Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Diskors minn Vítor Caldeira, President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Cour des comptes - ECA/12/45   06/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

DISKORS

ECA/12/45

Brussell, is-6 ta’ Novembru 2012

Diskors minn Vítor Caldeira, President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2011

IL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT TAL-

PARLAMENT EWROPEW

Id-diskors proprju jitqies bħala awtentiku. Il-verżjoni mitkellma tieħu preċedenza.

Chairman Theurer, onorevoli membri,

Huwa ta’ unur għalija nippreżenta lill-kumitat tagħkom ir-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit 2011 tal-UE.

Il-konklużjonijiet tagħna dwar l-2011 mhumiex se jkunu ta’ sorpriża għax l-arranġamenti attwali mill-ġestjoni tal-flus tal-UE ilhom stabbiliti għal għadd ta’ snin. Il-kontijiet 2011 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-likwidità tagħha għas-sena. Id-dħul u l-impenji għall-pagamenti kienu ħielsa minn żball materjali. Madankollu, il-pagamenti kienu milquta minn żball materjali, b'rata ta' żball stmata ta' 3,9 % għall-baġit tal-UE fit-totalità tiegħu. Il-livell ta’ żball stmat baqa’ simili għall-2010 meta kien ta’ 3,7 %.

Il-messaġġ ta’ dan ir-Rapport Annwali huwa konsistenti ma’ dawk tas-snin ta’ qabel, iżda din is-sena huwa importanti aktar minn qatt qabel. Bil-finanzi pubbliċi tal-Ewropa taħt pressjoni iebsa, jibqa’ lok biex il-flus tal-UE jintefqu b’mod aktar effiċjenti u jiġu mmirati b’mod aħjar.

B’mod sempliċi, il-Qorti sabet wisq każijiet fejn il-flus tal-UE ma laħqux il-mira jew inkella ma ntefqux bl-aħjar mod. L-eżempji fir-rapport jinkludu:

  • sussidji għal art ikklejmjata bħala “mergħa permanenti” meta fil-fatt partijiet minnha kienu msaġġra b’mod dens;

  • taħriġ maħsub għal impjegati fis-settur tal-elettronika mogħti lil impjegati minn setturi oħrajn;

  • spejjeż rimborżati fuq bini kklejmjat bħala li kellu għanijiet agrikoli meta fil-fatt ma kellux;

  • spejjeż tal-persunal iddikjarati b’mod eċċessiv dwar proġetti tar-riċerka;

  • riċevituri ta’ għajnuna għall-iżvilupp ma mxewx mar-regola tal-oriġini meta xtraw tagħmir; u

  • proċeduri ta’ akkwist pubbliku mfasslin biex jiżguraw l-aħjar valur għall-flus li ma ġewx applikati kif suppost.

Bħalma jissuġġerixxu dawn l-eżempji, il-Qorti sabet żbalji f’pagamenti relatati ma’ ħafna programmi u skemi differenti ta’ nfiq. Il-Qorti sabet ukoll li, b’mod kumplessiv, is-sistemi ta’ kontroll eżaminati kienu biss parzjalment effettivi. Fi kliem ieħor, is-sistemi ta’ kontroll ma kinux qegħdin iwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jipprevjenu l-iżbalji jew li jaqbduhom u jikkoreġuhom.

Fil-fatt, il-Qorti kkonkludiet li żewġ oqsma - jew “gruppi tal-politika” – biss kienu ħielsa minn żball materjali fl-2011. Dawn kienu “Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir” u “Nefqa amministrattiva u nfiq ieħor”.

Il-ħames gruppi tal-politika l-oħra kienu milquta minn żball materjali, partikolarment dawk li jinkludu l-oqsma tal-iżvilupp rurali u tal-politika reġjonali. L-istima mill-QEA tar-rata ta’ żball għall-infiq fi “Żvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa”, il-qasam ta’ nfiq l-aktar suxxettibbli għal żball, kienet ta’ 7,7%. U r-rata ta’ żball stmata għal “Politika reġjonali, enerġija u trasport” ukoll baqgħet għolja fil-livell ta’ 6,0%.

