Navigation path

Left navigation

Additional tools

D/11/8

TEXTE MT

KUNSILL EWROPEW
Brussell, 9 ta' Diċembru 2011
KONKLUŻJONIJIET

_________________

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (9 ta' Diċembru 2011).

________________________

Matul dawn l-aħħar 18-il xahar inkiseb ħafna biex titjieb il-governanza ekonomika tagħna u biex nittrattaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Ħadna deċiżjonijiet importanti, kif deskritt f'dawn il-konklużjonijiet, li jeħtieġ li jkunu implimentati rapidament u b'mod vigoruż.

Qbilna li l-miżuri bl-akbar potenzjal li jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi għandhom jingħataw prijorità. L-Istati Membri li jieħdu sehem fil-Patt Euro Plus qablu li jieħdu impenji aktar speċifiċi u li jistgħu jitkejlu u b'mod partikolari javvanzaw il-ħidma fir-rigward tal-impjiegi.

Fassalna orjentazzjonijiet għal aktar żvilupp tal-politika tal-enerġija tiegħu, fir-rigward tal-ikkompletar tas-suq intern, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp tal-infrastruttura, l-iżgurar tal-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u t-titjib tas-sigurtà u s-sikurezza nukleari.

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew laqa' l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni mal-Kroazja u ħa deċiżjonijiet dwar il-proċess ta' tkabbir tal-UE fir-rigward tas-Serbja u l-Montenegro.

°

° °

I. POLITIKA EKONOMIKA

  • Filwaqt li jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja li qed teħżien, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-isforzi li għaddejjin biex joħorġu lill-Ewropa mill-kriżi. Il-governanza ekonomika l-ġdida tal-Unjoni Ewropea, kif deskritta fil-paragrafu 3, għandha tiġi implimentata bis-sħiħ bil-ħsieb li tinbena l-fiduċja fis-saħħa tal-ekonomija Ewropea. Ir-riformi strutturali u l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali għandhom jitkomplew sabiex titwitta t-triq għal ritorn lejn it-tkabbir sostenibbli u b'hekk jgħinu biex itejbu l-fiduċja fuq perijodu qasir. Huma wkoll meħtieġa miżuri biex is-self lill-ekonomija jerġa' lura għan-normal filwaqt li jiġu evitati kemm it-teħid eċċessiv ta' riskji kif ukoll it-tnaqqis eċċessiv tal-ingranaġġ kif maqbul fis-26 ta' Ottubru 2011.

  • Filwaqt li fakkar fl-oqsma ta' prijorità ewlenin għat-tkabbir identifikati f'Ottubru 2011, b'mod partikolari, l-Att dwar is-Suq Uniku, is-Suq Uniku Diġitali u t-tnaqqis tal-piż regolatorju ġenerali għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa biex jiġu adottati malajr il-miżuri bl-akbar potenzjal li jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi. Għalhekk huwa jappoġġa l-prinċipju ta' programm rapidu u jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jagħtu prijorità partikolari lill-eżami rapidu tal-proposti identifikati mill-Kummissjoni, inkluż fl-Istħarriġ Annwali tagħha dwar it-Tkabbir, bħala dawk b'potenzjal sostanzjali ta' tkabbir. Huwa japprova l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji għall-SMEs.

  • L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012 huwa bażi eċċellenti għat-tnedija tas-Semestru Ewropew li jmiss, li ser ikun l-ewwel wieħed li ser jara l-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika li ssaħħet reċentement, inkluża l-proċedura l-ġdida għall-monitoraġġ u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ser jeżamina l-progress u jadotta l-gwida meħtieġa. Hemm ħtieġa urġenti għall-iffukar fuq l-implimentazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-progress inkonsistenti li sar din is-sena fil-mixja lejn il-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

°

° °

  • Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-Patt Euro Plus eżaminaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom fil-livell nazzjonali. Huma qablu dwar il-ħtieġa li, f'Marzu 2012, jiġu valutati aktar bir-reqqa l-isforzi nazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt. Huma qablu wkoll li jidħlu għal aktar impenji speċifiċi u li jistgħu jitkejlu f'kull wieħed mill-oqsma koperti mill-Patt u li jirrappurtaw dwar il-progress fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom. Il-governanza ekonomika ġdida għandha tkun supplimentata b'monitoraġġ imtejjeb tal-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali, partikolarment dawk li jista' jkollhom impatt fuq l-istabbiltà makroekonomika u t-tkabbir ekonomiku, konformement mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru.

