Navigation path

Left navigation

Additional tools

D/11/4

TEXTE MT

KUNSILL EWROPEW- KONKLU_JONIJIET
Brussell, 1-2 TA' MARZU 2012

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (1/2 ta' Marzu 2012).

________________________

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-implimetazzjoni tal-istrateġija ekonomika tal-UE. Din l-istrateġija ssegwi kemm il-kontinwazzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali kif ukoll azzjoni determinata li tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi; it-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli ma jistgħux jinbnew fuq defiċits u livelli eċċessivi ta' dejn. Il-miżuri li ttieħdu sabiex is-sitwazzjoni fiż-żona tal-euro tiġi stabbilizzata qed iħallu l-frott.

Il-Kunsill Ewropew approva l-ħames prijoritajiet għall-2012 elenkati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni. Huwa ħares lejn l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu progress aktar rapidu lejn il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għandhom iżidu l-isforzi għall-impenn li ħadu dwar ir-riformi tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2011. Huma mistennijin jindikaw il-miżuri li biħsiebhom jieħdu għal dak il-fini fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fil-Programmi ta' Stabbiltà u ta' Konverġenza tagħhom. Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll l-azzjoni meħtieġa fil-livell tal-UE, billi tiġi avvanzata t-tlestija tas-Suq Uniku fl-aspetti kollha tiegħu, interni u esterni, u billi tingħata spinta lill-innovazzjoni u r-riċerka.

Fil-marġini tal-Kunsill Ewropew l-Istati Membri parteċipanti ffirmaw it-Trattat dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza fl-UEM.

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-prijoritajiet tal-UE għal-laqgħa li ġejja tal-G20 u l-Konferenza tan-NU Rio+20, b'enfasi partikolari fuq miżuri u riformi li jsaħħu t-tkabbir. Huwa kkunsidra l-iżviluppi fir-rigward tar-Rebbiegħa Għarbija u stabbilixxa gwida għal azzjoni futura tal-UE għall-appoġġ ta' dan il-proċess.

Il-Kunsill Ewropew ta status ta' kandidat lis-Serbja.

Huwa qabel li l-Kunsill għandu jerġa' lura għall-kwistjoni tal-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għaż-żona ta' Schengen sabiex jadotta d-deċiżjoni tiegħu f'Settembru.

Fl-aħħarnett, il-Kunsill Ewropew reġa' eleġġa lil Herman Van Rompuy bħala l-President tiegħu.

I. POLITIKA EKONOMIKA

  • L-Unjoni Ewropea qed tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex treġġa' lill-Ewropa lura fuq it-triq ta' tkabbir u impjiegi. Dan jeħtieġ approċċ fuq żewġ binarji, li jkopri kemm miżuri li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u l-konsolidazzjoni fiskali, kif ukoll azzjoni li tiffavorixxi t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi.

  • "Ewropa 2020" hija l-istrateġija tal-Ewropa għall-impjiegi u t-tkabbir u r-rispons komprensiv tagħha għall-isfida li qed tiffaċċja. B'mod partikolari, il-ħames miri ffissati għall-2020 jibqgħu kompletament rilevanti u ser ikomplu jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni fil-promozzjoni tal-impjiegi; it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp; il-kisba tal-objettivi tagħna dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija; it-titjib tal-livelli ta' edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar.

  • Madankollu, l-isforzi li saru sal-lum għadhom mhux suffiċjenti biex jilħqu l-parti l-kbira ta' dawn il-miri. Għalhekk irridu b'urġenza nikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni tar-riformi, b'attenzjoni partikolari għall-miżuri li għandhom effett fil-qosor fuq l-impjiegi u t-tkabbir.

  • Għall-2012, il-Kunsill Ewropew japprova l-ħames prijoritajiet stabbiliti fl-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir għal azzjoni meħuda fil-livell tal-UE u dak nazzjonali:

  • ħidma fuq konsolidazzjoni fiskali differenzjata u favur it-tkabbir,

  • ritorn għal self normali fl-ekonomija,

  • promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività,

  • indirizzar tal-qgħad u tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u

  • immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

Azzjoni fuq il-livell nazzjonali

  • Il-Kunsill Ewropew iddiskuta s-sejbiet preliminari u l-aħjar prattika fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2011 u l-impenji taħt il-Patt Euro Plus.