Huwa hawnhekk, f’dawn l-oqsma, li sibna li l-Istati Membri mhumiex qegħdin jagħmlu xogħolhom b’mod sħiħ kif suppost. Jeħtieġ li jkun hemm grad akbar ta’ impenn min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali lejn il-ġestjoni u l-kontroll tal-flus tal-UE. Għax l-awtoritajiet nazzjonali joperaw l-ewwel linja - u dik l-aktar importanti - ta’ difiża fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Il-Qorti identifikat ħafna każijiet ta’ falliment tal-kontroll. Pereżempju, f’aktar minn 60% tat-tranżazzjonijiet vverifikati u milquta minn żball fir-rigward tal-politika reġjonali, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jaqbdu u jikkoreġu mill-inqas xi wħud minn dawn l-iżbalji qabel ma kklejmjaw rimborż mill-Kummissjoni.

B’mod simili, fl-iżvilupp rurali, il-Qorti sabet li l-kontrolli fuq il-post mhux dejjem kienu twettqu kif inhu xieraq. Il-każ li jien irreferejt għalih qabel dwar bini li kien ġie kklejmjat b’mod skorrett għal għanijiet agrikoli jagħti eżempju ta’ żball li ma ġiex ikkoreġut minkejja kontroll fuq il-post mill-aġenzija tal-pagamenti.

Għalhekk, hemm potenzjal biex jitnaqqsu l-iżbalji bl-applikazzjoni tas-sistemi attwali b’mod aktar effettiv. Iżda hemm ukoll lok għat-titjib tagħhom - u tal-iskemi ta’ nfiq ikkonċernati.

L-UE ma tistax taffordja li tistenna. Hemm opportunità - u ħtieġa - li naġixxu issa. L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq regoli mtejba u mbagħad jiżguraw li japplikawhom.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea trid ukoll iżżid is-sorveljanza tagħha tal-Istati Membri. Iżda hija teħtieġ informazzjoni affidabbli mingħandhom dwar kif il-flus tal-UE qegħdin jintefqu kif ukoll dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri li jagħmlu.

S’issa jien tkellimt dwar it-80 fil-mija tal-fondi tal-UE ġestiti mill-Istati Membri, iżda 20 fil-mija huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni – inkluż il-qasam essenzjali tar-Riċerka. Il-Kummissjoni suppost qiegħda tagħti eżempju tal-aħjar prattika meta ġġesti l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-għotjiet tal-UE.

Madankollu, il-Qorti kkonkludiet li l-qasam “Riċerka u politiki interni oħra” kien milqut minn żball materjali. Aħna stmajna li r-rata ta’ żball fl-2011 kienet ta’ 3%.

Ħafna mit-tipi ta’ żball u nuqqasijiet ta’ kontroll misjuba fir-Riċerka kienu simili għal dawk fl-oqsma ta’ ġestjoni kondiviża. Is-sors prinċipali ta’ żball kien id-dikjarazzjoni eċċessiva ta’ spejjeż minn benefiċjarji għal proġetti ffinanzjati mill-Programmi Kwadru għar-Riċerka.

Skont ir-regoli, tali dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikati tal-verifika minn ditti indipendenti tal-verifika. F’aktar minn 80% tal-proġetti b’ċertifikati tal-verifika pożittivi li eżaminat, il-Qorti sabet żbalji.

Il-Qorti sabet ukoll żball materjali f’pagamenti interim u finali fir-Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir, li huwa wkoll fil-biċċa l-kbira taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni, u f’pagamenti li saru permezz tal-fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

Mod ieħor kif il-Kummissjoni tirrilaxxa r-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE huwa billi tirrapporta dwar il-ġestjoni finanzjarja. Dan jinkludi rappurtar dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet u l-prestazzjoni miksuba.

Il-Qorti tinnota li l-ammont li d-diretturi ġenerali tal-Kummissjoni jqisu li jinsab f'riskju ta’ irregolarità tela’ minn EUR 0,4 biljun fl-2010 għal EUR 2,0 biljun fl-2011. Din l-istima tirrifletti r-rikonoxximent mill-Kummissjoni ta’ riskju għoli ta’ żball fl-iżvilupp rurali, fil-koeżjoni u fir-riċerka.

Madankollu, il-Qorti tqis li l-ammont f’riskju seta’ ġie stmat b’mod insuffiċjenti għax l-hekk imsejjaħ “rata ta’ żball residwu”, li fuqu huwa bbażat, kien għadu mhux, fl-2011, indikatur affidabbli tal-punt sa fejn it-tranżazzjonijiet jibqgħu milquta minn żball materjali wara li l-proċeduri ta’ kontroll ikunu ġew applikati.

