Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW- KONKLU_JONIJIET Brussell, 13-14/12/2012

European Council - DOC/12/11   14/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

D/12/11

Brussell, 14/12/2012

KUNSILL EWROPEW- KONKLU_JONIJIET
Brussell, 13-14/12/2012

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (13/14 ta' Diċembru 2012).

    Il-Kunsill Ewropew qabel dwar pjan direzzjonali għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, abbażi ta' integrazzjoni aktar profonda u solidarjetà msaħħa. Dan il-proċess ser jibda bit-tlestija, it-tisħiħ u l-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika msaħħa l-ġdida, kif ukoll l-adozzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u tar-regoli l-ġodda dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni u dwar il-garanziji tad-depożiti. Dan ser jitlesta permezz tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni. Għadd ta' kwistjonijiet oħra importanti ser jiġu eżaminati aktar mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2013, fir-rigward tal-koordinazzjoni tar-riformi nazzjonali, id-dimensjoni soċjali tal-UEM, il-fattibbiltà u l-modalitajiet tal-kuntratti għall-kompetittività u t-tkabbir maqbula b'mod reċiproku, u mekkaniżmi ta' solidarjetà u miżuri għall-promozzjoni tal-approfondiment tas-Suq Uniku u għall-promozzjoni tal-integritá tiegħu. Matul dan il-proċess, ser jiġu żgurati l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratiċi.

    Il-Kunsill Ewropew nieda l-ħidma dwar is-Semestru Ewropew tal-2013 abbażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni. Huwa ddeċieda li jniedi l-ħidma dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE u ser jirritorna għal din il-kwistjoni f'Diċembru 2013.

I. POLITIKA EKONOMIKA

Pjan direzzjonali għat-tlestija tal-UEM

  1. Fid-dawl tal-isfidi fundamentali li qiegħda tiffaċċja, jeħtieġ li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tissaħħaħ biex jiġi żgurat il-ġid ekonomiku u soċjali kif ukoll l-istabbiltà u l-prosperità sostnuta. Il-politiki ekonomiċi għandhom ikunu orjentati għalkollox lejn il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku b'saħħtu, sostenibbli u inklużiv, l-iżgurar tad-dixxiplina baġitarja, it-tisħiħ tal-kompetittività u l-ixprunar tal-impjiegi, u b'mod partikolari l-impjiegi fost iż-żgħażagħ, sabiex l-Ewropa tibqa' ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna u tippreserva l-mudell soċjali Ewropew.

  1. Il-konsolidazzjoni tal-UEM tistrieħ mhux biss fuq it-tlestija tal-arkitettura tagħha, iżda wkoll fuq it-twettiq ta' politiki baġitarji differenzjati, favur it-tkabbir u sani. Filwaqt li jiġi rispettat bis-sħiħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-possibbiltajiet offruti mill-qafas baġitarju eżistenti tal-UE biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina baġitarja jistgħu jiġu sfruttati fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltá u Tkabbir.

  2. B'żieda mir-rapport interim ippreżentat f'Ottubru 2012, il-President tal-Kunsill Ewropew, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro, fassal pjan direzzjonali speċifiku u marbut biż-żmien għall-kisba ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina. Il-Kunsill Ewropew jinnota l-"Blueprint" maħruġa mill-Kummissjoni li tipprovdi analiżi komprensiva tal-kwistjonijiet rilevanti flimkien ma' valutazzjoni tal-aspetti legali tagħhom. Huwa jinnota wkoll il-kontributi magħmulin mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-passi li jmiss fil-proċess tat-tlestija tal-UEM, abbażi ta' integrazzjoni aktar profonda u solidarjetà msaħħa għall-Istati Membri taż-żona tal-euro.

  1. Il-proċess tat-tlestija tal-UEM ser jibni fuq il-qafas istituzzjonali u legali tal-UE. Huwa ser ikun miftuħ u trasparenti lejn l-Istati Membri li ma jużawx il-munita unika. Matul il-proċess l-integrità tas-Suq Uniku ser tiġi rispettata bis-sħiħ, inkluż fil-proposti leġislattivi differenti li ser isiru. Huwa wkoll importanti li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri li jieħdu parti fl-MSU u dawk li ma jiħdux parti.

  1. Il-prijorità immedjata hija li jitlesta u jiġi implimentat il-qafas għal governanza ekonomika aktar soda, inkluż is-"six-pack", it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) u t-"two-pack". Wara l-progress deċiżiv miksub dwar l-elementi ewlenin tat-"two-pack", il-Kunsill Ewropew jappella għall-adozzjoni rapida tiegħu mill-koleġislaturi.

