Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/48

Il-Lussemburgu, is-27 ta’ Novembru 2012

“Id-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ għajnuna lil bdiewa għad-dħul fi Stati Membri ġodda għandha terġa’ tiġi kkunsidrata” – L-awdituri tal-UE

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat l-ewwel rapport speċjali tagħha (RS16/2012) dwar l-appoġġ għad-dħul imħallas lil bdiewa fl-Istati Membri ġodda. Qed issejjaħ għal riforma biex tiżgura li l-appoġġ għad-dħul għandu jkun immirat lejn il-bidwi attiv li jwettaq attivitajiet agrikoli konkreti u regolari. B’mod partikolari, l-entitajiet pubbliċi li jġestu art tal-Istat u mhux involuti fil-biedja b’mod ieħor għandhom ikunu esklużi mill-appoġġ tal-UE għall-azjendi agrikoli u ebda pagament ma għandu jsir b’relazzjoni ma’ art mhux utilizzata jew art mmirata b’mod prinċipali għal attivitajiet mhux agrikoli.

L-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE) kienet imfassla biex tippermetti lill-Istati Membri ġodda li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u fl-2007, biex jappoġġaw id-dħul tal-bdiewa. Bħalissa hija applikata f’10 Stati Membri tal-UE u n-nefqa relatata ammontat għal EUR 5 biljun fl-2011. Ir-rapport tal-Qorti jiffoka fuq il-benefiċjarji tal-politika, fuq art eliġibbli u fuq il-kontribut tal-iskema bl-objettiv li jkun appoġġat id-dħul tal-bdiewa.

Il-konklużjoni ġenerali tal-verifika hija li l-implimentazzjoni tal-iskema rriżultat f’għadd ta’ karatteristiċi li jista’ jinxteħet dubju fuqhom:

  • Id-definizzjoni tal-benefiċjarji tal-iskema hija inadegwata: tippermetti pagamenti li għandhom isiru lil benefiċjarji mhux ingaġġati f’attività agrikola, jew, li huma biss marġinalment involuti. Każijiet inkwistjoni jinkludu kumpaniji ta' proprjetà immobbli, ajruporti, assoċjazzjonijiet tal-kaċċa, klabbs tas-sajd jew klabbs tal-iski.

  • Barra minn hekk, f’xi uħud mill-pajjiżi kkonċernati, l-għajnuna kienet ukoll legalment imħallsa lil (u appoġġat id-dħul ta’) entitajiet pubbliċi li jġestu l-art tal-Istat u allura mhux involuti fil-biedja b’mod ieħor. L-Istat hu l-ikbar benefiċjarju tal-SPUE fl-Ungerija (EUR 14-il miljun fl-2010 għal 82 000 ettaru ta’ art).

  • L-erja totali agrikola li b’relazzjoni magħha għandha titħallas għajnuna SPUE ma ġietx determinata b’mod affidabbli mill-Istati Membri imma ġiet aċċettata mill-Kummissjoni. Dan influwenza l-ammont ta’ għajnuna mħallas għal kull ettaru lil kull bidwi li ġieli kien iktar għoli jew iktar baxx milli kif suppost kien. Xi pajjiżi rrevedew l-erjas totali agrikoli mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. Dan tahom iċ-ċans jużaw bis-sħiħ il-pakkett finanzjarju rispettiv tagħhom.

  • Minkejja l-isforzi li saru mill-Istati Membri kkonċernati, l-għajnuna kienet imħallsa għal ħbula li fihom ma twettqet ebda attività agrikola.

  • Hemm kontradizzjoni inerenti fit-tfassil tal-għajnuna SPUE: min-naħa waħda, hija maħsuba bħala appoġġ għal dħul individwali, imma min-naħa l-oħra, l-għajnuna hija distribwita lil azjendi agrikoli abbażi tal-erja ta’ ħbula ta' art għad-dispożizzjoni tagħhom.

  • L-SPUE primarjament tagħti benefiċċju lil azjendi agrikoli kbar: b’mod ġenerali, 0,2 % tal-benefiċjarji jirċievu ’il fuq minn EUR 100 000 li jirrappreżentaw 24 % tal-valur totali tal-pagamenti.

  • Finalment, għalkemm l-SPUE kienet imfassla bħala skema tranżizzjonali, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ħejjewx għall-introduzzjoni (imbassra fl-2014) tas-sistema (ibbażata fuq id-drittijiet ta’ pagament) li diġà hija stabbilita fl-Istati Membri tal-UE-15.Dan jista’ jwassal għal dewmien sinifikanti fil-pagamenti fil-futur.

Il-Qorti tirrakkomanda politika mmirata aħjar u orjentata li tikseb ir-riżulati fejn l-appoġġ tad-dħul lill-bdiewa għandu jkun immirat lill-bidwi attiv li jwettaq attivitajiet agrikoli konkreti u regolari u għandha teskludi entitajiet pubbliċi. L-eliġibbiltà tal-art għall-għajnuna għandha tkun imfissra b’mod ċar u limitata għal ħbula li fuqhom huma meħtieġa attivitajiet agrikoli konkreti u regolari. Għandha ssir distribuzzjoni iktar ibbilanċjata ta’ għajnuna bejn il-bdiewa jew billi jiġu limitati pagamenti individwali ogħla jew billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-azjendi agrikoli fir-reġjuni differenti. Il-Kummissjoni għandha tindirizza dgħufijiet strutturali fis-settur tal-azjendi agrikoli u tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri u għandha timmonitorja iktar mill-qrib it-tħejjijiet tagħhom għall-introduzzjoni ta’ skema futura bbażata fuq id-drittijiet.

Il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-politika agrikola Komuni wara l-2013 jinidirizzaw b’mod parzjali biss l-osservazzjonijiet li għamlet il-Qorti (opinjoni 1/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ċerti proposti għal regolamenti dwar il-politika agrikola komuni għall-perjodu tal-2014-2020). Meta jiġu diskussi u adottati dawn il-proposti, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jkunu jixtiequ jikkunsidraw jekk dawn għandhomx jiġu analizzati skont il-linji stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website