Fir-rigward tar-rappurtar mill-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni, il-Qorti tkopri dan is-suġġett fil-Kapitolu tar-Rapport Annwali dwar “Kisba tar-riżultati mill-baġit tal-UE”.

Iż-żewġ modi prinċipali kif il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-prestazzjoni huma permezz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni bbażat fuq riżultati miksuba u fir-rapporti ta’ attività annwali tad-Direttorati Ġenerali.

Kif ġie ddikjarat ukoll fl-opinjoni tagħha aktar kmieni din is-sena, il-Qorti tqis li l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni ppubblikat fi Frar 2012 żied ftit li xejn valur u tirrakkomanda li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jesploraw kif ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jsir aktar siewi fil-kisba ta’ valur aħjar mill-infiq tal-UE.

Il-Kummissjoni għandha wkoll ittejjeb il-kwalità tar-rapporti ta’ attività annwali. Waqt analiżi tar-rapporti ta’ attività annwali tad-direttorati ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Politika Reġjonali, u l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni, il-Qorti sabet li l-indikaturi tal-prestazzjoni setgħu jsiru aktar relevanti għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mit-tliet direttorati ġenerali ma rrappurtaw dwar l-ekonomija u l-effiċjenza.

Il-kapitolu dwar “Kisba tar-riżultati mill-baġit tal-UE” jinkludi wkoll għadd ta’ tagħlimiet miksuba mir-rapporti speċjali 2011 tal-Qorti relevanti għat-titjib tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni. Fost affarijiet oħra, il-Qorti tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha:

  • tuża valutazzjoni ta’ kwalità tajba tal-ħtiġijiet biex tiffoka fuq ir-riżultati u l-impatti li hija tixtieq tikseb;

  • tistabbilixxi objettivi tal-politika li se jgħinu biex juru l-valur miżjud Ewropew; u

  • taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb il-kwalità u l-puntwalità tad-data li huma jippreżentaw.

Chairman Theurer, onorevoli membri,

Il-ġestjoni finanzjarja tal-UE għadha ma laħqitx l-istandard meħtieġ. Ħafna mill-problemi li aħna identifikajna fl-imgħoddi għadhom hemm, minkejja li mhux kbar daqs qabel.

Dawn il-problemi huma importanti aktar minn qatt qabel. U issa, li qegħdin jiġu diskussi proposti leġiżlattivi għall-qafas finanzjarju li jmiss, hemm opportunità li jiġu indirizzati l-kawżi ta’ bażi tagħhom. Sa mill-2010, il-Qorti talbet li jkun hemm skemi ta’ nfiq aktar sempliċi b’objettivi aktar ċari, riżultati li huma eħfef biex jitkejlu, u arranġamenti ta’ kontroll aktar kosteffettivi.

Ir-rapport annwali tagħna dwar l-2011 jipprovdi wkoll ħafna rakkomandazzjonijiet speċifiċi, bħalma jagħmlu wkoll l-opinjonijiet li aħna ħriġna dwar il-proposti. L-opinjonijiet ukoll jagħmlu osservazzjonijiet dwar l-isfidi l-ġodda li jistgħu jitqajmu għall-ġestjoni finanzjarja u għall-obbligu ta’ rendikont .

Fir-rigward tal-proposti relatati mal-Qafas Strateġiku Komuni li se jkopri l-oqsma ta’ nfiq l-aktar suxxettibbli għar-riskju, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jissaħħaħ l-irwol ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni, jittejbu l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja u jiġu żgurati arranġamenti adegwati ta’ verifika u kontroll fuq l-istrumenti finanzjarji.

Chairman Theurer, onorevoli membri,

Dawn huma żminijiet diffiċli. L-Istati Membri jridu jaqblu dwar regoli mtejba għal kif jintefqu l-flus tal-UE, u l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jinfurzawhom b’mod xieraq. B’dan il-mod, il-baġit tal-UE jkun jista’ jintuża b’mod aktar effiċjenti u effettiv għat-twassil ta’ valur miżjud akbar għaċ-ċittadini. Dak huwa l-messaġġ fir-rapport annwali tagħna li kelli l-unur nippreżentalkom illum.

Fil-qofol tiegħu, huwa messaġġ dwar it-titjib tal-obbligu ta’ rendikont għall-flus tal-UE. Għan li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jistinkaw li jilħqu u dak li l-Qorti poġġiet fiċ-ċentru tal-istrateġija tagħha għas-snin li ġejjin.

Grazzi tal-attenzjoni tagħkom.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site