    1. Huwa daqstant urġenti li jsir progress lejn qafas finanzjarju aktar integrat, li jgħin għar-ritorn tas-self normali, itejjeb il-kompetittività u jgħin biex isir l-aġġustament meħtieġ fl-ekonomiji tagħna.

    1. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku jikkostitwixxi pass kwalitattiv kbir lejn qafas finanzjarju aktar integrat. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ftehim milħuq fil-Kunsill tat-13 ta' Diċembru u jappella lill-koleġislaturi biex jaqblu malajr sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tiegħu malajr kemm jista' jkun. Huwa jtenni wkoll l-importanza tar-regoli l-ġodda dwar ir-rekwiżiti ta' kapital għall-banek (CRR/CRD), li huma tal-akbar prijorità sabiex tiġi żviluppata ġabra unika tar-regoli, u jappella lill-partijiet kollha biex jaħdmu għall-qbil u l-adozzjoni rapida tagħhom.

    1. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-koleġislaturi biex jaqblu dwar il-proposti għal Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni u għal Direttiva dwar l-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti qabel Ġunju 2013; il-Kunsill min-naħa tiegħu għandu jilħaq ftehim sa tmiem Marzu 2013. Ladarba jkunu adottati, dawn id-Direttivi għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri bħala prijorità.

    1. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess is-segwitu rapidu tal-Kummissjoni għall-proposti tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar l-istruttura tas-settur bankarju tal-UE

    1. Huwa tal-akbar importanza li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-Istati. Wara d-dikjarazzjoni tas-Summit taż-żona tal-euro f'Ġunju 2012 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2012, għandu jintlaħaq qbil dwar qafas operazzjonali, li jinkludi d-definizzjoni ta' assi ta' legati, malajr kemm jista' jkun fl-ewwel semestru tal-2013, biex b'hekk meta jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effettiv, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, wara deċiżjoni regolari, ser ikollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza l-banek direttament. Dan ser isir f'konformità sħiħa mas-Suq Uniku.

    1. F'kuntest fejn is-superviżjoni bankarja hija trasferita effettivament għal mekkaniżmu superviżorju uniku, ser ikun meħtieġ mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, bis-setgħat meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe bank fl-Istati Membri parteċipanti jkun jista' jiġi riżolt bl-għodod adatti. Għalhekk, għandha tiġi aċċellerata l-ħidma fuq il-proposti għal Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni u għal Direttiva dwar l-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti sabiex huma jkunu jistgħu jiġu adottati f'konformità mal-paragrafu 8. F'dawn il-kwistjonijiet, huwa importanti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn pajjiżi ta' oriġini u dawk ospitanti. Il-Kummissjoni ser tippreżenta matul l-2013 proposta għal mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għall-Istati Membri parteċipanti fil-MSU, li għandha tiġi eżaminata mill-koleġislaturi bħala prijorità bl-intenzjoni li tiġi adottata matul iċ-ċiklu parlamentari attwali. Huwa għandu jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u jiżgura qafas effettiv biex jiġu riżolti l-istituzzjonijiet finanzjarji filwaqt li jiġi protett min iħallas it-taxxi fil-kuntest ta' kriżijiet bankarji. Il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għandu jkun ibbażat fuq kontribuzzjonijiet mis-settur finanzjarju nnifsu u jinkludi arranġamenti ta' salvagwardja effettivi u adatti. Dan l-arranġament ta' salvagwardja għandu jkun newtrali f'termini ta' baġit fuq it-terminu medju, billi jiżgura li l-imposti ex post fuq l-industrija finanzjarja jagħmlu tajjeb għall-assistenza pubblika.

    1. Sabiex l-UEM tiżgura tkabbir ekonomiku, kompetittività fil-kuntest globali u impjiegi fl-UE u b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, ser ikun meħtieġ li jiġu eżaminati aktar għadd ta' kwistjonijiet importanti oħra relatati mal-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u linji gwida ta' politika ekonomika taż-żona tal-euro, inklużi miżuri għall-promozzjoni tal-approfondiment tas-Suq Uniku u għall-promozzjoni tal-integrità tiegħu. Għal dan il-għan, il-President tal-Kunsill Ewropew, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni, wara proċess ta' konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, ser jippreżenta lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2013 miżuri possibbli u pjan direzzjonali marbut biż-żmien dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    1. koordinazzjoni ta' riformi nazzjonali: l-Istati Membri parteċipanti ser jiġu mistiedna jiżguraw, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TSKG, li r-riformi kollha l-kbar ta' politika ekonomika li huma beħsiebhom iwettqu ser jiġu diskussi ex ante u, fejn adatt, ikkoordinati bejniethom. Tali koordinazzjoni għandha tinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE kif meħtieġ mid-dritt tal-UE għal dan il-għan. Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħmel proposta għal qafas għal koordinazzjoni ex ante ta' riformi kbar tal-politika ekonomika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

