Navigation path

Left navigation

Additional tools

D/13/5

Brussell, 28/06/2013

KUNSILL EWROPEW - KONKLU_JONIJIET
Brussell, 27-28/06/2013

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (27/28 ta' Ġunju 2013).

________________________

Fl-isfond ta' prospetti ekonomiċi dgħajfa fuq terminu qasir, il-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq livelli mingħajr preċedent f'diversi Stati Membri, bi spejjeż umani u soċjali kbar ħafna. Għandha tittieħed azzjoni urġenti.

Illum, il-Kunsill Ewropew qabel dwar approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jibni fuq il-miżuri konkreti li ġejjin: aċċellerazzjoni u l-frontloading tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; mobbiltà akbar taż-żgħażagħ u l-involviment tal-imsieħba soċjali. Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll modi kif tista' tingħata spinta lill-investiment u jittejjeb l-aċċess għall-kreditu. Huwa għamel appell biex jiġu mmobilizzati r-riżorsi Ewropej inklużi dawk tal-BEI; u nieda "Pjan ta' Investiment" ġdid b'appoġġ għall-SMEs u biex tingħata spinta lill-finanzjament tal-ekonomija.

L-istabbiltà finanzjarja qiegħda titjieb, iżda huma meħtieġa aktar azzjonijiet mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex l-Ewropa terġa', b'mod stabbli, taqbad it-triq ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi. Finanzi pubbliċi fis-sod u linji politiċi li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi jsaħħu lil xulxin reċiprokament. Fl-istess ħin, huma meħtieġa aktar sforzi b'determinazzjoni fil-livelli kollha biex isir progress fir-riformi strutturali u tingħata spinta lill-kompetittività u lill-impjiegi. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi bħala gwida għal-linji politiċi u l-baġits tal-Istati Membri, biex b'hekk jiġi konkluż is-Semestru Ewropew 2013.

Il-Kunsill Ewropew ivvaluta wkoll il-progress li sar lejn l-unjoni bankarja, li hi kruċjali għall-istabbiltà finanzjarja u t-tħaddim bla xkiel tal-UEM. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-passi li jmiss fit-tisħiħ tal-arkitettura tal-UEM u għamel appell biex tissokta l-ħidma fuq dawn il-kwistjonijiet kollha fit-tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Diċembru.

Il-Kunsill Ewropew laqa' b'entużjażmu lill-Kroazja bħala membru tal-Unjoni Ewropea mill- 1 ta' Lulju 2013. Huwa feraħ ukoll lil-Latvja għax issodisfat il-kriterji ta' konverġenza tat-Trattat, biex b'hekk tista' tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2014.

Il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni.

I. IMPJIEGI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

  1. Il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hi objettiv partikolari u immedjat, meta wieħed iqis in-numru għoli u inaċċettabbli ta' żgħażagħ Ewropej li huma bla xogħol. Kull sforz għandu jiġi mmobilizzat madwar l-objettiv kondiviż biex iż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, mhumiex fit-taħriġ jew ma għandhomx impjieg jerġgħu lura għax-xogħol jew għall-edukazzjoni jew it-taħriġ fi żmien erba' xhur, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-"Garanzija għaż-Żgħażagħ". Bi tkomplija tal-ħidma fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ, hija meħtieġa azzjoni determinata u immedjata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

  1. L-UE ser timmobilizza l-istrumenti kollha disponibbli b'appoġġ għall-impjiegi taż-żgħażagħ. Il-Kunsill Ewropew jaqbel fuq approċċ komprensiv ibbażat fuq il-miżuri konkreti li ġejjin:

  1. fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali, ser tingħata attenzjoni partikolari lill-impjiegi taż-żgħażagħ, inkluż, fejn adatt, permezz tar-riprogrammazzjoni tal-fondi li ma jintefqux. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jisfruttaw il-possibbiltajiet kollha offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li huwa wieħed mill-għodod finanzjarji prinċipali fil-livell tal-UE għal dan il-għan, inkluż permezz ta' appoġġ għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda għall-ħaddiema żgħażagħ. Fejn adatt, l-Istati Membri ser itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom, bl-użu ta' assistenza teknika mtejba mill-Kummissjoni u billi jibnu fuq l-aħjar prattiki;