  • Filwaqt li ttieħdu miżuri importanti mill-Istati Membri kollha, ir-riformi f'ċerti oqsma għadhom lura u l-implimentazzjoni mhijiex uniformi, kif hu deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u fir-rapport tal-Presidenza dwar is-Semestru Ewropew.

  • Barra minn hekk, ir-Rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar il-Mekkaniżmu ta' Allert, li jikkostitwixxi l-ewwel pass tal-proċedura l-ġdida dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, jindika ċerti sfidi u riskji potenzjali li nħolqu minħabba żbilanċi makroekonomiċi f'xi Stati Membri. Il-Kunsill ser jeżamina r-rapport mill-qrib. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw il-proċedura b'mod sħiħ, effettiv u rapidu u lill-Istati Membri biex jaġixxu kif meħtieġ.

  • Il-konsolidazzjoni fiskali hija kondizzjoni essenzjali għal ritorn għal aktar tkabbir u impjiegi. Din trid tiġi ddifferenzjata skont il-kondizzjonijiet tal-Istati Membri. L-Istati Membri kollha għandhom ikomplu jirrispettaw l-impenji tagħhom f'konformità mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jippermettu lill-istabbilizzaturi awtomatiċi biex jaħdmu skont il-perkors maqbul ta' aġġustament fiskali strutturali, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-pajjiżi taħt programm ta' assistenza għandhom iżommu mal-miri u r-riformi strutturali maqbula fil-programm. B'mod simili, l-Istati Membri taħt pressjoni tas-suq għandhom jilħqu l-miri baġitarji maqbula u jkunu lesti li jkomplu b'aktar miżuri ta' konsolidazzjoni jekk meħtieġ. Fl-insegwiment ta' sforzi għall-konsolidazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prijoritizzazzjoni tan-nefqa li tikkostitwixxi investiment għal tkabbir futur, b'enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

  • Il-politika dwar it-taxxa tista' tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir. F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar, u waqt li jkunu rikonoxxuti l-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri, fejn adatt, biex jirrevedu s-sistemi ta' tassazzjoni tagħhom bil-għan li jagħmluhom aktar effettivi u effiċjenti, billi jeliminaw eżenzjonijiet mhux ġustifikati, iwessgħu l-bażi tat-taxxa, iwarrbu t-taxxi mix-xogħol, itejbu l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa u jindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma mistiedna jiżviluppaw b'mod rapidu modi konkreti biex isaħħu l-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, ukoll fir-rigward ta' pajjiżi terzi u jirrappurtaw sa Ġunju 2012.

  • Biex sal 2020 ir-rata tal-impjiegi tasal għal 75 % jeħtieġ li jkun hemm azzjoni riżoluta. L-orjentazzjonijiet stabbiliti mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fit-30 ta' Jannar jipprovdu aktar gwida speċifika lill-Istati Membri, b'mod partikolari rigward il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-elaborazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Impjiegi tagħhom fil-qafas tal-PNR tagħhom. L-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali jeħtieġ l-implimentazzjoni ta' strateġiji inklużivi attivi li jinkludu miżuri ta' attivazzjoni tas-suq tax-xogħol. F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2012, u b'rispett tar-rwol tal-imsieħba soċjali u s-sistemi nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi, l-Istati Membri għandhom:

  • iżidu l-isforzi biex jagħmluha aktar faċli u aktar attraenti għal min iħaddem biex jimpjega persuni, billi fejn meħtieġ itejbu l-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi;

  • ineħħu l-ostakoli għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

  • u jimplimentaw linji ta' politika attivi rigward is-suq tax-xogħol, b'mod partikolari bil-ħsieb li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, in-nisa u l-ħaddiema akbar fl-età.

  • Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-"pakkett għall-impjiegi" li jmiss tal-Kummissjoni, li jiffoka fuq it-tisħiħ tat-tkabbir permezz tal-mobilizzazzjoni tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa, il-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi f'setturi ewlenin tal-ekonomija, it-titjib fil-ġestjoni tal-ħtiġijiet għall-ħiliet, il-promozzjoni tat-transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u t-titjib tal-mobbiltà ġeografika. Huwa jenfasizza l-importanza li jkun hemm progress fit-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, jitnaqqas l-għadd ta' professjonijiet regolati u jitneħħew ostakli regolatorji mhux ġustifikati.

  • Huwa importanti ferm li l-Istati Membri jirriflettu bis-sħiħ dwar dawn il-prijoritajiet u l-isfidi permezz ta' impenji aktar operattivi, miżurabbli u preċiżi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u l-Programmi ta' Stabbiltà jew ta' Konverġenza. L-Istati Mambri li jipparteċipaw fil-Patt Euro Plus għandhom ukoll jinkludu aktar impenji ffukati fuq numru żgħir ta' riformi essenzjali, f'waqthom u miżurabbli biex jinkisbu l-objettivi tal-Patt.

  • F'dan il-proċess, li fih l-imsieħba soċjali u r-reġjuni għandhom rwol importanti, ser isir użu sħiħ mill-istrumenti offruti mill-governanza ekonomika l-ġdida tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew jappella għall-adozzjoni, sa Ġunju, taż-żewġ proposti pendenti li għandhom l-għan li jsaħħu aktar is-sorveljanza taż-żona tal-euro.

Azzjoni fil-livell tal-UE

  • Fil-laqgħat tiegħu ta' Ottubru u Diċembru 2011, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa qafas ċar għal sensiela ta' proposti li jsaħħu t-tkabbir. Il-laqgħa informali tat-30 ta' Jannar 2012 eżaminat xi miżuri partikolarment urġenti li dwarhom il-Kunsill ser jagħmel rapport f'Ġunju li ġej. Għandha tissokta l-ħidma fl-oqsma kollha sabiex dan il-pakkett ta' miżuri jitmexxa 'l quddiem.

  • B'mod partikolari, l-isforzi ser ikomplu sabiex:

  • is-Suq Uniku jitqiegħed fi stadju ġdid ta' żvilupp billi tissaħħaħ il-governanza tiegħu u titjieb l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu; f'dan ir-rigward il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-preżentazzjoni f'Ġunju li ġej tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Suq Uniku u r-rapport tagħha dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi kif ukoll ir-rapport tagħha dwar l-eżitu tal-kontrolli settorjali dwar il-prestazzjoni. Huwa jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi fit-tieni nofs ta' din is-sena sensiela ġdida ta' miżuri mfassla biex jiftħu oqsma ġodda ta' tkabbir fis-Suq Uniku. F'konnessjoni ma' dan, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tat-tlestija tas-Suq Uniku u tat-tneħħija tal-ostakoli li fadal;

  • jitlesta s-Suq Uniku Diġitali sal-2015, b'mod partikolari bl-adozzjoni ta' miżuri biex tiżdied il-fiduċja fil-kummerċ online u billi tingħata kopertura broadband aħjar, inkluż bit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-infrastruttura broadband high-speed; il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-proposti li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-drittijiet tal-awtur;

  • jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u regolatorji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; il-Kunsill Ewropew jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta komunikazzjoni dwar passi ulterjuri lejn il-minimizzar tal-piżijiet regolatorji, inkluża l-konsiderazzjoni ta' miri settorjali u miżuri għall-appoġġ tal-mikrointrapriżi. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-miri settorjali;

  • jitneħħew ostakli għall-kummerċ u jiġi żgurat aċċess aħjar għas-suq u kundizzjonijiet ta' investiment f'konformità mal-konklużjonijiet ta' Ottubru 2011 u d-dikjarazzjoni ta' Jannar 2012; il-Kunsill Ewropew jilqa' r-rapport il-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment. F'Ġunju li ġej, il-Kunsill Ewropew ser jeżamina mill-ġdid il-progress u jiddiskuti dwar kif l-Unjoni tista' tapprofondixxi r-relazzjonijiet ta' kummerċ u investiment tagħha mal-imsieħba ewlenin.

  • Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-"pressjoni tal-pari" msaħħa tista' tgħin iżżid is-sjieda u r-responsabbiltà fil-livell tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern fir-rigward tar-rwol tal-Kunsill u tal-Istati Membri individwali fl-iżvilupp tas-Suq Uniku u fil-konformità mar-regoli tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew jistieden:

  • lill-Kummissjoni tipprovdi tabelli trasparenti ta' valutazzjoni bħala bażi għal punti ta' riferiment adatti;

  • lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jippromwovi monitoraġġ regolari mill-Kunsill Ewropew tal-progress miksub dwar proposti ewlenin tas-Suq Uniku fid-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill.

  • Il-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva hija kruċjali. Il-Kunsill Ewropew jappella biex sa Ġunju jintlaħaq qbil rigward id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2011, huwa jappella wkoll għal progress rapidu dwar l-istrateġija 2050 dwar livell baxx ta' karbonju u dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali lejn Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

  • L-innovazzjoni u r-riċerka huma fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020. L-Ewropa għandha bażi qawwija ta' xjenza iżda jeħtieġ li titjieb il-ħila sabiex ir-riċerka tiġi trasformata f'innovazzjonijiet ġodda mmirati għall-esiġenzi tas-suq. Abbażi ta' rapport ippreżentat mill-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta rendikont tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħu ta' Frar 2011 u qabel li għandhom jiżdiedu l-isforzi bil-ħsieb li:

  • titlesta' ż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014; b'rabta ma' dan, il-Kunsill Ewropew laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi qafas għaż-ŻER f'Ġunju 2012;

  • tittejjeb il-mobbiltà u l-prospetti għall-karriera tar-riċerkaturi;

  • jiġi stabbilit u implimentat rapidament l-inventorju tar-R&Ż iffinanzjat mill-UE u l-indikatur uniku tal-innovazzjoni;

  • strument għall-valorizzazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-livell Ewropew;

  • l-Istati Membri parteċipanti jaslu għal qbil finali mhux aktar tard minn Ġunju 2012 dwar l-aħħar kwistjoni pendenti fil-pakkett tal-privattivi;

  • jinħoloq l-aħjar ambjent possibbli biex l-imprendituri jikkummerċjalizzaw l-ideat tagħhom u joħolqu impjiegi, u l-innovazzjoni mmexxija mid-domanda titpoġġa bħala l-mutur prinċipali tal-politika tal-Ewropa dwar ir-riċerka u l-iżvilupp; b'mod partikolari, tinħoloq skema effettiva ta' kapital ta' riskju fl-UE kollha, inkluż "passaport tal-UE", skema ta' finanzjament b'appoġġ għal SMEs innovattivi, filwaqt li jiġi kkunsidrat "fond tal-fondi" biex jiġi pprovdut kapital ta' riskju transkonfinali u jsir użu aktar effettiv tal-akkwisti pubbliċi prekummerċjali bħala appoġġ għal negozji innovattivi u b'teknoloġija avvanzata;

  • jissaħħu teknoloġiji ewlenin ta' appoġġ li huma ta' importanza sistemika għall-innovazzjoni tal-ekonomija kollha.

  • Fir-rigward tal-enerġija, huwa importanti li jiġu implimentati l-orjentazzjonijiet maqbula fi Frar u f'Diċembru 2011, li jitwettaq l-impenn tat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija sal-2014, inkluż permezz tal-implimentazzjoni kompleta tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija b'rikonoxximent tal-iskadenzi maqbula, u li n-netwerks jiġu interkonnessi transkonfinalment. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mistennija sa' Ġunju li ġej li tivvaluta il-grad ta' liberalizzazzjoni u integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija.

