Navigation path

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/41

Il-Lussemburgu, it-30 ta’ Ottubru 2012

L-assistenza lill-Kosovo dwar l-istat tad-dritt mhijiex effettiva biżżejjed

Il-Kosovo huwa l-akbar benefiċjarju per capita tal-għajnuna finanzjarja mill-UE fid-dinja u fih qiegħda titwettaq l-akbar missjoni ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet li qatt tvarat mill-Unjoni (EULEX). Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri vverifikat l-assistenza tal-UE lill-Kosovo fil-qasam tal-istat tad-dritt.

Il-QEA sabet li din l-assistenza ma kinitx effettiva biżżejjed. Għalkemm l-UE għenet fil-bini tal-kapaċità, speċjalment fil-qasam tad-dwana, l-assistenza lill-pulizija u lill-ġudikatura kellha suċċess moderat biss. Il-livelli ta’ kriminalità organizzata u ta’ korruzzjoni fil-Kosovo għadhom għoljin. Il-ġudikatura għadha tbati minn indħil politiku, ineffiċjenza u nuqqas ta’ trasparenza u infurzar. Il-kapaċità limitata tal-Kosovo għall-protezzjoni ta’ xhieda ewlenija u d-diffikultajiet ta’ rilokazzjoni tax-xhieda barra mill-pajjiż huma nuqqasijiet importanti. Ma kien hemm kważi l-ebda progress fit-twaqqif tal-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo.

    “L-awtoritajiet tal-Kosovo jagħtu prijorità insuffiċjenti għall-istat tad-dritt”, qal Gijs de Vries, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, “u l-appoġġ mill-UE għandu jkun aktar effettiv.”

B’kuntrast mal-bqija tal-Balkani tal-Punent, fil-każ tal-Kosovo l-inċentiv tal-adeżjoni potenzjali mal-UE huwa pperikolat minħabba n-nuqqas ta’ pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-indipendenza tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna aċċettaw il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA.

Video / EbS News clip

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw riżultati ta’ verifiki magħżula ta’ oqsma baġitarji speċifiċi tal-UE jew temi ta’ ġestjoni.

Dan ir-rapport speċjali indirizza l-kwistjoni dwar jekk l-assistenza tal-UE lill-Kosovo fil-qasam tal-istat tad-dritt hijiex effettiva. Il-Qorti vvalutat jekk l-assistenza hijiex qed tikseb ir-riżultati intenzjonati tagħha u x’kien l-impatt tagħha fuq il-progress kumplessiv fl-oqsma differenti tal-istat tad-dritt (il-pulizija, il-ġustizzja, id-dwana, il-ħidma kontra l-korruzzjoni). Eżaminat ukoll il-ġestjoni tal-assistenza, partikolarment fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-EULEX. Il-verifika inkludiet kampjun ta’ 17-il intervent tal-UE fil-Kosovo.

Matul il-perjodu 1999-2007, il-Kosovo rċieva EUR 3,5 biljun f’assistenza minn donaturi, li żewġ terzi minnha ġew mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri tal-UE. Bejn l-2007 u l-2011, l-assistenza tal-UE lill-istat tad-dritt permezz tal-IPA u tal-EULEX ammontat għal EUR 0,7 biljun bejn wieħed u ieħor.

L-effettività limitata tal-assistenza tal-UE tista’ tiġi spjegata biċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Kosovo, inkluż il-punt tat-tluq baxx waqt l-indipendenza għall-bini tal-istat tad-dritt. Madankollu, il-verifika sabet li kien hemm oqsma sinifikanti fejn ġestjoni aħjar min-naħa tas-SEAE u l-Kummissjoni setgħet wasslet sabiex l-assistenza tal-UE ssir aktar effettiva. Dan minkejja t-titjib li introduċew matul il-perjodu vverifikat.

Pereżempju, l-Istati Membri tal-UE ssekondaw persunal insuffiċjenti u mhux kwalifikat lill-EULEX, u għal perjodi qosra wisq. Il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-EULEX hija soġġetta għal restrizzjonijiet legali.

Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-UE jeħtieġ li jittejbu aktar, inkluż mal-komunità internazzjonali. L-Istituzzjonijiet tal-UE għamlu sforzi sinifikanti biex jikkoordinaw mal-Istati Uniti, li hija l-akbar donatur bilaterali fil-Kosovo. Madankollu l-kisba ta’ koordinazzjoni sħiħa mal-Istati Uniti għadha diffiċli.

L-interventi tal-UE kellhom riżultati limitati meta indirizzaw il-korruzzjoni li għadha ta’ tħassib kbir. It-tliet korpi tal-Kosovo ta’ ħidma kontra l-korruzzjoni għandhom setgħat dgħajfa u responsabbiltajiet li jikkoinċidu. Is-sorveljanza tal-akkwist pubbliku hija kumplessa b’mod simili; barra minn hekk, hemm aktar minn 150 awtorità kontraenti fil-Kosovo. Għalkemm din il-kumplessità u l-frammentazzjoni jżidu r-riskju ta’ korruzzjoni, l-UE ma indirizzatx dan f’livell politiku.

Il-QEA tirrakkomanda, fost l-oħrajn, li s-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu użu aħjar mid-djalogu dwar il-politiki u mill-kundizzjonijiet. Il-possibbiltà tal-liberalizzazzjoni tal-viża tista’ tkun ta’ inċentiv għat-titjib tal-istat tad-dritt fil-Kosovo. Madankollu, l-UE stabbilixxiet 95 rekwiżit għal-liberalizzazzjoni tal-viża, u b’hekk hemm riskju li jiġi mminat l-effett tal-inċentiv. Id-djalogu dwar il-politiki għandu jiffoka fuq kundizzjonjiet ta’ prijorità. Il-QEA tirrakkomanda li l-appoġġ tal-UE għall-Kosovo jkun marbut ma’ punti ta’ riferiment konkreti u jikkunsidra l-objettivi tas-sigurtà interna tal-UE.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Nru tat-telefown tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website