Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUMMISSJONI EWROPEA

DIRETTORAT ĠENERALI

D/13/1

Brussell, 8 ta' Frar 2013

(OR. en)

KUNSILL EWROPEW - KONKLU_JONIJIET
Brussell, 07-08/02/2013

Id-delegazzjonijiet isibu mehmuż il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (7/8 ta' Frar 2013).

________________________

I. KUMMERĊ

    1. It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi huwa prijorità ewlenija għall-UE. Il-kummerċ fil-merkanzija u fis-servizzi u l-investiment jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti f'dan ir-rigward. Huwa stmat li aġenda ambizzjuża għall-kummerċ tista' twassal fil-perijodu medju għal żieda ġenerali ta' 2% fit-tkabbir u l-ħolqien ta' żewġ miljun impjieg. Biex tapprofitta kemm jista' jkun mill-kummerċ, l-UE trid tiżviluppa l-qafas korrett ta' politika domestika sabiex tiġi appoġġata l-kompetittività, jinfetaħ il-kummerċ fis-servizzi, tissaħħaħ il-bażi industrijali fl-Ewropa u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fil-ktajjen ta' valur globali.

      1. Sabiex il-kummerċ jintuża aħjar bħala mutur għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, il-Kunsill Ewropew itenni d-determinazzjoni tal-UE biex tippromwovi kummerċ ħieles, ġust u miftuħ filwaqt li tisħaq dwar l-interessi tagħha, fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku. L-aġenda tal-UE dwar il-kummerċ ser tippromwovi l-istandards tal-UE u l-konverġenza regolatorja internazzjonali. L-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ favur sistema ta' kummerċ multilaterali, b'saħħitha u bbażata fuq ir-regoli. Huwa ferm importanti li jiġu miġġielda l-forom kollha ta' protezzjoniżmu, inkluż fir-rigward ta' ostakoli kummerċjali non-tariffarji, jiġi żgurat aċċess aħjar għas-suq, jiġu promossi kondizzjonijiet adatti għall-investiment inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tiegħu, jiġu infurzati u promossi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jinfetħu s-swieq għall-akkwist pubbliku. Qed issir ħidma fuq il-proposta dwar l-aċċess għas-swieq għall-akkwist pubbliku.

      1. L-UE ser tiżgura l-infurzar effettiv u robust tad-drittijiet tagħha taħt ir-regoli eżistenti, inkluż, fejn adatt, billi tirrikorri għas-sistema tad-WTO għas-soluzzjoni ta' tilwim u għall-istrumenti tagħha stess għad-difiza kummerċjali. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess ir-rapport li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment.

      1. L-UE tibqa' impenjata favur il-konklużjoni pożittiva tan-negozjati fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) tad-WTO. Dan jirrikjedi sforzi mingħand il-parteċipanti kollha fin-negozjati, b'mod partikolari mingħand ekonomiji emerġenti kbar. Fuq perijodu qasir, huwa importanti li jsir progress lejn ftehim multilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll dwar aspetti oħrajn tad-DDA, sa meta ssir il-Konferenza Ministerjali ta' Diċembru 2013 tad-WTO f'Bali. Dan il-progress ikun ta' benefiċċju għall-ekonomija dinjija u jagħti momentum ġdid lin-negozjati dwar id-DDA fuq bażi aktar ġenerali. L-UE tinsab lesta li tibda riflessjoni, f'kooperazzjoni mas-sħab, dwar l-aġenda tad-WTO wara Bali, inkluża d-DDA.

      1. Ftehimiet plurilaterali u settorjali jistgħu jikkontribwixxu għall-aġenda tat-tkabbir tal-UE. L-UE tistenna b'interess in-negozjati li ser isiru fuq is-servizzi u t-tlestija bikrija tar-rieżami tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni. Huwa meħtieġ aktar progress lejn il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-merkanzija u s-servizzi ambjentali bħala kontribut pożittiv għal transizzjoni favur ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva.

        1. Filwaqt li l-UE tibqa' impenjata favur l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema kummerċjali multilaterali, il-fokus immedjat tagħha huwa fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tagħha. Dawn jistgħu u għandhom jagħtu kontribut pożittiv għas-sistema multilaterali. Waqt li jibnu fuq ir-regoli tad-WTO u jippromwovu t-trasparenza b'mod aktar ampju u rapidu, il-ftehimiet bilaterali tal-UE ser jgħinu biex tiġi ċċarata t-triq għal aktar progress fil-livell multilaterali.