  • Il-Kunsill Ewropew jenfasizza r-rwol importanti tal-industrija għat-tkabbir, il-kompetittività, l-esportazzjonijiet u l-ħolqien ta' impjiegi tal-Ewropa bħala mutur għall-produttività u l-innovazzjoni.

  • Għandhom jitkomplew il-ħidma u d-diskussjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni tal-enerġija, il-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, it-taxxa dwar transazzjonijiet finanzjarji u dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq it-Tfaddil. Id-direttivi ta' negozjar għal ftehimiet dwar tassazzjoni fuq it-tfaddil ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu adottati b'mod rapidu. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jirrappurtaw regolarment dwar l-istat attwali f'dan il-qasam, minn Ġunju 2012.

  • Bl-istess mod huwa importanti li tiġi kkompletata b'mod rapidu r-riforma regolatorja tas-settur finanzjarju. Abbażi tal-qbil politiku reċenti, ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew issa għandu jiġi adottat malajr kemm jista' jkun. Barra minn hekk, il-proposti dwar ir-rekwiżiti ta' kapital tal-banek u s-swieq fi strumenti finanzjarji għandhom jiġu maqbula, sa Ġunju u Diċembru 2012 rispettivament, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-objettiv li jkun hemm ktieb tar-regoli wieħed, u li tiġi żgurata li l-implimentazzjoni f'waqtha u konsistenti ta' Basel III. L-emendi għar-Regolament dwar l-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess l-eżitu tar-reviżjoni kontinwata mill-Kummissjoni tar-riferimenti mandatorji għall-klassifikazzjonijiet mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fil-leġislazzjoni tal-UE.

  • Huwa importanti li l-investitur jerġa' jikseb il-fiduċja fis-settur bankarju tal-UE u li jiġi żgurat il-fluss tal-kreditu lejn l-ekonomija reali, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet kapitali tal-banek mingħajr eliminazzjoni eċċessiva tad-dejn u, fejn meħtieġ, miżuri biex jiġi appoġġat l-aċċess għall-finanzjamernt mill-banek. Il-Kunsill ser jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li ttieħdu f'dan ir-rigward f'Ottubru li għadda. Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra t-tisħiħ possibbli tal-qafas attwali dwar il-paġi tal-eżekuttivi.

  • Minħabba l-ħtieġa li jiġi stimulat il-finanzjament privat għall-proġetti ewlenin ta' infrastruttura, il-ħidma fuq il-fażi pilota tal-proġett Ewropa 2020 dwar l-inizjattiva tal-bonds għandha tiżdied bil-ħsieb li jintlaħaq qbil sa Ġunju.

    II. SUMMITS INTERNAZZJONALI

G20 u G8

  • Il-Kunsill Ewropew qabel li għandhom jitwettqu l-prijoritajiet li ġejjin fid-dawl tas-summit tal-G20:

  • tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva fil-livell globali għal tkabbir b'saħħtu, sostenibbli u bbilanċjat u l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Cannes;

  • jiġu implimentati l-impenji tal-G20 dwar ir-riforma tas-suq finanzjarju, inkluż monitoraġġ strett, sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet ugwali globalment;

  • jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni 2011 dwar il-Volatilità tal-Prezzijiet tal-Ikel u l-Agrikoltura; tiżdied it-trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi; jiġi implimentat ulterjorment il-pjan ta' Azzjoni għall-Iżvilupp ta' Seoul b'enfasi fuq l-infrastruttura u t-tkabbir ekoloġiku;

  • jiġu promossi tkabbir ekoloġiku u żvilupp sostenibbli; il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b'mod partikolari, u jiġu mobilizzati sorsi għall-finanzjament tat-tibdil fil-klima;

  • jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu u tkun appoġġata aġenda attiva ta' negozjar għad-WTO, inkluż għall-pajjiżi l-inqas żviluppati;

  • tiġi indirizzata d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjjoni, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