  • Fid-dawl tar-rapport tal-President tal-Kunsill (EPSCO) u tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern kellhom skambju inizjali ta' fehmiet dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-politika tal-impjiegi tagħhom u qablu dwar il-ħtieġa partikolari li jiġi mobilizzat bis-sħiħ ix-xogħol għat-tkabbir. Filwaqt li r-riformi strutturali għandhom jitwettqu b'mod rigoruż, jinħtieġu b'mod urġenti miżuri mmirati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew għall-aktar gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari ż-żgħażagħ qiegħda. Il-politika mtejba għall-attivazzjoni għandha tiġi kkumplementata minn sforzi biex jiġu aġġornati l-ħiliet, b'mod partikolari billi jiġu aġġustati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-promozzjoni tal-opportunitajiet għall-impjiegi u n-negozju għal dawk li deħlin fis-suq tax-xogħol kif ukoll il-konsiderazzjoni ta' politiki ta' flessigurtà bbilanċjati ġodda jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib tal-prospetti tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ.

  • Huma laqgħu r-rapporti mill-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri parteċipanti u mill-Kummissjoni dwar il-progress li sar f'diskussjonijiet strutturati rigward il-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet ta' politika fiskali. Din il-ħidma ser titwettaq f'konformità mal-Patt Euro Plus, b'konċentrazzjoni fuq oqsma fejn jistgħu jkunu previsti attivitajiet aktar ambizzjużi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal kif il-politika fiskali tista' tappoġġa l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal kif il-politika fiskali tista' tappoġġa l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir. Il-Ministri tal-Finanzi u l-Kummissjoni ser jirrappurtaw dwar il-progress f'Ġunju 2012.

II. ENERĠIJA

  • Ir-rapport tal-Presidenza juri li sar progress importanti fis-segwitu tal-orjentazzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Frar 2011 dwar l-ikkompletar tas-suq intern sal-2014, it-tisħiħ tal-effiċjenza fl-enerġija, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-iżgurar tal-konsistenza u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ftehim ta' Memorandum ta' Qbil dwar l-Interkonnessjonijiet Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant tal-Ewropa Ċentrali. B'mod partikolari, il-punti li ġejjin jeħtieġu progress urġenti:

  • implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-leġislazzjoni dwar is-suq intern mill-Istati Membri, b'rispett sħiħ tal-iskadenzi maqbulin;

- l-ebda Stat Membru tal-UE m'għandu jibqa' iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u l- elettriku wara l-2015 jew jara s-sigurtà tal-enerġija tiegħu pperikolata minn nuqqas ta' konnessjonijiet adatti;

  • ftehim bikri dwar il-proposta dwar l-effiċjenza enerġetika, li għandha tistabbilixxi qafas ambizzjuż u flessibbli f'konformità mal-mira ta' 20% għall-2020 kif maqbul mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010;

  • ftehim bikri dwar il-proposta dwar l-infrastruttura tal-enerġija;

  • implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2011 għat-tisħiħ tal-koerenza u l-koordinazzjoni tal-politika esterna dwar l-enerġija tal-UE li tiżgura, fost l-oħrajn, li l-ftehimiet mal-pajjiżi fornituri u ta' transitu ewlenin ikunu kompletament konsistenti mal-leġislazzjoni tal-UE dwar is-Suq Intern.;

  • ftehim dwar l-istrateġija għal livell baxx ta' karbonju sal-2050 u konsiderazzjoni bl-akbar reqqa tal-pjan direzzjonali li ġej għall-2050 li ser jipprovdu analiżi dettaljata ta' azzjoni għall-perijodu fit-tul fis-settur tal-enerġija u setturi relatati oħrajn.

