Navigation path

Left navigation

Additional tools

“Il-programmi tal-UE għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma mxekkla minn tfassil kumpless u nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-fondi” – Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/12/50   11/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/50

Lussemburgu, il-11 ta’ Diċembru 2012

“Il-programmi tal-UE għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma mxekkla minn tfassil kumpless u nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-fondi” – Awdituri tal-UE

L-għajnuna lin-nies li ġejjin minn barra l-UE biex jintegraw għalkollox fis-soċjetajiet tagħna hija kwistjoni ta’ importanza kbira fuq l-aġenda politika tal-UE u tal-Istati Membri. Rapport speċjali ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jivvaluta jekk il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni (FEŻ) u l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (FER) jikkontribwixxux b’mod effettiv għal din l-integrazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-QEA sabet li filwaqt li setgħu jiġu osservati riżultati pożittivi fil-livell ta’ proġetti individwali vverifikati, is-sistemi stabbiliti kienu inadegwati għal-kejl tas-suċċess tal-Fondi. It-tfassil tal-programm xekkel l-effettività u kien hemm koordinazzjoni inadegwata ma’ fondi oħra tal-UE. Fost punti ewlenin oħra, il-Qorti tirrakkomanda s-semplifikazzjoni tal-arranġamenti tal-ipprogrammar u valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet għall-integrazzjoni irrispettivament minn jekk il-migranti jkollhomx ċittadinanza tal-UE jew ta’ pajjiż terz. Ibbażata fuq din il-valutazzjoni, għandha tiġi mfassla struttura adatta tal-fond(i).

Il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, li jiffurmaw parti mill-programm SOLID huma mmexxija mill-Kummissjoni u l-Istati Membri permezz ta’ ġestjoni kondiviża.

Il-Qorti sabet li ma kienx possibbli li l-Kummissjoni jew l-Istati Membri jivvalutaw il-kontribut tal-fondi SOLID għall-integrazzjoni, peress li l-Istati Membri vverifikati ma stabbilixxewx miri jew indikaturi xierqa għall-programmi annwali tagħhom. Ir-rapport intermedju tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni, ibbażat fuq ir-rapporti tal-Istati Membri, ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni biex il-Fondi jiġu evalwati jew iddirieġuti. Fil-livell tal-proġetti individwali, hemm riżultati pożittivi, iżda dan mhux neċessarjament jirrappreżenta suċċess fuq livell usa’, mhux inqas minħabba li l-implimentazzjoni kumplessiva kienet aktar baxxa minn dik ippjanata fl-2007 u l-2008.

“L-effettività tal-Fondi ġiet limitata mit-tfassil tal-programm SOLID, li huwa frammentat, tedjanti u mhuwiex ikkoordinat biżżejjed ma’ fondi oħra tal-UE”, qal Milan Martin Cvikl, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. “Sibna ħafna li jista’ jittejjeb u ninsab kuntent li l-Kummissjoni diġà pproponiet bidliet importanti fil-leġiżlazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni finanzjarja li jmiss li jistgħu jtejbu l-effettività tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ verifiki magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 22/2012) intitolat “Il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi?” indirizza l-kwistjoni dwar jekk il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati tal-programm kwadru SOLID jikkontribwixxux b’mod effettiv għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-Qorti vvalutat jekk ir-riżultati tal-fondi SOLID humiex sostnuti minn monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi tal-programm, jekk it-tfassil tal-fondi jikkontribwixxix għall-implimentazzjoni effettiva tal-fondi, u jekk is-sistemi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-integrazzjoni fi ħdan il-programm SOLID humiex ġestiti tajjeb.

Il-programm SOLID tal-UE jappoġġa azzjonijiet għat-trawwim tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri tal-UE u t-tisħiħ tas-solidarjetà permezz tal-kondiviżjoni tal-piż finanzjarju li jirriżulta mill-ġestjoni tal-fruntieri esterni komuni u l-implimentazzjoni ta’ politiki komuni dwar l-asil u l-imigrazzjoni.

Il-verifika kkonkludiet li ma kienx possibbli li jitkejjel is-suċċess tal-programmi annwali minħabba n-nuqqas ta’ sistema xierqa ta’ monitoraġġ u valutazzjoni. Madankollu, il-parti l-kbira tal-proġetti individwali vvalutati kisbu riżultati pożittivi [ara l-kaxxa 4 u l-paragrafu 37 tar-Rapport]. Madankollu, xi wħud mill-proġetti fallew [ara l-kaxxa 5 l-paragrafu 38]. L-Istati Membri ġeneralment iqisu li l-Fondi għandhom valur miżjud.

Sabiex jitjiebu s-sistemi għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-QEA tirrakkomanda li:

  • Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jissimplifikaw l-arranġamenti tal-ipprogrammar bi programmi nazzjonali uniċi biex ikopru l-perjodu kollu.

  • Fl-istabbiliment ta’ sistemi għall-ġestjoni u l-kontroll, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq il-proporzjonalità mal-ammont ta’ fondi involuti u l-impatt fuq ir-riżorsi, kif ukoll jibbenefikaw minn esperjenza preċedenti f’fondi simili.

  • Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet għall-integrazzjoni irrispettivament minn jekk il-migranti jkollhomx ċittadinanza tal-UE jew ta’ pajjiż terz. Ibbażata fuq din il-valutazzjoni, għandha tiġi mfassla struttura adatta tal-fond(i) li ttemm is-separazzjoni tal-popolazzjoni fil-mira fuq il-bażi taċ-ċittadinanza u li tkun orjentata lejn il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji finali. L-istabbiliment ta’ prijorità obbligatorja biex ikunu ffinanzjati ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kieku jiżgura li dawn jirċievu l-attenzjoni speċifika meħtieġa.

  • Il-Kummissjoni għandha tagħti importanza akbar lill-ksib ta’ dettalji konkreti dwar l-assigurazzjoni tal-koerenza u l-komplementarjetà fil-fondi tal-UE mill-Istati Membri.

  • Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema obbligatorja ta’ indikaturi komuni, u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri ta’ mira għal programmi nazzjonali.

  • Għall-bidu tal-programm il-ġdid, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-linji gwida ewlenin tagħha jkunu lesti bil-quddiem u li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew Sistemi adegwati għall-Ġestjoni u l-Kontroll.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website