  1. ser isiru t-tħejjijiet kollha meħtieġa biex l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI - Youth Employment Initiative) tkun kompletament operazzjonali sa Jannar 2014, biex b'hekk ikunu jistgħu jsiru l-ewwel ħlasijiet lill-benefiċjarji fir-reġjuni tal-UE li jesperjenzaw rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ 'il fuq minn 25%1. SSabiex il-YEI taqdi r-rwol sħiħ tagħha, il-ħlas ta' EUR 6 biljun allokat lilha għandu jsir matul l-ewwel sentejn tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss2. Barra minn hekk, il-marġnijiet li tħallew disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għas-snin 2014-2017 ser jintużaw biex jiġi kostitwit "marġni globali għall-impenji" biex jiġu ffinanzjati b'mod partikolari l-miżuri fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-Istati Membri li jibbenefikaw mill-YEI għandhom jadottaw pjan li jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-"Garanzija għaż-Żgħażagħ" qabel tmiem is-sena. Stati Membri oħrajn huma mħeġġa jadottaw pjanijiet simili fl-2014. Il-Kummissjoni ser tirrapporta fl-2016 fuq l-implimentazzjoni tal-"Garanzija għaż-Żgħażagħ" u dwar it-tħaddim tal-YEI;

  1. il-BEI ser jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz tal-inizjattiva tiegħu "Impjiegi għaż-Żgħażagħ" u l-programm tiegħu "Investiment fil-Ħiliet", li għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien;

  1. ser isiru sforzi ġodda għall-promozzjoni tal-mobbiltà ta' żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, inkluż bit-tisħiħ tal-Programm "L-Ewwel Impjieg EURES tiegħek". L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw parti mill-allokazzjonijiet tal-FSE tagħhom b'appoġġ għall-iskemi ta' mobbiltà transkonfinali. Il-Programm "Erasmus +", li wkoll jippromwovi t-taħriġ vokazzjonali transkonfinali, għandu jkun kompletament operazzjonali minn Jannar 2014. Il-qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali jintlaqa' partikolarment tajjeb. Il-proposti tal-Kummissjoni li jwasslu għall-ħolqien ta' netwerk ta' servizzi ta' impjiegi pubbliċi għandhom jiġu eżaminati malajr. Huma meħtieġa aktar sforzi, partikolarment rigward il-proposta relatata mal-preservazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni supplimentari, li għandha tiġi adottata matul il-mandat parlamentari attwali;

  1. ser jiġu promossi l-apprendistati ta' kwalità għolja u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, partikolarment permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati li għandha titnieda f'Lulju. Il-Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ għandu jkun stabbilit kmieni fl-2014;

  1. huwa meħtieġ li l-imsieħba soċjali jkunu involuti b'mod sħiħ u jimpenjaw ruħhom attivament f'dawn l-isforzi. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-"Qafas ta' Azzjonijiet dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ" maqbul mill-imsieħba soċjali fil-11 ta' Ġunju 2013.