    1. id-dimensjoni soċjali tal-UEM, inkluż id-djalogu soċjali;

    1. il-fattibbiltà u l-modalitajiet tal-kuntratti għall-kompetittività u t-tkabbir maqbula b'mod reċiproku: arranġamenti individwali ta' natura kuntrattwali mal-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jsaħħu s-sjieda u l-effettività. Tali arranġamenti għandhom ikunu differenzjati skont is-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri. Dan ikun jinvolvi l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, iżda l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro wkoll jistgħu jagħżlu li jidħlu f'arranġamenti simili;

    1. mekkaniżmi ta' solidarjetà li jistgħu jsaħħu l-isforzi magħmula mill-Istati Membri li jidħlu f'tali arranġamenti kuntrattwali għall-kompetittività u t-tkabbir.

    1. Il-governanza fiż-żona tal-euro għandha tittejjeb aktar, abbażi tat-TSKG u b'kont meħud tad-dikjarazzjoni tas-Summit taż-żona tal-euro tas-26 ta' Ottubru 2011. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro ser ikunu mistiedna jadottaw regoli ta' proċedura għal-laqgħat tagħhom fil-laqgħa tagħhom ta' Marzu 2013, b'rispett sħiħ għall-Artikolu 12.3 TSKG.

    1. Matul il-proċess, l-għan ġenerali jibqa' li jiġu żgurati l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratiċi fil-livell li fih jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet. Ser ikun meħtieġ li kwalunkwe pass ġdid lejn it-tisħiħ tal-governanza ekonomika jkun akkumpanjat minn passi oħra lejn leġittimità u responsabbiltà aktar b'saħħithom. Fil-livell nazzjonali, passi lejn integrazzjoni akbar tal-oqfsa tal-politika baġitarja u ekonomika jkunu jeħtieġu li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment opportun tal-parlamenti tagħhom. Integrazzjoni akbar tat-tfassil tal-politika u akkomunament akbar ta' kompetenzi jridu jiġu akkumpanjati minn involviment paragunabbli tal-Parlament Ewropew. Mekkaniżmi ġodda li jżidu l-livell ta' kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 13 tat-TSKG u l-Protokoll Nru 1 għat-Trattati, jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-proċess. Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ser jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' konferenza tar-rappreżentanti tagħhom biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-UEM.

    Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir

    1. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-preżentazzjoni f'waqtha tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) mill-Kummissjoni, li jagħti bidu għas-semestru Ewropew tal-2013. Huwa jaqbel li l-isforzi fil-livell nazzjonali u Ewropew fl-2013 għandhom ikomplu jikkonċentraw fuq il-ħames prijoritajiet maqbula f'Marzu li għadda, notevolment:

    • ħidma fuq konsolidazzjoni baġitarja differenzjata u favorevoli għat-tkabbir,

    • ritorn tas-self normali fl-ekonomija,

    • promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività,

    • indirizzarr tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u

    • modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

    1. Il-Kunsill ser jeżamina f'aktar dettall il-pakkett tas-SAT skont il-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Presidenza li jmiss u filwaqt li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet deskritti fir-rapport tal-Presidenza dwar it-tagħlimiet miksuba mis-Semestru Ewropew tal-2012, bil-ħsieb li jagħti l-fehmiet tiegħu fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2013. Il-Kunsill Ewropew imbagħad jaqbel dwar il-gwida meħtieġa għall-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u l-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin tal-UE. Il-Kummissjoni hija mistiedna tinkludi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jmiss tagħha valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-swieq tax-xogħol u l-prodotti bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-impjiegi u t-tkabbir.

