Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

ECA/12/44
Il-Lussemburgu, is-6 ta’ Novembru 2012

Rapport Annwali 2011: Mistoqsijiet Frekwenti

  • Il-QEA approvat il-kontijiet tal-2011?

Il-QEA approvat il-kontijiet tal-2011 bħala kompleti u preċiżi, imma sabet wisq żbalji fil-pagamenti ta’ bażi. Il-QEA tikkonkludi li l-kontijiet tal-2011 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE u r-riżultati tagħha għas-sena. Madankollu, il-QEA reġgħet sabet livell inaċċettabbli ta’ żball fil-pagamenti ta’ bażi, li jwassal għal opinjoni avversa dwar l-infiq.

  • X’tirrappreżenta r-rata ta’ żball stmata ta’ 3,9 %?

3,9 % huwa l-impatt finanzjarju ta’ żbalji fin-nefqa baġitarja tal-UE, fejn dan l-impatt jista’ jiġi kkwantifikat. Il-QEA tuża l-ittestjar tal-verifika tagħha biex tidentifika żbalji fil-pagamenti. L-iżbalji huma kkawżati minn nuqqas ta’ konformità tal-benefiċjarji mar-regoli li jirregolaw l-infiq. L-impatt ta’ wħud mill-iżbalji jistgħu jiġu kkwantifikati, imma oħrajn le. Ir-rata ta’ żball stmata tirrifletti l-impatt finanzjarju ta’ żbalji kwantifikabbli. Din kienet 3,9 % għan-nefqa baġitarja tal-UE għall-2011 fit-totalità tagħha.

  • Kif jiġu mqabbla r-riżultati tal-2011 ma' dawk tal-2010?

Ir-riżultati tal-verifika għall-2011 huma simili ħafna għal dawk tal-2010. Ir-rata ta’ żball stmata għall-pagamenti tal-UE fit-totalità tagħhom telgħet minn 3,7 % fl-2010 għal 3,9 % fl-2011. Din mhijiex differenza sinifikanti f’livell ta’ statistika, li tindika li s-sitwazzjoni għadha simili b’mod kumplessiv.

  • X’tirrappreżenta l-frekwenza tal-iżbalji?

Il-frekwenza tal-iżbalji tkejjel il-proporzjon ta’ dħul jew ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament li jkun fihom żball wieħed jew aktar. L-impatt finanzjarju ta’ wħud mill-iżbalji jista’ jiġi kkwantifikat, imma oħrajn mhumiex kwantifikabbli. Il-frekwenza ta’ żball dejjem tkun ogħla mir-rata ta’ żball stmata minħabba li l-iżbalji kwantifikabbli biss huma inklużi fil-kalkolu tar-rata ta’ żball, u ħafna għandhom biss impatt finanzjarju baxx. Pereżempju, il-QEA ssib ħafna każijiet ta’ bdiewa li jikklejmjaw b’mod eċċessiv l-erja ta’ art eliġibbli tagħhom, imma dawn huma perċentwali żgħar biss ta’ klejms individwali.

  • Kif isiru l-iżbalji?

Isiru żbalji meta l-benefiċjarji ma jikkonformawx mar-regoli meta jikklejmjaw finanzjament tal-UE. Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament tal-UE, il-benefiċjarji huma obbligati jikkonformaw ma’ regoli speċifiċi tal-UE, u f’xi każijiet, regoli nazzjonali. Isiru żbalji meta jinkisru dawn ir-regoli. Pereżempju bdiewa li ma jonorawx l-impenji ambjentali tagħhom, promoturi tal-proġetti li ma jirrispettawx ir-regoli tal-akkwist pubbliku u ċentri tar-riċerka li jikklejmjaw spejjeż mhux marbuta mal-proġetti ffinanzjati mill-UE. Ir-Rapport Annwali 2011 jagħti ħafna eżempji ta’ żbalji li nstabu matul l-ittestjar tal-verifika.

  • L-iżbalji jfissru frodi?

Proporzjon żgħir ħafna biss ta’ żbalji huma riżultat ta’ frodi. Il-frodi hija att ta’ qerq apposta biex jinkiseb benefiċċju. Il-QEA ssib għadd żgħir ta’ frodi suspettużi kull sena. Dawn jiġu rrappurtati lill-OLAF (l-uffiċċju tal-Unjoni kontra l-frodi) li jinvestiga u jsegwi kull każ kif ikun neċessarju.

  • Xi rwol għandhom l-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE?

L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fil-ġestjoni u l-kontroll ta’ 80 % tal-fondi tal-UE. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà kumplessiva għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, il-ġestjoni tal-infiq fl-agrikoltura u fil-koeżjoni hi kondiviża mal-Istati Membri. L-20 % tal-baġit li jkun għad fadal hu ġestit direttament mill-Kummissjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu joperaw sistemi effettivi ta' ġestjoni u kontroll (inklużi d-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji). Ir-Rapport Annwali 2011 fih ħafna eżempji ta’ dgħufijiet li nstabu mill-QEA fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll kemm fil-livell tal-Istati Membri u kemm fil-livell tal-Kummissjoni.

  • Ir-Rapport Annwali 2011 jidentifika l-Istati Membri bl-agħar prestazzjoni?

Ma jsir l-ebda tqabbil bejn l-Istati Membri. Il-QEA tagħti l-opinjoni tal-verifika tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, li tiġi organizzata madwar l-oqsma tal-politika u mhux madwar linji nazzjonali. Ir-riżultati dettaljati tal-verifika tal-UE jagħtu lok għat-tqabbil bejn l-oqsma differenti ta’ nfiq, imma mhux bejn l-Istati Membri. Madankollu, ir-Rapport Annwali tabilħaqq fih valutazzjonijiet tal-kwalità tas-sistemi fi ħdan oqsma ta’ nfiq ta’ kampjuni ta’ Stati Membri.

Il-PAKKETT TAL-ISTAMPA tar-Rapport Annwali 2011 fi 22 lingwa tal-UE www.eca.europa.eu


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site