  1. F'livell nazzjonali, fejn jinstabu l-biċċa l-kbira tal-kompetenzi relatati mal-impjiegi, l-Istati Membri għandhom jimxu 'l quddiem fir-riformi tagħhom. L-Istati Membri qegħdin jieħdu miżuri biex jimmodernizzaw is-sistemi vokazzjonali u edukattivi, isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozju biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol, itejbu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ bi ftit kwalifiki, jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u jippromwovu l-apprendistati u t-taħriġ prattiku f'setturi ekonomiċi ewlenin, kif ukoll l-intraprenditorija u l-istartups. Għadd ta' Stati Membri diġà ppreżentaw pjanijiet ambizzjużi b'appoġġ għall-impjiegi taż-żgħażagħ. Iżda jeħtieġ li ssir aktar ħidma. B'mod partikolari, l-Istati Membri b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom iżidu l-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lill-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi ta' żgħażagħ vulnerabbli li qegħdin jiffaċċjaw sfidi speċifiċi. Filwaqt li jirrikonoxxi l-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, il-Kunsill Ewropew fakkar f'kemm hu importanti li t-tassazzjoni tiġi spustata minn fuq ix-xogħol, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet soċjali, kif xieraq, bħala mezz biex tiżdied il-kapaċità għall-impjieg u biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività. Il-Kunsill Ewropew għamel appell biex tiżdied il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki nazzjonali; f'dan ir-rigward, huwa laqa' l-Konferenza ta' Berlin li jmiss.

II. TKABBIR, KOMPETITTIVITÀ U IMPJIEGI

Semestru Ewropew

  1. Wara skambju ta' fehmiet approfondit, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda s-Semestru Ewropew 2013 bl-approvazzjoni ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. L-Istati Membri issa ser jittraduċu r-rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjonijiet tagħhom li jmiss dwar il-baġits, ir-riformi strutturali u l-linji politiċi dwar l-impjiegi u soċjali, filwaqt li jippromwovu sjieda nazzjonali sħiħa u jippreservaw id-djalogu soċjali. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ser isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kunsill ser jiddiskuti u jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika fl-Ewropa regolarment.

  1. Il-promozzjoni tat-tkabbir u l-konsolidazzjoni fiskali jsaħħu lil xulxin reċiprokament. Finanzi pubbliċi fis-sod huma kruċjali biex l-awtoritajiet pubbliċi jżommu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-abrogazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv għal diversi Stati Membri kif ukoll l-isforzi ta' dawk li huma mistennija jilħqu l-miri fiskali tagħhom. Huwa jfakkar fil-possibbiltajiet offruti mill-qafas fiskali eżistenti tal-UE biex ikun hemm bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv u l-objettivi tad-dixxiplina fiskali fil-fergħa preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għal xi Stati Membri, il-pass tal-konsolidazzjoni fiskali ġie aġġustat biex iwieġeb għall-kondizzjonijiet ekonomiċi, kif previst fil-qafas fiskali tal-UE. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jaċċelleraw ir-riformi strutturali tagħhom. Dan ser isostni l-isforzi biex jerġa' jinkiseb bilanċ fl-ekonomija tal-UE, ser jgħin biex jerġa' jkun hemm kompetittività u biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi.

Pjan ta' Investiment ġdid għall-Ewropa

  1. Fil-kuntest ekonomiku attwali, hu kruċjali li fl-ekonomija jerġa' jkun stabbilit is-self normali u jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-investiment. Minħabba l-importanza tal-SMEs għall-ekonomija, speċjalment fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi, il-miżuri b'appoġġ għall-finanzjament tal-SMEs ser ikunu prijorità. Dan hu partikolarment importanti f'pajjiżi b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u fejn huma meħtieġa investimenti ġodda għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi. Huwa importanti wkoll li jiġu promossi l-intraprenditorija u s-selfemployment. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew qabel li jniedi "Pjan ta' Investiment" ġdid.

  1. Il-Kunsill Ewropew laqa' l-qbil li ntlaħaq dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE għas-seba' snin li ġejjin. Huwa rringrazzja lin-negozjaturi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-ħidma tagħhom u l-isforzi bla waqfien biex dan l-arranġament seta' jsir illum. Il-QFP ser ikollu rwol kruċjali fl-appoġġ għall-ekonomija, billi jaġixxi ta' katalist għat-tkabbir u l-impjiegi madwar l-Ewropa u permezz tat-tkattir tal-investimenti produttivi u fil-kapital uman. Il-Kunsill Ewropew appella għall-adozzjoni formali rapida tar-Regolament dwar il-QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali assoċjat. B'rabta ma' dan il-Kunsill Ewropew laqa' wkoll il-ftehimiet li ntlaħqu dwar programmi ġodda bħal ERASMUS, COSME, Orizzont 2020 u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali. Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza ta':