    1. It-tlestija tas-Suq Uniku tista' tikkontribwixxi ħafna għat-tkabbir u l-impjiegi u tikkostitwixxi element ewlieni tar-reazzjoni tal-UE għall-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali. Il-Kunsill Ewropew wiżen is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proposti prijoritarji tal-Att dwar is-Suq Uniku I (SMA I) u laqa' l-qbil li ntlaħaq fost l-Istati Membri parteċipanti dwar il-Privattiva Unitarja kif ukoll il-qbil dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Riżoluzzjoni Online tat-Tilwim għal kwistjonijiet li jinvolvu l-konsumaturi. Huwa jappella lill-koleġislaturi biex jikkonkludu b'urġenza l-fajls li baqa' dwar l-SMA I. B'mod partikolari, għandha titħaffef il-ħidma dwar il-kwalifiki professjonali, l-akkwist pubbliku, l-istazzjonar ta' ħaddiema u l-firma elettronika u l-identifikazzjoni elettronika. Fir-rigward tal-Att dwar is-Suq Uniku II, il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti ewlenin kollha sar-rebbiegħa 2013. Huwa jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jagħtu l-ogħla prijorità lil dawn il-proposti bil-ħsieb li jiġu adottati mhux aktar tard minn tmiem iċ-ċiklu parlamentari attwali. Huwa importanti wkoll li tittieħed azzjoni urġenti f'konformità mal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi u dwar il-governanza tas-Suq Uniku. Il-Kunsill Ewropew ser jibqa' janalizza mill-qrib il-progress fuq il-proposti kollha dwar is-suq uniku.

    1. Il-Kunsill Ewropew jappella għal eżami rapidu tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-"Regolamentazzjoni Intelliġenti" u jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tal-ewwel tabella ta' valutazzjoni għall-SMEs. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-proposti mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u jitneħħew ir-regolamenti li m'għadhomx jintużaw bħala parti mill-approċċ ġenerali tagħha għar-"Regolamentazzjoni Intelliġenti". Huwa jistenna b'interess il-progress konkret u rapport lura fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu 2013.

    1. Filwaqt li jfakkar fid-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ta' Jannar 2012 u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tiegħu f'Marzu, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-progress li sar matul is-sena lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-impjieg taż-żgħażagħ. Huwa jappella lill-Kunsill biex jikkunsidra l-proposti tal-Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ mingħajr dewmien, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi adottata r-rakkomandazzjoni dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ f'data bikrija fl-2013 b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet nazzjonali. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tiffinalizza malajr il-qafas ta' kwalità għall-perijodi ta' taħriġ, tistabbilixxi l-Alleanza għall-Apprendistati kif ukoll tipproponi r-regolament EURES il-ġdid. Il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw segwitu rapidu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Reviżjoni tal-Edukazzjoni".

    II. PUNTI OĦRAJN

    Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

    1. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2008 u jinnota li fid-dinja li qed tinbidel tal-lum l-Unjoni Ewropea hija mitluba ġġorr aktar responsabbiltajiet fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali sabiex tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha u l-promozzjoni tal-interessi tagħha.

    1. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jibqa' kommess li jsaħħaħ l-effettività tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) bħala kontribut tanġibbli tal-UE għall-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali. L-UE għandha rwol importanti fil-viċinat tagħha u globalment. Il-Kunsill Ewropew ifakkar li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK huma element essenzjali tal-approċċ komprensiv tal-UE f'reġjuni ta' kriżi, bħall-Balkani tal-Punent, il-Qarn tal-Afrika, il-Lvant Nofsani, is-Saħel, l-Afganistan u l-Kawkasu tan-Nofsinhar u jibqa' kommess li jżid l-effettività u l-effiċjenza operazzjonali tagħhom. Huwa jfakkar ukoll li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għandhom jitwettqu f'kooperazzjoni mill-qrib ma' atturi internazzjonali oħra rilevanti, bħan-NU, in-NATO, l-OSKE u l-Unjoni Afrikana, kif ukoll pajjiżi sħab, kif titlob kull sitwazzjoni speċifika. F'dan ir-rigward huwa ta' importanza partikolari li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab interessati fil-viċinat tal-Ewropa.

    1. Biex titwettaq il-ħidma marbuta mar-responsabbiltajiet tas-sigurtà, il-Kunsill Ewropew jissottolinja li l-Istati Membri tal-UE jridu jkunu lesti jipprovdu kapaċitajiet orjentati lejn il-ġejjieni, kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f'dak tad-difiża. Il-Kunsill Ewropew jisħaq li r-restrizzjonijiet finanzjarji attwali jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea sabiex jiġu żviluppati kapaċitajiet militari u jingħalqu l-lakuni kritiċi, inklużi dawk identifikati f'operazzjonijiet reċenti. Huwa jissottolinja wkoll il-benefiċċji li kooperazzjoni bħal din jista' jkollha għall-impjiegi, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali fl-Unjoni Ewropea.

    1. Il-Kunsill Ewropew jistieden lir-Rappreżentant Għoli, partikolarment permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, kif ukoll tal-Kummissjoni, li lkoll jaġixxu skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u jikkooperaw mill-qrib kif meħtieġ, biex jiżviluppaw aktar proposti u azzjonijiet biex tissaħħaħ il-PSDK u titjieb id-disponibbiltà tal-kapaċitajiet ċivili u militari meħtieġa, u jirrapportaw dwar dawn l-inizjattivi, mhux aktar tard minn Settembru 2013 fid-dawl tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013. L-Istati Membri ser ikunu involuti mill-qrib matul dan il-proċess kollu.

