Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW 23/24 ta' Ġunju 2011 KONKLUŻJONIJIET

European Council - DOC/11/4   24/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

D/11/4

COMMISSION EUROPÉENNE

SECRETARIAT GENERAL

Bruxelles, le 24 juin 2011

TEXTE MT

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES

23 & 24 juin 2011

_________________

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (23/24 ta' Ġunju 2011).

________________________

Il-Kunsill Ewropew laqa' l-fatt li kważi tlestiet l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta' miżuri li qabel dwaru f'Marzu li għadda biex l-Ewropa terġa' lura fit-triq lejn tkabbir sostenibbli u li joħloq l-impjiegi u biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika. Huwa laqa', b'mod partikolari, il-qbil li ntlaħaq dwar il-MES futur u l-EFSF emendata, kif ukoll il-progress sostanzjali li sar fil-proposti leġislattivi dwar il-governanza ekonomika. Ikkonkluda l-ewwel Semestru Ewropew billi vvaluta b'mod kollettiv il-programmi tal-Istati Membri abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u billi approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li għandu jittieħed kont tagħhom fid-deċiżjonijiet nazzjonali li jmiss dwar il-baġits u r-riformi strutturali. F'dan il-kuntest huwa nnota l-impenn tal-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-Patt Euro Plus biex itejbu l-ambizzjoni u l-preċiżjoni tal-impenji tagħhom fl-eżerċizzju tas-sena d-dieħla. Il-Kunsill Ewropew ivvaluta s-sitwazzjoni ta' dawk l-Istati Membri li għandhom programm ta' aġġustament. Fir-rigward tal-Ġreċja, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro qablu dwar it-triq li għandha tittieħed u appellaw lill-Ministri tal-Finanzi tagħhom biex ilestu l-ħidma sabiex id-deċiżjonijiet meħtieġa jkunu jistgħu jittieħdu sal-bidu ta' Lulju.

Wara dibattitu estensiv, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa orjentazzjonijiet għall-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, fir-rigward tal-governanza taż-żona ta' Schengen, il-kontroll tal-fruntieri esterni, l-iżvilupp ta' sħubiji mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u t-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sal-2012.

Il-Kunsill Ewropew qabel li n-negozjati mal-Kroazja dwar l-adeżjoni għandhom jiġu konklużi sa tmiem Ġunju 2011, biex b'hekk ikkonferma l-impenn qawwi tiegħu fil-kuntesti tal-perspettiva ta' tkabbir tal-Balkani tal-Punent.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-iżviluppi fil-Viċinat tan-Nofsinhar u adotta Dikjarazzjoni separata dwar dan is-suġġett.

°

° °

  • POLITIKA EKONOMIKA

  • Dan il-Kunsill Ewropew jimmarka l-konklużjoni tal-ewwel Semestru Ewropew, li tippermetti valutazzjoni kollettiva tal-UE tal-miżuri nazzjonali previsti mill-Istati Membri. Fid-dawl ta' din l-ewwel esperjenza, il-Kunsill Ewropew iqis li s-Semestru Ewropew jista' jsir metodu ta' governanza effettiva biex jappoġġa t-tfassil tal-politika tal-UE u dik nazzjonali b'mod integrat, trasparenti u f'waqtu. Il-preżentazzjoni simultanja tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tippermetti lill-UE tivvaluta t-tkabbir nazzjonali u l-istrateġiji fiskali flimkien u tindirizza r-riskji, l-iżbilanċi u l-kompromessi possibbli.

  • Abbażi tal-valutazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-politiki u l-miżuri ppreżentati mill-Istati Membri. Dawn jikkostitwixxu punt ta' tluq tajjeb għas-sostenn tal-irkupru tal-Ewropa, għall-indirizzar tal-isfidi fiskali u għat-twettiq ta' riformi aktar ambizzjużi fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew jinnota d-determinazzjoni ċara tal-Istati Membri kollha li jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-Istati Membri għamlu progress tajjeb fid-definizzjoni ta' azzjoni biex jinkisbu l-miri u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. Xi wħud mill-miri qegħdin fit-triq it-tajba iżda oħrajn (rigward l-impjiegi, l-effiċjenza fl-enerġetika, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-faqar u l-edukazzjoni terzjarja) jeħtieġu sforzi addizzjonali. Għandha tingħata wkoll prijorità biex ikun żgurat ambjent makroekonomiku sod, tinkiseb mill-ġdid is-sostenibbiltà fiskali, jiġu korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi u jissaħħaħ is-settur finanzjarju.