  1. l-adozzjoni qabel tmiem is-sena tal-programmi differenti tal-UE li jappoġġaw il-kisbiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

  1. l-Istati Membri li jaħdmu mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jikkonkludu l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operazzjonali tagħhom malajr kemm jista' jkun;

  1. l-implimentazzjoni rapida tal-Fondi Strutturali kif ukoll il-programmi għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME) u għar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020), li huma ta' importanza partikolari fil-kuntest tal-appoġġ għall-SMEs;

  1. l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-fażi pilota tal-bonds għall-finanzjament ta' proġetti. Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha sa tmiem l-2013.

  1. Il-Kunsill Ewropew laqa' r-rapport mill-Kummissjoni u l-BEI dwar il-finanzjament tal-ekonomija. Huwa qabel dwar il-miżuri li ġejjin u laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni u l-BEI li jimplimentawhom bħala prijorità u li jippreżentaw rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tagħhom qabel il-laqgħa tiegħu ta' Ottubru 2013, b'objettivi kwantitattivi, strumenti u skeda ta' żmien:

  1. it-tisħiħ tal-isforzi mill-BEI bħala appoġġ għas-self lill-ekonomija billi jsir użu sħiħ taż-żieda reċenti ta' EUR 10 biljun fil-kapital tiegħu. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-BEI biex jimplimenta l-pjan tiegħu li jżid l-attività ta' self tiegħu fl-UE b'tal-inqas 40% matul il-perijodu 2013-2015. Għal dan il-għan, il-BEI diġà identifika opportunitajiet ġodda ta' self ta' aktar minn EUR 150 biljun mifruxa fuq sett ta' prijoritajiet kritiċi bħall-innovazzjoni u l-ħiliet, l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-infrastrutturi strateġiċi;

  1. l-espansjoni ta' strumenti finanzjarji konġunti kkaratterizzati mill-kondiviżjoni tar-riskji bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI għall-promozzjoni tal-investimenti tas-settur privat u s-swieq tal-kapital fl-SMEs. Dawn l-inizjattivi għandhom jiżguraw li l-volum ta' self ġdid lill-SMEs madwar l-UE jikber, b'rispett għall-prinċipji ta' finanzjament sod u trasparenza kif ukoll il-limiti massimi tal-QFP. Il-Kunsill, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-BEI, ser jispeċifika mingħajr dewmien il-parametri għat-tfassil ta' tali strumenti kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, bl-għan ta' effetti ta' ingranaġġ għolja. Għandhom isiru t-tħejjijiet meħtieġa biex dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jibdew joperaw f'Jannar 2014;

  1. iż-żieda tal-kapaċità tal-FEI li jsaħħaħ il-kreditu;

  1. l-espansjoni gradwali tal-iskemi ta' finanzjament kummerċjali tal-BEI favur in-negozju tal-SMEs madwar l-Unjoni, speċjalment fil-pajjiżi tal-programm;

  1. it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-banek nazzjonali għall-iżvilupp u l-BEI biex jiżdiedu l-opportunitajiet għas-self konġunt u l-iskambji tal-aħjar prattiki;

  1. l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Implimentazzjoni tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi

  1. Sena ilu, il-Kunsill Ewropew qabel dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi, pakkett ta' miżuri ta' tkabbir li jaġixxu rapidament appoġġati minn finanzjament ta' EUR 120 biljun. Filwaqt li sar progress tajjeb fil-kisba ta' dawn il-miżuri, li xi wħud minnhom diġà qegħdin iħallu l-frott, huma meħtieġa aktar sforzi. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-elementi kollha tal-Patt jiġu implimentati rapidament, kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew preċedenti, b'mod partikolari fir-rigward tas-Suq Uniku, l-innovazzjoni, l-aġenda diġitali, is-servizzi, l-enerġija u t-taxxa. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess ir-rapport ta' progress aġġornat dwar il-Patt f'Diċembru 2013 li jibni fuq analiżi regolari mill-Kunsill.

