Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/12/39

Il-Lussemburgu, il-11 ta’ Ottubru 2012

Aġenziji magħżula tal-UE ma ġġestixxewx sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi b’mod adegwat” - L-awdituri tal-UE

F’dawn l-aħħar snin, numru ta’ każijiet allegatament relatati ma’ kunflitti ta’ interessi li jinvolvu ċerti Aġenziji tal-UE ġew irrappurtati fl-istampa u qajmu tħassib fil-Parlament Ewropew. Fl-2011 il-Parlament Ewropew talab lill-Qorti biex “tagħmel analiżi komprensiva tal-approċċ tal-aġenziji dwar il-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet fejn hemm kunflitti ta’ interessi potenzjali”.

Il-verifika evalwat politiki u proċeduri għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi għal erba’ Aġenziji magħżula li jieħdu deċiżjonijiet essenzjali li jaffettwaw is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumaturi, jiġifieri l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li l-ebda waħda mill-Aġenziji magħżula ma ġestiet is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi b’mod adegwat. Numru ta’ nuqqasijiet ta’ gradi differenti ġew identifikati f’politiki u proċeduri speċifiċi għall-Aġenzija kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħhom.

“Wara li eżaminajna s-sitwazzjoni f’dawn l-aġenziji, ġbarna lista ta’ rakkomandazzjonijiet ġenerali u speċifiċi li, jekk jiġu implimentati sew, jistgħu jġibu titjib sinifikanti fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi mhux biss fl-Aġenziji magħżula imma fl-istituzzjonijiet u korpi deċentralizzati tal-UE,” qal is-Sur Igors Ludboržs, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jiġu ppubblikati matul is-sena kollha u jippreżentaw ir-riżultati tal-verifiki magħżula ta’ oqsma speċifiċi baġitarji tal-UE jew temi relatati mal-ġestjoni. Dan ir-rapport speċjali 15/2012 “Il-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interessi f’Aġenziji magħżula tal-UE” vvaluta u evalwa politiki u proċeduri għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’interessi għal erba’ Aġenziji magħżula li jieħdu deċiżjonijiet essenzjali li jaffettwaw is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumaturi.

Kunflitt ta’ interess jitqies li hu kunflitt bejn id-dmir pubbliku u l-interessi privati ​​ta’ uffiċjal pubbliku, fejn l-uffiċjal pubbliku għandu interessi ta’ kapaċità privata li jistgħu jinfluwenzaw il-prestazzjoni tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu b’mod li ma jkunx xieraq. Ċerti riskji ta’ kunflitti ta’ interessi huma inkorporati fl-istruttura tal-Aġenziji magħżula (eż. l-istess organizzazzjoni hija kemm rappreżentanta tal-ġestjoni kif ukoll fornitur ta’ servizzi) u fid-dipendenza fuq ir-riċerka mwettqa mill-industrija. F’dan l-isfond huwa ta’ importanza assoluta li l-Aġenziji magħżula jkollhom sistemi robusti biex jiġġestixxu riskju inerenti għoli ta’ kunflitti ta’ interessi.

Ma hemm l-ebda qafas regolatorju komprensiv tal-UE ddedikat għall-kunflitti ta’ interessi li, kieku, jista’ jiżgura rekwiżiti minimi komparabbli dwar l-indipendenza u t-trasparenza applikabbli għall-Aġenziji kollha tal-UE u għall-parteċipanti kollha ewlenin li jinfluwenzaw l-istrateġija, l-operazzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Fin-nuqqas ta’ qafas regolatorju bħal dan, il-linji gwida tal-OECD f’dan ir-rigward, li jistabbilixxu punt ta’ referenza internazzjonali għal tfassil ta’ politika komprensiva dwar kunflitti ta’ interessi, ġew meqjusa bħala parti minn qafas ta' referenza għal din il-verifika.

Il-Qorti kkonkludiet li l-ebda waħda mill-Aġenziji magħżula ma ġestiet is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi b’mod adegwat. In-nuqqasijiet identifikati kienu, madanakollu, ta’ gradi differenti. Mill-Aġenziji magħżula, l-EMA u l-EFSA żviluppaw il-politiki u l-proċeduri l-aktar avvanzati biex jiddikjaraw, jivvalutaw, jiġġestixxu l-kunflitti ta’ interessi. Għalkemm l-ECHA żviluppat politika u proċeduri speċifiċi għall-Aġenzija għall-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interessi, il-politika u l-proċeduri għall-persunal tal-ECHA u għall-Bord tal-Appell għandhom nuqqasijiet sinifikanti. Il-Qorti sabet li l-EASA ma kellhiex politika u proċeduri speċifiċi għall-Aġenzija dwar il-kunflitti ta’ interessi. L-EASA ma tiksibx u lanqas ma tivvaluta d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi għall-persunal, għall-Bord ta’ Amministrazzjoni, għall-Bord tal-Appell u għall-esperti.

        • Il-Qorti tirrakkomanda li l-Aġenziji magħżula jtejbu l-politiki u l-proċeduri tagħhom dwar kunflitti ta’ interessi billi:

(i) jeżaminaw b’mod analitiku lill-kandidati għal kunflitti ta’ interessi qabel il-ħatra tagħhom;

(ii) jistabbilixxu politiki u proċeduri dwar kunflitti ta’ interessi li jkunu jiżguraw li sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi jiġu ġestiti skont standard komparabbli minn awtoritajiet nazzjonali li jwettqu kompiti esternalizzati (EASA u EMA);

(iii) jistabbilixxu kriterji ċari u oġġettivi għall-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interessi u japplikawhom b’mod konsistenti;

(iv) jintroduċu politiki u proċeduri dwar rigali u stediniet għall-Aġenzija kollha (EASA, ECHA u EFSA);

(v) jiżviluppaw politiki u proċeduri dwar ksur ta’ fiduċja li jkunu ċari, trasparenti u konsistenti għall-Aġenzija kollha;

(vi) itejbu t-trasparenza tal-interessi ddikjarati matul il-laqgħat u fil-kuntest ta’ proċessi xjentifiċi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

(vii) jiżguraw taħriġ komprensiv u obbligatorju dwar kunflitti ta’ interessi;

(viii) jindirizzaw kwistjonijiet ta’ wara l-impjieg b’koordinazzjoni mal-korpi ta’ ħatra kollha involuti;

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirrakkomanda wkoll li l-leġiżlatur tal-UE, possibbilment b’konsultazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, jikkunsidra l-iżvilupp ulterjuri tal-qafas regolatorju tal-UE ddedikat għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi, bl-użu tal-linji gwida tal-OECD u l-aħjar prattiki eżistenti bħala referenza.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site