        1. Abbażi tal-progress tanġibbli li sar fix-xhur reċenti fl-aġenda bilaterali tal-UE dwar il-kummerċ, l-isforzi kollha għandhom jiġu ddedikati biex isiru ftehimiet mas-sħab ewlenin, filwaqt li tingħata prijorità lil dawk in-negozjati li ser jipprovdu l-akbar benefiċċju f'termini ta' tkabbir u impjiegi. B'mod partikolari, il-Kunsill Ewropew:

          1. jistenna b'interess ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli UE-Stati Uniti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien matul il-Presidenza attwali. Huwa jtenni l-appoġġ tiegħu għal ftehim kummerċjali u komprensiv li għandu jagħti attenzjoni partikolari għal modi kif tista' tinkiseb aktar konvergenza regolatorja transatlantika;

          1. jistenna b'interess il-ftuħ ta' negozjati mal-Ġappun fis-summit UE-Ġappun li jmiss b'segwitu għall-adozzjoni tal-mandat ta' negozjar lejn tmiem l-2012;

          1. jistenna li n-negozjati mal-Kanada jiġu konklużi fi ftit żmien;

          1. jenfasizza li, fir-rigward tar-Russja, fil-perijodu qasir il-prijorità għandha tibqa' l-implimentazzjoni tal-impenji tagħha li joriġinaw mill-adeżjoni tagħha għad-WTO. In-negozjati dwar Ftehim Ġdid komprensiv jeħtieġu aktar progress;

          1. jinnota li l-aġenda tal-UE maċ-Ċina hija wiesgħa u ambizzjuża. Il-prijoritajiet fuq perijodu qasir għandhom jikkonċentraw fuq l-investiment, l-aċċess għas-swieq, l-akkwist u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u jkunu bbażati fuq involviment kostruttiv u strateġiku. Iż-żewġ naħat impenjaw rwieħhom għal bidu bikri għan-negozjati dwar ftehim sostanzjali dwar l-investiment;

            1. ifakkar li n-negozjati ma' ekonomiji emerġenti ewlenin huma importanti għall-UE:

              - in-negozjati mal-Indja jeħtieġu aktar sforzi;

              - b'segwitu għall-konklużjoni tan-negozjati ma' Singapor, ir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi oħra tal-ASEAN għandhom jissaħħu;

              - jintlaqa' l-impenn tal-UE u l-MERCOSUR biex jaħdmu biex jiskambjaw offerti ta' aċċess għas-swieq sa mhux aktar tard mill-aħħar trimestru tal-2013.

            1. Il-Kunsill Ewropew jappella wkoll għal progress dwar :

            1. il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni inklużi DCFTAs mar-Repubblika tal-Moldova, il-Ġeorġja u l-Armenja bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati sa meta jsir is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-iffirmar ta' ftehim mal-Ukraina, f'konformità sħiħa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2012;

              1. il-bidu tan-negozjati dwar Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi mal-Marokk u progress rapidu lejn in-negozjati mat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Ġordan;

              1. l-iżvilupp ta' sħubija mġedda mal-pajjiżi Afrikani/tal-Karibew/tal-Paċifiku permezz tal-konklużjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika.

              II. RELAZZJONIJIET ESTERNI

              Rebbiegħa Għarbija

              1. L-Ewropa u s-sħab tagħha tan-Nofisnhar tal-Mediterran jikkondividu viċinat komuni u huma marbutin minn interessi u preokkupazzjonijiet komuni. L-UE hija kommessa bis-sħiħ li tinvolvi ruħha fi sħubija ta' benefiċċju reċiproku, bil-għan li tiġi stabbilita żona ta' prosperità kondiviża, assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib u integrazzjoni ekonomika progressiva, u li tkun ibbażata fuq aderenza ma' valuri universali, bħalma huma d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Is-soċjetà ċivili għandha rwol importanti x'taqdi fit-transizzjoni għad-demokrazija. L-iżvilupp ta' din is-sħubija għandu jintlaħaq permezz ta' firxa wiesgħa ta' strumenti u jeħtieġ impenn fit-tul miż-żewġ naħat.

              1. Fl-aħħar sentejn seħħew bidliet fundamentali fir-reġjun, bil-passi importanti lejn id-demokrazija miksuba fis-segwitu tar-Rebbiegħa Għarbija. F'diversi pajjiżi saru elezzjonijiet demokratiċi għall-ewwel darba u s-sisien bażiċi tad-demokrazija qed jiddaħħlu b'mod progressiv. L-UE tappoġġa bil-qawwa dawn il-proċessi u tappella lill-gvernijiet, kif ukoll il-forzi politiċi u soċjali fil-pajjiżi kkonċernati, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw demokraziji stabbli u b'sisien sodi lil hinn mill-proċessi elettorali, li għandhom ikunu ħielsa u ġusti, u biex jiżviluppaw proċessi inklużivi bbażati fuq id-djalogu.