  1. Kif maqbul f'Marzu li għadda, il-Kunsill Ewropew ser isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-linji gwida li jistabbilixxi biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u tiġi promossa l-kompetittività, partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta' diskussjonijiet tematiċi regolari. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew kellu l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar żewġ kwistjonijiet prinċipali:

  1. L-importanza vitali ta' bażi industrijali Ewropea b'saħħitha bħala pedament essenzjali tal-aġenda għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE. Il-Kunsill Ewropew għamel appell għal approċċ wiesa' orizzontali u koerenti għal politika industrijali Ewropea moderna li takkumpanja l-bidla strutturali u t-tiġdid ekonomiku. Huwa laqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli. BilBil-ħsieb tal-Kunsill Ewropew ta' Frar 2014, huwa kien qiegħed jistenna b'interess aktar kontributi mill-Kummissjoni f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu u Mejju 2013. Il-Presidenza li jmiss hi mistiedna tavvanza l-ħidma preparatorja fi ħdan il-Kunsill;

  1. filwaqt li fakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aktar għaxar regolamenti ta' piż bħala kontribut inizjali. Huwa stenna b'interess li qabel il-laqgħa tiegħu ta' Ottubru 2013 jirċievi programm dettaljat ta' ħidma li jinkludi aktar proposti konkreti u, fejn adatt, proposti ġodda biex jitnaqqas il-piż ġenerali tar-regolament u titrawwem il-kompetittività, filwaqt li titqies dejjem il-ħtieġa għall-ħarsien tajjeb tal-konsumaturi u l-impjegati. Huwa appella għal sforzi kontinwi biex ir-regolamenti tal-UE u dawk nazzjonali jkunu aktar effiċjenti, konsistenti u sempliċi. Huwa ser jerġa' lura għal dawn il-kwistjonijiet fid-dawl ta' dawk il-proposti.

Filwaqt li jistenna d-diskussjonijiet tematiċi tiegħu f'Ottubru 2013 biex jagħtu spinta ġdida fl-oqsma tal-innovazzjoni, is-suq uniku diġitali u s-servizzi, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tad-Direttiva dwar is-Servizzi kif ukoll dwar il-proċess tal-Liċenzji għall-Ewropa qabel dik il-laqgħa.

  1. Filwaqt li jfakkar fir-rwol li għandu l-kummerċ fit-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi, il-Kunsill Ewropew laqa' t-tnedija tan-negozjati dwar sħubija transatlantika dwar il-kummerċ u l-investimenti mal-Istati Uniti.

III. FINALIZZAZZJONI TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

  1. Mill-preżentazzjoni f'Diċembru li għadda tar-rapport "Lejn UEM ġenwina" sar progress fil-ħidma rigward erba' pedamenti ewlenin biex tissaħħaħ l-arkitettura tal-UEM. Ser ikun meħtieġ li l-passi konkreti l-ġodda għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika ikunu akkumpanjati minn passi oħra lejn leġittimità u responsabbiltà demokratiċi aktar b'saħħithom fil-livell li fih jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet. Dan il-proċess ser jibni fuq il-qafas istituzzjonali tal-UE, b'rispett sħiħ għall-integrità tas-suq uniku, waqt li jiġi żgurat ambjent ekwu bejn l-Istati Membri tal-UE, inkluż permezz ta' bilanċ ġust bejn l-Istati Membri tal-oriġini u dawk ospitanti. Huwa ser ikun miftuħ u trasparenti lejn l-Istati Membri li ma jużawx il-munita unika.

