Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tippubblika rapport speċjali dwar l-effettività tal-faċilità ta' Garanzija għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju

Court of Auditors - ECA/11/20   08/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/11/20

Il-Lussemburgu, it-8 ta’ Ġunju 2011

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tippubblika rapport speċjali dwar l-effettività tal-faċilità ta' Garanzija għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju

L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi kollha u jipprovdu 75 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Osservatorju tal-SMEs Ewropej, l-aċċess għall-finanzi huwa problema għall-SMEs fl-Ewropa. Is-settur pubbliku għandu rwol importanti x’jaqdi fis-sostenn tas-settur tal-SMEs, partikolarment fl-għoti ta’ finanzjament xieraq. Il-faċilità ta' Garanzija għall-SMEs (SMEG) hija strument finanzjarju ġestit mill-Fond Ewropew tal-Investiment f’isem il-Kummissjoni Ewropea u li jagħti garanziji jew kontrogaranziji lil intermedjarji finanzjarji għal self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji lill-SMEs bil-għan li jiżdied il-forniment ta’ finanzjament permezz ta’ dejn.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ippubblikat ir-riżultati tal-verifika tagħha dwar l-effettività tal-faċilità ta' Garanzija għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju, għal dak li jirrigwarda l-effettività tat-tfassil u tal-ippjanar tagħha, il-ġestjoni tal-operazzjonijiet tagħha u l-ilħuq tal-objettivi tagħha.

Il-QEA sabet li l-objettivi tas-SMEG kurrenti kienu aktar preċiżi minn dawk ta’ taħt il-programmi ta’ qabel, f’dak li jirrigwarda l-prodotti mistennija. Il-qafas għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta’ kuljum tqies xieraq, iżda ma ġew stabbiliti l-ebda standards ta’ punteġġi u l-ebda rekwiżiti minimi għall-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar kienu sodisfaċenti filwaqt li kienu limitati għall-prodott tal-monitoraġġ aktar milli għar-riżultati u l-impatti tal-miżura. Il-QEA kkonkludiet li mill-inqas terz tas-self ingħata lil SMEs li setgħu kisbu l-finanzjament rekwiżit mingħajr sostenn pubbliku u 12% biss ingħataw lil SMEs għal investimenti innovattivi. Barra minn hekk, il-valur miżjud tal-UE tal-faċilità ma ntweriex biċ-ċar.

Abbażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA għamlet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, bħal li, fil-ġejjieni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi miri kwantifikabbli u speċifiċi sabiex tiffaċilita l-monitoraġġ tal-ilħuq tal-objettivi tal-istrument finanzjarju. Il-progress għandu jitkejjel bil-ħsieb li jinkisbu dawn il-miri matul it-tul tal-ħajja tal-istrument, u li azzjoni ta' rimedju għandha tittieħed kif meħtieġ. Barra minn hekk, sistema ta’ punteġġ għandha titpoġġa fis-seħħ biex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jitqabblu. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex ikun żgurat li fondi tal-UE jistgħu jiġu allokati b’mod aktar effettiv lil dawk l-SMEs bi proġetti vijabbli li altrimenti ma kinux jiġu ffinanzjati.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website