  • Sar progress fl-eżami tas-sikurezza tal-impjanti nukleari tal-UE. Il-kredibbiltà tas-sistema ta' sikurezza nukleari tal-UE ser tkun imsaħħa aktar permezz tal-iżvilupp kontinwu tal-qafas regolatorju nukleari. Il-ħidma fuq is-sigurtà nukleari fl-UE ser titkompla abbażi tar-rapport interim dwar is-sigurtà nukleari.

  • Waqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew jappella:

  • għal implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-Direttivi dwar is-sikurezza nukleari u dwar il-ġestjoni responsabbli u sikura ta' karburant użat u skart radjuattiv;

  • biex tingħata prijorità kontinwa lir-rieżami estensiv tas-sikurezza nukleari b'kont meħud tal-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru, u lit-tlestija tar-rapport finali dwar is-simulazzjonijiet ta' kriżi sa Ġunju 2012;

  • għal sforzi intensifikati sabiex il-pajjiżi kollha ġirien tal-UE jkunu assoċjati bis-sħiħ mal-proċess tas-simulazzjonijiet ta' kriżi tas-sikurezza u biex jittejjeb il-qafas ta' sikurezza nukleari kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment;

  • għal ħidma kontinwa fuq miżuri ta' sigurtà nukleari fl-UE u l-viċinat tagħha u t-tlestija tar-rapport finali sa Ġunju 2012.

III. TKABBIR

  • Il-Kunsill Ewropew japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2006 li jiffurmaw il-bażi għal kunsens imġedded dwar it-tkabbir.

  • L-iffirmar tal-lum tat-Trattat ta' Adeżjoni mal-Kroazja jimmarka mument importanti għall-integrazzjoni Ewropea. Sakemm ikun hemm konklużjoni b'suċċess tal-proċeduri ta' ratifika, il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess li jilqa' lill-Kroazja bħala membru ġdid mill-1 ta' Lulju 2013. Issa l-Kroazja ser tieħu sehem fil-proċedimenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu bħala osservatur attiv.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress tajjeb li sar mill-Montenegro, li laħaq riżultati ġeneralment sodisfaċenti. Bil-ħsieb li jinfetħu negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro f'Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew jinkariga lill-Kunsill biex jeżamina l-progress tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi, b'attenzjoni partikolari għall-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, b'mod speċjali l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, abbażi ta' rapport li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fl-ewwel nofs tal-2012. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta mingħajr dewmien proposta għal qafas għal negozjati mal-Montenegro f'konformità mal-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2006 u l-prattika stabbilita, b'inkorporazzjoni wkoll tal-approċċ il-ġdid propost mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kapitoli dwar id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija mistiedna wkoll tibda l-proċess ta' eżami analitiku tal-acquis communautaire mal-Montenegro dwar il-kapitoli msemmija hawn fuq.

  • Il-Kunsill Ewropew jinnota l-progress konsiderevoli li għamlet is-Serbja lejn l-issodisfar tal-kriterji politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen u r-rekwiżiti tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u li ntlaħaq livell kompletament sodisfaċenti fil-kooperazzjoni tagħha mal-ICTY. Huwa jilqa' l-fatt li s-Serbja reġgħet impenjat ruħha fid-djalogu Belgrad-Pristina u qiegħda tagħmel progress fl-implimentazzjoni in bona fede tal-ftehimiet, u l-Ftehim dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Bil-ħsieb li jagħti lis-Serbja l-istatus ta' Pajjiż Kandidat, il-Kunsill Ewropew jinkariga lill-Kunsill biex jeżamina u jikkonferma li s-Serbja kompliet turi impenn kredibbli u għamlet aktar progress fl-implimentazzjoni in bona fede tal-ftehimiet li ntlaħqu fid-djalogu inkluż dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, laħqet ftehim dwar il-kooperazzjoni reġjonali inklużiva u kkooperat b'mod attiv sabiex l-EULEX u l-KFOR ikunu jistgħu jeżegwixxu l-mandati tagħhom. Fid-dawl tal-eżami tiegħu, il-Kunsill ser jieħu d-deċiżjoni fi Frar 2012 dwar l-għoti lis-Serbja tal-istatus ta' kandidat, li għandu jiġi kkonfermat mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu.