  1. Fuq terminu qasir, il-prijorità prinċipali hi li l-Unjoni Bankarja titlesta f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Dan hu element ewlieni biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, titnaqqas il-frammentazzjoni finanzjarja u biex fl-ekonomija jerġa' jkun stabbilit is-self normali. Il-Kunsill Ewropew fakkar li huwa essenzjali li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-Istati u ssottolinja l-punti li ġejjin:

  1. ir-regoli l-ġodda rigward ir-rekwiżiti ta' kapital għall-banek (CRR/CRD) u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) l-ġdid ser ikollhom rwol prinċipali biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-settur bankarju;

  1. fit-transizzjoni għall-MSU, ser issir valutazzjoni tal-karti tal-bilanċ, li tinkludi analiżi dwar il-kwalità tal-assi u sussegwentement simulazzjoni ta' kriżi. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-MSU ser jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa, inkluż l-istabbiliment ta' mekkaniżmi għal pjan ta' emerġenza nazzjonali, qabel il-finalizzazzjoni ta' dan l-eżerċizzju;

  1. il-Grupp tal-euro qabel dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-qafas operazzjonali għar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-banek mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES). Għandha tkompli l-ħidma biex b'hekk, meta jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effettiv, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, b'segwitu għal deċiżjoni regolari, ser ikollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza lill-banek direttament;

  1. il-Kunsill Ewropew laqa' l-qbil li ntlaħaq fil-Kunsill dwar l-abbozz ta' direttiva li tistabbilixxi qafas dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek u stieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex jibdew negozjati bil-għan li jadottaw id-direttiva qabel tmiem is-sena. Huwa appella wkoll għall-adozzjoni tal-proposta għal Skema ta' Garanzija tad-Depożiti qabel tmiem is-sena;

  1. MSU kompletament effettiv jeħtieġ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR) għall-banek koperti mill-MSU. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi MUR bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fil-Kunsill sa tmiem is-sena sabiex ikun jista' jiġi adottat qabel it-tmiem tal-mandat parlamentari attwali. Il-Kummissjoni biħsiebha tadotta regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-istat għas-settur finanzjarju fis-sajf 2013 bil-ħsieb li jiġu żgurati kondizzjonijiet indaqs f'deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni li jinvolvu l-appoġġ pubbliku.

  1. Jeħtieġ li titkompla l-ħidma fuq il-fergħat kollha ta' UEM imsaħħa, peress li huma marbutin mill-qrib:

  1. jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas aktar effettiv għall-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi f'konformità mal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza u mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. B'segwitu għall-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Marzu, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta proposta dwar il-koordinazzjoni ex-ante ta' riformi ekonomiċi prinċipali fil-ħarifa;

  2. filwaqt li hemm konverġenzi madwar il-prinċipji ewlenin li fuqhom huma bbażati l-kunċetti ta' kuntratti maqbula reċiprokament u l-mekkaniżmi ta' solidarjetà assoċjati, hija meħtieġa aktar ħidma fuq dawn il-kwistjonijiet fix-xhur li ġejjin, li tibni b'mod partikolari fuq il-komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni rigward il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

  1. id-dimensjoni soċjali tal-UEM għandha tissaħħaħ. Bħala l-ewwel pass, huwa importanti li jiġu segwiti aħjar u jittieħed kont tas-sitwazzjoni soċjali u dik tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-UEM, partikolarment permezz tal-użu ta' indikaturi adatti soċjali u dwar l-impjiegi fis-Semestru Ewropew. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-politika dwar l-impjiegi u dik soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali, inkluż fil-livell nazzjonali, huwa importanti wkoll. Il-Kummissjoni dalwaqt ser tippreżenta komunikazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM.

  1. Wara konsultazzjonijiet mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għal dawn il-kwistjonijiet kollha. F'Ottubru 2013, ser iħares b'mod partikolari lejn l-indikaturi u l-oqsma ta' politika li għandhom jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika u lejn id-dimensjoni soċjali tal-UEM. Id-diskussjoni ser titkompla f'Diċembru 2013, bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet, b'mod partikolari dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-arranġamenti kuntrattwali u tal-mekkaniżmi ta' solidarjetà assoċjati. Kwalunkwe miżura bħal din tkun volontarja għal dawk barra l-munita unika u tkun kompletament kompatibbli mas-Suq Uniku fl-aspetti kollha.