              1. Dan il-proċess ta' transizzjoni lejn id-demokrazija ser jieħu ż-żmien u jrid jieħu kont tar-realtajiet politiċi u soċjali tas-soċjetajiet lokali involuti, iżda jeħtieġ li jkun ibbażat b'mod ċar fuq il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Ħafna mill-pajjiżi fir-reġjun qiegħdin, fl-istess waqt, iħabbtu wiċċhom ma' sfidi soċjoekonomiċi konsiderevoli li jridu jiġu indirizzati b'mod urġenti kemm sabiex l-ekonomiji tagħhom jitpoġġew fuq sisien b'saħħithom bħala bażi għall-irkurpu, kif ukoll biex tkun iffaċilitata l-konsolidazzjoni tat-transizzjoni demokratika.

                1. L-UE ilha impenjata bis-sħiħ għal din is-Sħubija l-ġdida fi spirtu ta' koproprjetà minn mindu bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija u hija determinata li ssaħħaħ aktar l-appoġġ tagħha għal proċessi ta' transizzjoni demokratika u ekonomika fir-reġjun, imsejsa fuq approċċ differenzjat, fejn il-pajjiżi li qed jagħmlu sforz akbar lejn riformi demokratiċi jirċievu aktar appoġġ. Dan jinkludi:

                1. assistenza għat-trasformazzjoni demokratika, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u trasparenza u effiċjenza akbar fil-proċessi elettorali, inkluż permezz tal-provvediment ta' parir u kooperazzjoni tekniċi, u billi jintbagħtu missjonijiet ta' osservaturi elettorali;

                1. kooperazzjoni msaħħa fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b'mod partikolari permezz ta' djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u s-sigurtà u l-iżvilupp ta' sħubiji ta' mobbiltà kif ukoll permezz ta' appoġġ biex jiġu indirizzati l-istat tad-dritt, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u sfidi fil-ġestjoni tal-fruntieri;

                1. il-promozzjoni ta' prosperità ekonomika kondiviża, inkluż billi jingħata kontribut għall-istabbiltà makroekonomika, billi jiġu promossi r-riformi ekonomiċi u klima adatta għan-negozju u l-investiment u billi jinżamm il-momentum fuq il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi, biex b'hekk jitkattru l-possibbiltajiet għal skambji kummerċjali u tkabbir;

                1. kuntatti bejn il-persuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni ta' skambji bejn żgħażagħ fl-UE u fil-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar, partikolarment fil-qafas tal-programm Erasmus Mundus. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u n-nisa. Il-Kummissjoni b'mod partikolari ser tipprovdi assistenza u għarfien espert biex tittejjeb il-kwalita tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, biex jiżdiedu aktar l-iskambji bejn l-istudenti, biex jiġi żviluppat djalogu dwar il-politika fir-rigward tal-edukazzjoni, l-impjegabbiltà u t-taħriġ vokazzjonali u biex jiġu inkoraġġiti l-iskambji bejn iż-żgħażagħ;

                1. kooperazzjoni msaħħa f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħar-riċerka, l-intraprenditorija u l-SMEs, l-agrikoltura, it-trasport, inklużi l-avjazzjoni u s-servizzi marittimi, l-ambjent, il-bidla fil-klima, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni, il-bini ta' kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet, il-kultura, u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iskambji bejn l-esperti dwar il-proċessi ta' transizzjoni.

                1. Ġew stabbiliti task forces konġunti ma' xi wħud minn dawn il-pajjiżi biex jiġi żgurat li l-approċċ tal-UE jkun komprensiv u konsistenti. Huwa importanti wkoll li jiġu żgurati aktar sinerġiji u koordinazzjoni bejn l-appoġġ mogħti mill-UE, l-Istati Membri tagħha u atturi oħrajn.

                1. L-impenn rinforzat ġenerali involva l-għoti ta' fondi addizzjonali u assistenza makrofinanzjarja lill-pajjiżi li jinsabu fi transizzjoni. L-UE ser tagħmel kull sforz biex tappoġġa r-riformi u twieġeb għall-ħtiġijiet individwali ta' dawn il-pajjiżi, fil-perijodu qasir kif ukoll f'dak medju u fit-tul. Il-BEI huwa mistieden ikompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-investiment fis-settur privat, l-infrastruttura u t-tibdil fil-klima fir-reġjun.

                1. Jeħtieġ ukoll li jiġu esplorati aktar modi biex jissaħħaħ id-djalogu politiku, inkluż djalogu fl-ogħla livell, ma' dawk il-pajjiżi li jinsabu fi transizzjoni lejn id-demokrazija, u biex jiġu promossi sinerġiji mal-inizjattivi reġjonali bħall-Unjoni għall-Mediterran u d-"Djalogu 5+5". L-UE ser tappoġġa wkoll sforzi għal integrazzjoni regjonali akbar. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-komunikazzjoni dwar appoġġ għal kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali aktar mill-qrib fil-Magreb.