IV. PUNTI OĦRAJN

  • Waqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru dwar it-tkabbir, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet u t-theddid mit-Turkija, il-Kunsill Ewropew jesprimi tħassib serju u jappella għal rispett sħiħ tar-rwol tal-Presidenza tal-Kunsill, li hija element istituzzjonali fundamentali tal-UE prevista fit-Trattat.

  • Waqt li jfakkar fid-diskussjonijiet ta' Ġunju u Ottubru tal-2011, il-Kunsill Ewropew jinnota li ntlaħqu l-kondizzjonijiet legali kollha sabiex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija maż-żona Schengen. Huwa jitlob lill-Kunsill sabiex jadotta din id-deċiżjoni mill-aktar fis possibbli. Jekk ikun meħtieġ, il-Kunsill Ewropew ser jirritorna għal din il-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu 2012.

  • Waqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2011 u waqt li japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru, il-Kunsill Ewropew itenni t-tħassib serju u kull ma jmur jiżdied dwar in-natura tal-programm nukleari tal-Iran, kif rifless fl-aktar rapport reċenti tal-IAEA, u n-nuqqas tal-Iran milli jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill biex jiġu nominati 180 entità u individwu ġodda li huma marbutin b'mod dirett mal-programm nukleari. Huwa jistieden lill-Kunsill biex ikompli bil-ħidma tiegħu marbuta mal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE u t-twessigħ tas-sanzjonijiet eżistenti bl-eżami ta' miżuri addizzjonali kontra l-Iran bħala kwistjoni ta' prijorità u biex jadotta dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mis-sessjoni li jmiss tiegħu. Il-Kunsill Ewropew jerġa' jafferma l-impenn tal-Unjoni Ewropea li ilha minn żmien twil tirsisti għal soluzzjoni diplomatika tal-kwistjoni nukleari Iranjana f'konformità mal-approċċ fuq żewġ binarji.

  • Il-Kunsill Ewropew huwa magħqud fil-kundanna tiegħu tal-attakki fuq il-kwartieri diplomatiċi tal-Gvern tar-Renju Unit fl-Iran, u jiddeplora n-nuqqas tal-Gvern Iranjan milli josserva r-responsabbiltajiet internazzjonali tiegħu sabiex jipproteġi l-persunal u l-proprjetà diplomatiċi skont il-Konvenzjoni ta' Vjenna.

  • Il-Kunsill Ewropew jibqa' profondament mħasseb bl-użu kontinwu tal-forza militari mir-reġim Sirjan u r-ripressjoni tal-poplu Sirjan. Waqt li japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill Ewropew jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Lega tal-Istati Għarab u jappella lir-reġim Sirjan biex jikkonforma bis-sħiħ mal-Pjan ta' Azzjoni Għarbi. Huwa jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li l-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Sirja.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' r-riżultati tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Afganistan li saret f'Bonn fil-5 ta' Diċembru 2011, u jirriafferma l-impenn tiegħu għal impenn konsistenti fit-tul tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan lil hinn mill-2014.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ħidma preparatorja intensiva mwettqa matul dan is-semestru dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur u jieħu nota tar-rapport ippreżentat mill-Presidenza. Huwa jappella lill-Presidenza li jmiss biex tkompli għaddejja bil-ħidma mmirata lejn l-iżvilupp ta' bażi għall-istadju finali tan-negozjati, li ser jiġu diskussi fil-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2012. Huwa jtenni l-istedina tiegħu lill-istituzzjonijiet biex jikkooperaw biex jiżguraw l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali sa tmiem l-2012.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website