  1. Il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-applikazzjoni tal-Latvja biex tadotta l-euro. Huwa feraħ lil-Latvja għall-konverġenza li kisbet, ibbażata fuq linji politiċi ekonomiċi, fiskali u finanzjarji fis-sod, u laqa' l-fatt li ssodisfat il-kriterji ta' konverġenza kollha kif stabbiliti fit-Trattat. Huwa laqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-Latvja tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2014.

IV. PUNTI OĦRA

  1. Il-Kunsill Ewropew esprima s-simpatija tiegħu ma' dawk milquta mill-għargħar diżastruż li laqat lill-Ewropa Ċentrali dan ix-xahar. Għandhom jiġu mobilizzati riżorsi finanzjarji xierqa (eż. il-Fond ta' Solidarjetà, il-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni) sabiex jappoġġaw kemm jista' jkun l-isforzi immedjati ta' għajnuna u rikostruzzjoni, kif ukoll azzjonijiet preventivi futuri, fl-aktar reġjuni u Stati Membri milquta. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi rapidament u kostruttivament għal talbiet ippreżentati mill-Istati Membri milquta biex tiżgura li l-appoġġ mill-fondi tal-UE għar-reġjuni u l-Istati Membri l-aktar milquta jkun jista' jiġi implimentat mingħajr dewmien.

  1. Fi Frar 2013, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-impatt partikolari tal-kriżi ekonomika fuq għadd ta' Stati Membri fiż-żona tal-euro li kellu impatt dirett fuq il-livell ta' prosperità tagħhom. Biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni saru għadd ta' allokazzjonijiet addizzjonali mill-Fondi Strutturali. F'dak iż-żmien il-programm ta' għajnuna makroekonomika għal Ċipru ma kienx ġie deċiż. Minn dakinhar, il-Gvern ta' Ċipru indirizza talba għal għajnuna addizzjonali. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jeżaminaw l-opportunitajiet pprovduti mill-flessibbiltà fil-QFP, inkluż l-Istrument ta' Flessibbiltà, biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni partikolarment diffiċli f'Ċipru, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali.

  1. Dwar it-tkabbir, il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2013. Huwa ddeċieda li jiftaħ in-negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja. L-ewwel konferenza intergovernattiva ser issir mhux aktar tard minn Jannar 2014. Qabel dan, il-qafas ta' negozjar ser jiġi adottat mill-Kunsill u kkonfermat mill-Kunsill Ewropew fis-sessjoni tas-soltu tiegħu dwar it-tkabbir.

  2. Id-Deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropew u l-Kosovo* ġew adottati.

  1. Il-Kunsill Ewropew ser ikollu diskussjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju 2014 biex jiġu definiti l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġislattiv u operazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (skont l-Artikolu 68 TFUE). Bi tħejjija għal dik il-laqgħa, il-Presidenzi li jmiss huma mistiedna jibdew proċess ta' riflessjoni fi ħdan il-Kunsill. Il-Kummissjoni mistiedna tippreżenta kontributi adatti għal dan il-proċess.

________________________

ANNESS

DOKUMENTI APPROVATI MILL-KUNSILL EWROPEW

Rapport tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2013

Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2013 dwar it-tkabbir

Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fit-28 ta' Mejju 2013 dwar ir-rapport annwali dwar l-Għajnuna Uffiċjali tal-UE għall-Iżvilupp

Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2013 dwar "Qafas Globali ta' Wara l-Aġenda 2015"

Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku approvat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2013

1 :

B'kont meħud li fis-Slovenja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b'iktar minn 30% fl-2012, ir-reġjun tal-Lvant tas-Slovenja, fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-2012 huwa aktar minn 20%, ser jibbenefika wkoll mill-YEI.

2 :

Dan ser isir mingħajr effett negattiv fuq l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f'Mejju 2013 fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija.

* :

Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website