Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jġestu l-infiq b’mod aħjar - jgħidu l-Awdituri tal-UE

Cour des comptes - ECA/12/43   06/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/43

Il-Lussemburgu, is-6 ta’ Novembru 2012

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jġestu l-infiq b’mod aħjar - jgħidu l-Awdituri tal-UE

Il-kontijiet 2011 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-likwidità għas-sena. Id-dħul u l-impenji kienu ħielsa minn żball materjali. Madankollu, il-pagamenti kienu milquta minn żball materjali, b'rata ta' żball stmata ta' 3,9 % għall-baġit tal-UE fit-totalità tiegħu. Il-livell ta’ żball baqa’ simili għall-2010 meta kien ta’ 3,7 %.

Fl-2011, l-UE nefqet EUR 129,4 biljun, b’madwar 80% fuq il-politiki tal-agrikoltura u ta’ koeżjoni, fejn il-kompitu tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE huwa kondiviż bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE. Il-QEA sabet wisq każijiet fejn il-flus tal-UE ma laħqux il-mira jew inkella ma ntefqux bl-aħjar mod. Is-sistemi ta’ kontroll eżaminati tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni kienu biss parzjalment effettivi biex jiżguraw ir-regolarità tal-pagamenti. Is-sistemi ta’ kontroll mhumiex qegħdin iwettqu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jipprevjenu l-iżbalji jew li jaqbduhom u jikkoreġuhom. Jeħtieġ li jkun hemm grad akbar ta’ impenn min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali lejn il-ġestjoni u l-kontroll tal-flus tal-UE.

Ir-rata ta’ żball stmata mill-QEA għall-infiq fil-grupp tal-politika żvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa (il-qasam tal-infiq l-aktar suxxettibbli għal żball) kienet ta’ 7,7 %. Ir-rata ta’ żball stmata għall-grupp tal-politika dwar politika reġjonali, enerġija u trasport baqgħet għolja u ammontat għal 6,0 %.

Għal ħafna snin, il-QEA talbet li jkun hemm skemi ta’ nfiq aktar sempliċi b’objettivi aktar ċari, riżultati li huma eħfef biex jitkejlu, u arranġamenti ta’ kontroll aktar kosteffettivi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA jaslu fi żmien meta qegħdin jiġu diskussi proposti leġiżlattivi għall-ġestjoni mtejba tal-flus tal-UE.

“Il-messaġġ ta’ dan ir-Rapport Annwali huwa konsistenti ma’ dawk tas-snin ta’ qabel, iżda din is-sena huwa importanti aktar minn qatt qabel. Bil-finanzi pubbliċi tal-Ewropa taħt pressjoni iebsa, jibqa’ lok biex il-flus tal-UE jintefqu b’mod aktar effiċjenti u jiġu mmirati b’mod aħjar,” qal Vítor Caldeira, il-President tal-QEA, “L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq regoli mtejba dwar kif jintefqu l-flus tal-UE, u l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jinfurzawhom b’mod xieraq. B’dan il-mod, il-baġit tal-UE jkun jista’ jintuża b’mod aktar effiċjenti u effettiv għat-twassil ta’ valur miżjud akbar għaċ-ċittadini.

Noti lill-edituri:

L-objettiv tar-rapporti annwali – dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u dwar il-FEŻ (Fondi Ewropej għall-Iżvilupp) - huwa li jiġu pprovduti sejbiet u konklużjonijiet li jgħinu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u liċ-ċittadini jivvalutaw il-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u li jsiru rakkomandazzjonijiet utli għal titjib. Il-qofol tar-rapporti annwali 2011 huma t-18-il dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

Il-QEA tittestja kampjuni ta’ tranżazzjonijiet biex tipprovdi stimi bbażati fuq l-istatistika dwar il-punt sa fejn id-dħul, l-infiq fit-totalità tiegħu kif ukoll l-oqsma differenti ta’ nfiq jkunu milquta minn żball. Konklużjonijiet tal-verifika jsiru abbażi ta’ dawn ir-riżultati u evidenza oħra, bħall-valutazzjoni tas-sistemi, ir-rappreżentazzjonijiet mill-maniġment tal-Kummissjoni u x-xogħol ta’ awdituri oħra.

Tqabbil bejn ir-rati tal-iżball l-aktar probabbli stmati tal-2010 u l-2011 għall-oqsma ta’ nfiq tal-UE

Nota: Rati ta’ żball ikkombinati għall-oqsma ta’ agrikoltura u koeżjoni jingħataw għal skopijiet ta’ tqabbil.

Aktar dettalji fir-rigward tas-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għall-oqsma speċifiċi tal-baġit jinstabu fin-Nota ta’ Informazzjoni dwar ir-Rapporti Annwali 2011 u fit-test sħiħ tar-Rapporti Annwali stess. It-tnejn li huma disponibbli f’għamla elettronika fuq

http://eca.europa.eu/portal/page/portal/pressroom/PresspackAR11

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site