                1. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tal-Mediterran biex iżommu livell għoli ta' sforz u ta' impenn. Huwa jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex iżommu taħt reviżjoni r-relazzjonijiet mal-Viċinat tan-Nofsinhar. Huwa jistieden lill-Kunsill jevalwa l-effettività tal-politika u l-istrumenti tal-UE għall-assistenza tat-transizzjoni politika u ekonomika fir-reġjun u biex jipprovdi rapport mhux aktar tard minn Ġunju 2013.

                1. Il-Kunsill Ewropew jiddeplora s-sitwazzjoni terribbli fis-Sirja, li tibqa' l-aktar inkwetanti fost il-pajjiżi li s-soċjetajiet tagħhom kienu mobilizzati fir-Rebbiegħa Għarbija. Huwa jappella biex il-vjolenza tieqaf minnufih u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, li għalihom ir-reġim ta' Assad jerfa' r-responsabbiltà primarja. Huwa jtenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali Konġunt Brahimi biex tinkiseb soluzzjoni politika. Huwa jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Sirjan u għall-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana bħala rappreżentanti leġittimi tal-poplu Sirjan, u jenfasizza l-ħtieġa għal transizzjoni politika lejn futur mingħajr Assad u r-reġim illeġittimu tiegħu. L-UE ser timmobilizza r-riżorsi tagħha sabiex tagħti l-assistenza sħiħa tagħha għall-konsolidazzjoni tal-paċi u l-istabbiliment tad-demokrazija. Hija ser tkompli tipprovdi l-għajnuna umanitarja u appoġġ ċivili ieħor lill-poplu Sirjan. F'dan il-kuntest u fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' emerġenza umanitarja, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-wegħdiet sinifikanti li saru fil-konferenza tad-donaturi fil-Kuwajt, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu aktar il-kontributi rispettivi tagħhom u jappella lill-partijiet kollha fil-konflitt biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fl-inkarigu li huwa ta lill-Kunsill f'Diċembru biex dan jaħdem fuq l-għażliet kollha ta' appoġġ u għajnuna lill-oppożizzjoni u biex jippermetti appoġġ akbar għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. F'dan ir-rigward, huwa jinnota li l-Kunsill ser jivvaluta u janalizza, jekk ikun meħtieġ, ir-reġim ta' sanzjonijiet fuq is-Sirja fil-laqgħa tiegħu li jmiss qabel id-data ta' skadenza tiegħu ta' Marzu.

                Mali

                1. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-azzjoni deċiżiva li ttieħdet mill-forzi armati ta' Mali, appoġġati speċjalment minn Franza, Stati Membri oħrajn tal-UE, u l-pajjiżi tar-reġjun, biex iġib lura l-integrità territorjali tal-pajjiż u l-awtorità tal-istat ta' Mali. L-UE hija impenjata li tagħti appoġġ finanzjarju u loġistiku biex tinbeda malajr il-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għal Mali taħt tmexxija Afrikana. L-adozzjoni tal-pjan direzzjonali għat-transizzjoni mill-Assemblea Nazzjonali ta' Mali hija pass fundamentali biex jerġa' jkun hemm id-demokrazija, l-ordni kostituzzjonali u l-kontroll mill-popolazzjoni ċivili fuq il-forzi armati f'Mali u dan għandu jiġi implimentat b'mod urġenti. Dan jippermetti li b'mod gradwali tissokta l-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp biex ikun hemm rispons rapidu għall-ħtiġijiet ta' prijorità ta' Mali. L-UE lesta biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali, inkluż permezz ta' appoġġ għall-proċess elettorali. Huwa kruċjali li jerġa' jkun hemm djalogu nazzjonali inklużiv li jkun miftuħ għall-popolazzjonijiet tat-Tramuntana u għall-gruppi kollha li jiċħdu t-terroriżmu u jirrikonoxxu l-integrità tal-pajjiż. L-awtoritajiet ta' Mali għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġlieda kontra l-impunità. It-tnedija imminenti tal-Missjoni Ewropea ta' Taħriġ u l-istazzjonament rapidu tal-osservaturi ser jgħinu biex jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-awtorità tal-popolazzjoni ċivili, b'osservanza tad-dritt umanitarju internazzjonali u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-eżitu tal-laqgħa tal-5 ta' Frar tal-Grupp ta' Appoġġ u Segwitu dwar is-sitwazzjoni f'Mali li żied il-momentum politiku għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali.

                III. QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI

                1. Il-Kunsill Ewropew laħaq qbil dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss kif jinsab fid-dokument 37/13.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website