  • Il-Kunsill Ewropew ġie infurmat bid-diskussjonijiet fil-livell tal-G20 dwar iż-żieda sostanzjali fir-riżorsi tal-FMI. Huwa fakkar li l-Istati Membri taż-żona tal-euro diġà taw impenn li jipprovdu EUR 150 biljun permezz ta' self bilaterali lir-Riżorsi Ġenerali tal-FMI, u li Stati Membri oħra tal-UE ukoll urew ir-rieda tagħhom li jieħdu sehem fil-proċess tar-rinfurzar tar-riżorsi tal-FMI. Huwa ħeġġeġ lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 biex ikomplu jaħdmu bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar żieda fir-riżorsi tal-FMI, fil-laqgħa tagħhom li jmiss f'April, sabiex titjieb il-kapaċità tal-FMI li jissodisfa r-responsabbiltajiet sistemiċi tiegħu b'appoġġ għas-sħubija globali tiegħu.

  • Il-Kunsill Ewropew ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni attwali dwar it-tħejjijiet għas-summit tal-G8.

Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli

  • Il-Kunsill Ewropew issottolinja l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għal eżitu ambizzjuż fil-Konferenza tan-NU Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal parteċipazzjoni b'saħħitha mis-settur privat u s-soċjetà ċivili fil-Konferenza. Huwa stabbilixxa xi prinċipji ewlenin li ser jiggwidaw lill-UE fit-tħejjijiet tagħha:

  • il-Konferenza għandha tavvanza t-transizzjoni globali lejn ekonomija ekoloġika, biex b'hekk tippromwovi l-protezzjoni ambjentali, tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u tistimula emissjonijiet baxxi tal-karbonju u tkabbir effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

  • hija għandha taħdem lejn miri operattivi ċari u azzjonijiet konkreti fil-livell nazzjonali u internazzjonali f'perijodi ta' żmien maqbula;

  • hija għandha tikkontribwixxi għal qafas istituzzjonali globali msaħħaħ għal żvilupp sostenibbli li għandu jinkludi l-promozzjoni tal-UNEP għal aġenzija speċjalizzata;

  • hija għandha tavvanza l-ħidma dwar l-għanijiet globali u koerenti post-2015 fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, b'kont meħud ukoll tal-proċess ta' reviżjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

III. POLITIKA ESTERA

  • Sena mill-bidu tar-Rebbiegħa Għarbija, il-Kunsill Ewropew iddiskuta t-tendenzi emerġenti u l-lezzjonijiet li ttieħdu minn żviluppi fir-reġjun u vvaluta l-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-UE sal-lum. L-UE qed tippromwovi u tappoġġa t-trasformazzjoni demokratika fil-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha u fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani u tal-Golf. Hija tibqa' impenjata fl-iżvilupp ta' sħubiji mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, abbażi ta' differenzjazzjoni, responsabbiltà reċiproka u l-aderenza għall-valuri universali, inkluża l-protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi (inklużi l-Kristjani). F'konformità mal-prinċipji u l-objettivi ddefiniti fid-dikjarazzjonijiet tiegħu ta' qabel u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew qabel li l-orjentazzjonijiet li ġejjin ser jiggwidaw l-impenn u l-kontribut ulterjuri tal-UE għall-proċess:

  • l-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha fil-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha biex iwettqu riformi politiċi sinifikanti mfassla biex jibnu u jikkonsolidaw id-demokrazija, jistabbilixxu u jsaħħu l-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili b'attenzjoni partikolari fuq id-drittijiet tan-nisa u l-minoranzi.

  • b'kont meħud tal-kuntest tal-isfidi ekonomiċi u finanzjarji li qed jiffaċjaw ħafna pajjiżi fir-reġjun, l-UE ser tkompli timmobilizza l-istrumenti tagħha, billi tqiegħed enfasi akbar fuq assisstenza ffokata fuq il-governanza u l-ħolqien tal-impjiegi u tkompli bl-isforzi tagħha fil-qafas tal-laqgħat tat-"Task Force", inklużi partijiet interessati kummerċjali; f'konnessjoni ma' dan, il-Kunsill Ewropew appella għal ratifika rapida tal-estensjoni tal-mandat tal-BERŻ;