    1. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew jenfasizza fost oħrajn il-kwistjonijiet li ġejjin:

    Jiżdiedu l-effettività, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK billi

    1. jiġi żviluppat aktar l-approċċ komprensiv għall-prevenzjoni tal-konflitti, il-ġestjoni ta' kriżijiet u l-istabbilizzazzjoni, inkluż billi tiġi żviluppata l-kapaċità li tingħata tweġiba għall-isfidi tas-sigurtà emerġenti;

    2. tissaħħaħ l-abbiltà tal-UE li tistazzjona l-kapaċitajiet u l-persunal ċivili u militari adatti b'mod rapidu u effettiv fil-firxa sħiħa tal-azzjoni għall-ġestjoni ta' kriżijiet.

    It-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża billi

    1. jiġu identifikati l-affarijiet inutli u n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet eżistenti u tingħata prijorità lill-ħtiġijiet futuri għall-kapaċitajiet ċivili u militari Ewropej;

    2. tiġi ffaċilitata kooperazzjoni Ewropea aktar sistematika u fit-tul fil-qasam tad-difiża, inkluż permezz ta' "akkomunament u kondiviżjoni" tal-kapaċitajiet militari; u f'dan ir-rigward, billi titqies mill-bidu b'mod sistematiku l-kooperazzjoni fl-ippjanar nazzjonali tad-difiża mill-Istati Membri;

    3. jiġu ffaċilitati s-sinerġiji bejn inizjattivi bilaterali, subreġjonali, Ewropej u multilaterali, inkluż l-"akkomunament u kondiviżjoni" tal-UE u d-"difiża intelliġenti" tan-NATO.

    It-tisħiħ tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa billi

    1. tiġi żviluppata bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea aktar integrata, sostenibbli, innovattiva u kompetittiva;

    2. jiġu żviluppati sinerġiji akbar bejn ir-riċerka u l-iżvilupp militari u ċivili; jiġi promoss suq tad-difiża li jaħdem tajjeb, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni effettiva tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u dwar trasferimenti fl-UE, miftuħ għall-SMEs u li jibbenefika mill-kontribuzzjonijiet tagħhom.

    1. F'Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew ser janalizza l-progress fil-kisba ta' dawn il-miri, jivvaluta s-sitwazzjoni u, abbażi tar-rakkommandazzjonijiet mill-President tiegħu, jagħti gwida, inkluż billi jiġu stabbiliti prijoritajiet u skadenzi, biex tiġi żgurata l-effettività tal-isforzi tal-UE bil-għan li jitwettqu r-responsabbiltajiet ta' sigurtà tal-Ewropa.

    Strateġiji Reġjonali

    1. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2011, u soġġett għall-evalwazzjoni tal-kunċett tal-istrateġiji makroreġjonali kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' April 2011, il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' Strateġija ġdida tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Jonju qabel tmiem l-2014. Huwa jappella wkoll għall-implimentazzjoni immedjata tal-istrateġija riveduta tal-UE għall-Baħar Baltiku. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi lill-Kunsill biex jieħu azzjoni ulterjuri sabiex isir użu sħiħ tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-sħubijiet tagħha.

    It-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

    1. Il-Kunsill Ewropew jilqa' u japprova l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Diċembru dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

    Sirja

    1. Il-Kunsill Ewropew jinsab ixxukkjat bis-sitwazzjoni li qed tkompli tiddeterjora fis-Sirja. Huwa japprova l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-10 ta' Diċembru. Il-Kunsill Ewropew jilqa' wkoll ir-riżultati tar-raba' laqgħa Ministerjali tal-Grupp tal-Ħbieb tal-poplu Sirjan, li saret f'Marrakech fit-12 ta' Diċembru 2012. Il-Kunsill Ewropew jinkariga lill-Kunsill Affarijiet Barranin biex jaħdem fuq l-għażliet kollha ta' appoġġ u għajnuna lill-oppożizzjoni u biex jippermetti appoġġ akbar għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. Il-Kunsill Ewropew jirrepeti fehemtu li fis-Sirja hi meħtieġa transizzjoni politika lejn futur mingħajr il-President Assad u r-reġim illeġittimu tiegħu. Aħna nappoġġaw futur li huwa demokratiku u inklużiv bl-appoġġ sħiħ għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi. Il-Kunsill Ewropew ser ikompli jindirizza b'urġenza s-sitwazzjoni fis-Sirja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website