġijiet biex jiġu identifikati s-setturi speċifiċi fejn l-iffrankar tal-enerġija seta’ jinkiseb u l-għażliet biex dak l-iffrankar jinkiseb b’mod kosteffettiv, u li b’hekk jiġġustifikaw il-miżuri magħżula u l-kost tagħhom.

Il-kunċett ta’ kosteffettività, jew l-aħjar relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba, ma kienx fattur determinanti meta l-Istati Membri allokaw il-fondi għal miżuri u proġetti konkreti għall-effiċjenza enerġetika. Dan il-kunċett lanqas ma kien parti mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni qabel l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali.

Għalkemm il-proġetti kollha vverifikati pproduċew l-output fiżiku ppjanat, bħal twieqi u bibien sostitwiti jew ħitan u soqfa iżolati, il-kost meta mqabbel mal-iffrankar potenzjali tal-enerġija kien għoli. Kunsiderazzjoni aktar importanti mill-effiċjenza enerġetika kienet il-ħtieġa tar-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku. Filwaqt li l-proġetti vverifikati kienu jimmiraw lejn l-iffrankar tal-enerġija u t-titjib fil-kumdità, dawn ma ġġenerawx proporzjon tajjeb bejn l-iffrankar tal-enerġija u l-kost korrispondenti tal-investiment. Il-perjodu tal-irkupru medju ppjanat għall-investimenti kien ta’ madwar 50 sena, li huwa twil wisq meta jitqies it-tul tal-ħajja tal-komponenti rinnovati kif ukoll tal-bini nnifsu.

Il-verifiki tal-enerġija jew ma kinux obbligatorji (l-Italja, il-Litwanja) jew, fejn kienu meħtieġa (ir-Repubblika Ċeka), l-għażliet ta’ investiment rakkomandati fil-verifiki tal-enerġija kienu għaljin wisq. Fi 18 minn 24 proġett ivverifikati, l-iffrankar reali tal-enerġija ma setax jiġi vverifikat peress li ma kienx tkejjel b’mod affidabbli.

Sabiex jittejjeb l-investiment fl-effiċjenza enerġetika, il-Qorti tirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel il-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni għal miżuri għall-effiċjenza enerġetika soġġett għal valutazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet, monitoraġġ regolari u l-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni komparabbli kif ukoll l-użu ta’ kriterji tal-għażla trasparenti u kost tal-investiment standard għal kull unità tal-enerġija li għandha tiġi ffrankata, b’perjodu tal-irkupru sempliċi massimu aċċettabbli.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site