  • f'dan il-kuntest, l-UE hija determinata li l-appoġġ ikun jaqbel mal-livell ta' riforma demokratika, filwaqt li toffri aktar appoġġ lil dawk l-imsieħba li jagħmlu progress lejn sistemi demokratiċi inklużivi, filwaqt li tikkunsidra mill-ġdid appoġġ lil gvernijiet f'każijiet ta' oppressjoni jew ksur serju jew sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;

  • l-UE ser tkompli ssaħħaħ is-sħubija tagħha mas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tat-tnedija tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili fil-Viċinat;

  • huwa meħtieġ progress rapidu fir-rigward tan-negozjati li għaddejjin dwar il-kummerċ u t-tħejjija ta' negozjati għal Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi li għandhom jintegraw progressivament l-ekonomiji tal-imsieħba fis-Suq Uniku tal-UE u jżidu l-opportunitajiet ta' aċċess għas-suq;

  • id-djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u s-sigurtà ser jiġu estiżi bil-ħsieb li jitrawmu kuntatti bejn il-persuni, kuntatti kummercjali u fehim reċiproku; f'dan il-kuntest, l-isforzi konġunti ser jiġu segwiti wkoll għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, f'konformità mal-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni.

  • Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jippreżentaw sa tmiem din is-sena pjan direzzjonali li jiddefinixxi u jiggwida l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE vis à vis l-imsieħba tagħha tan-Nofsinhar tal-Mediterran, filwaqt li jelenka l-objettivi, l-istrumenti u l-azzjoni tagħha, b'enfasi fuq is-sinerġiji mal-Unjoni għall-Mediterran u inizjattivi reġjonali oħrajn.

  • Il-Kunsill Ewropew huwa xxukjat bis-sitwazzjoni fis-Sirja u japprova l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2012. F'konformità mar-riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa jitlob li l-awtoritajiet Sirjani jwaqqfu immedjatament il-vjolenza massiva u l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem imwettqa fuq il-popolazzjoni ċivili. Il-Kunsill Ewropew jibqa' determinat biex jiżgura li dawk responsabbli għall-atroċitajiet li qed jitwettqu fis-Sirja jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom u hu ser jikkoordina mill-qrib ma' dawk li qed jaħdmu fid-dokumentazzjoni ta' dawn ir-reati terribbli u jassistihom. Il-Kunsill Ewropew jikkonferma l-impenn tiegħu biex titkompla tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sakemm ikomplu l-vjolenza u l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill iħejji aktar miżuri restrittivi mmirati kontra r-reġim. Huwa jappella lill-president Assad biex iwarrab u jagħmel post għal transizzjoni paċifika f'ġieħ il-pajjiż. Hekk kif tibda transizzjoni demokratika, l-UE hija lesta tiżviluppa sħubija ġdida u tipprovdi assistenza.

  • Il-Kunsill Ewropew itenni l-importanza ta' aċċess sħiħ u bla xkiel għal aġenziji umanitarji indipendenti sabiex tkun tista' tiġi pprovduta assistenza lil dawk fil-bżonn f'konformità mal-prinċipji umanitarji. L-Unjoni diġà mmobilizzat finanzjament umanitarju u tinsab lesta ttejbu hekk kif il-kondizzjonijiet fuq il-post jippermettu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jespandu l-operazzjonijiet ta' sokkors.

  • Il-Kunsill Ewropew ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Lega tal-Istati Għarab għat-tmiem tal-vjolenza fis-Sirja, u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-missjonijiet imwettqin mill-ex Segretarju Ġenerali tan-NU Kofi Annan bħala l-Mibgħut Speċjali Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab dwar il-kriżi Sirjana. Huwa jappoġġa t-tnedija tal-Grupp tal-Ħbieb tal-Poplu Sirjan u l-konklużjonijiet tal-ewwel laqgħa tiegħu fl-24 ta' Frar 2012.

  • Il-Kunsill Ewropew jappella għal darba oħra lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, biex jaħdmu flimkien fi sforz għall-waqfien tal-vjolenza. L-Unjoni Ewropea tappoġġa lill-oppożizzjoni Sirjana fil-ġlieda tagħha għal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija, tirrikonoxxi lill-Kunsill Nazzjonali Sirjan bħala rappreżentant leġittimu tas-Sirjani u tappella lill-membri kollha tal-oppożizzjoni Sirjana biex jingħaqdu fil-ġlieda paċifika tagħhom għal Sirja ġdida, fejn iċ-ċittadini kollha jgawdu drittijiet ugwali. L-Unjoni Ewropea tappella lill-partijiet kollha biex jippromwovu proċess immirat lejn soluzzjoni politika.

  • Il-Kunsill Ewropew jenfasizza r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Sirjani fir-rigward tas-sigurtà ta' ċittadini barranin fis-Sirja, inklużi ġurnalisti, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-evakwazzjoni ta' dawk li jeħtiġuha.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-Konferenza tas-Somalja li saret f'Londra fit-23 ta' Frar 2012. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fil-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Qarn tal-Afrika li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2011 u, abbażi tal-eżitu tal-Konferenza ta' Londra, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex iżommu impenn komprensiv mas-Somalja. F'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE, il-Kunsill Affarijiet Barranin għandu jirrapporta lill-Kunsill Ewropew f'Ottubru dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet maqbula.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-progress tas-Sħubija tal-Lvant miksub fil-kontribut għal assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mal-UE. Is-sħubija hija bbażata fuq impenn għal valuri komuni, fejn dawk li huma l-aktar impenjati fir-riformi għandhom jibbenefikaw aktar mir-relazzjoni tagħhom mal-UE. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-Pjan Direzzjonali tas-Sħubija tal-Lvant bil-ħsieb tas-Summit li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant fit-tieni nofs tal-2013.

  • Il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib serju u profond tiegħu dwar id-deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja. Huwa jilqa' d-deċiżjoni milħuqa fil-Kunsill biex tiġi estiża l-lista ta' dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika jew li jappoġġaw jew jibbenefikaw mir-reġim ta' Lukashenko sabiex jiġu mmirati bi projbizzjoni ta' vjaġġar u ffriżar ta' assi. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill biex jipproċedi fil-ħidma tiegħu dwar miżuri ulterjuri. Huwa jtenni l-impenn tal-Unjoni biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħha fis-soċjetà ċivili Bjelorussa u tappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Bjelorussu.

IV. KWISTJONIJIET OĦRAJN

  • Il-Kunsill Ewropew japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2012 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u jaqbel li jagħti lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat.

  • Il-Kunsill Ewropew, filwaqt li jfakkar fid-diskussjonijiet tiegħu fl-2011, itenni li ntlaħqu l-kondizzjonijiet legali kollha biex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija għaż-żona Schengen.

  • Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi wkoll l-isforzi kontinwi meħudin mill-Bulgarija u r-Rumanija.

  • Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kunsill biex, matul il-perijodu ta' intervenzjoni, jidentifika u jimplimenta miżuri li jikkontribwixxu għat-tkabbir b'suċċess

  • Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kunsill biex jerġa' lura għal din il-kwistjoni sabiex tiġi adottata d-Deċiżjoni tiegħu fil-laqgħa tal-Kunsill ĠAI f'Settembru 2012.

  • Il-Kunsill Ewropew ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2011, dwar it-tisħiħ tal-governanza taż-żona Schengen u jissottolinja, b'mod partikolari, l-importanza li jintlaħaq ftehim rapidu dwar ir-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tal-Acquis ta' Schengen. Dan il-mekkaniżmu għandu wkoll jindirizza l-funzjonament meħtieġ tal-istituzzjonijiet involuti fl-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen.

  • Il-Kunsill Ewropew reġa' eleġġa lis-Sur Herman Van Rompuy bħala l-President tal-Kunsill Ewropew għall-perijodu mill-1 ta' Ġunju 2012 sat-30 ta' Novembru 2014.


Side Bar