  • Il-Kunsill Ewropew japprova r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż approvati mill-Kunsill u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirriflettuhom fid-deċiżjonijiet nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-baġits u r-riformi strutturali tagħhom u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet żvelati minn dan l-eżerċizzju.

  • L-isforzi nazzjonali jridu jiġu appoġġati b'azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Ewropa għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. F'dan il-kuntest, għandha titħaffef il-ħidma biex jitwettqu l-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 u l-Att dwar is-Suq Uniku, b'attenzjoni fuq il-prijoritajiet identifikati mill-Kunsill fit-30 ta' Mejju 2011. B'mod partikolari, il-piż regolatorju fuq l-SMEs jeħtieġ li jitnaqqas aktar u fejn huwa adatt il-mikrointrapriżi għandhom ikunu eżentati minn ċerti regolamenti futuri jew għall-inqas jiġu soġġetti għal reġim eħfef. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt ta' regolamenti futuri fuq il-mikrointrapriżi u biex teżamina l-acquis sabiex tidentifika obbligi eżistenti li jistgħu jiġu esklużi minnhom il-mikrointrapriżi. Huwa qabel li jerġa' lura għal dawn il-kwistjonijiet fil-laqgħa tiegħu ta' Diċembru 2011. Il-Kummissjoni hija mistiedna wkoll tħejji pjan direzzjonali dwar it-tlestija tas-Suq Uniku diġitali sal-2015. Il-Kummissjoni hija mistiedna biex f'Ottubru 2011 tirrapporta dwar dawn l-oqsma li jgħinu t-tkabbir bil-ħsieb li jinkiseb progress sal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012.

  • L-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-Patt Euro Plus ippreżentaw impenji li jirrappreżentaw 'il fuq minn 100 miżura separata b'kollox1. Dawn l-impenji huma pass 'il quddiem tajjeb lejn il-kisba tal-objettivi tal-Patt u issa jridu jiġu implimentati fil-livell nazzjonali. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ser jerġgħu lura għal xi temi tal-Patt f'Diċembru 2011 qabel il-bidu tas-Semestru Ewropew li jmiss.

  • Bi tħejjija għall-impenji li jmiss tagħhom, l-Istati Membri parteċipanti ser jiżguraw:

    - kamp ta' applikazzjoni usa': l-impenji għandhom jikkonċentraw aktar fuq il-frontloading tar-riformi li jgħinu t-tkabbir għat-trawwim tal-kompetittività, pereżempju fl-industriji tan-netwerk u s-settur tas-servizzi, u għandha tingħata aktar attenzjoni għat-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja;

    - approċċ aktar konkret: L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-impenji futuri tagħhom kemm jista' jkun speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, filwaqt li jagħtu dettalji dwar kif u meta l-impenji ser jintlaħqu, sabiex ikun aktar faċli li l-progress jitkejjel matul iż-żmien u biex tiġi ffaċilitata l-analiżi komparattiva ma' Stati Membri oħra kif ukoll mal-imsieħba strateġiċi tal-Ewropa;

    - livell ogħla ta' ambizzjoni: L-Istati Membri għandhom iħabbru fejn ikunu nbdew proġetti ta' riforma progressivi bħala reazzjoni għall-Patt u jieħdu kont tal-aħjar prattiki;

    - koordinazzjoni prammatika tal-politiki fiskali: il-Kummissjoni u l-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jirrappurtaw sa Diċembru 2011 dwar il-progress li jkun sar fid-diskussjonijiet strutturati tagħhom dwar kwistjonijiet ta' politika fiskali, b'mod speċjali biex jiġu żgurati l-iskambji tal-aħjar prattiki, l-evitar ta' prattiki li jagħmlu ħsara u proposti għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali. F'konformità mal-Patt il-Kummissjoni għamlet proposta dwar bażi taxxabbli korporattiva konsolidata komuni.

  • Il-progress li sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill speċifiċi għal kull pajjiż u l-impenji tagħhom skont il-Patt ser jiġi vvalutat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2012 abbażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni.

  • Il-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tagħti spinta sostanzjali lit-tkabbir ekonomiku u tippromwovi l-kompetittività. Il-Kunsill Ewropew itenni l-impenn tal-UE biex tmexxi 'l quddiem il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u t-tfassil ta' regoli biex tissaħħaħ is-sistema multilaterali, u r-rieda tiegħu li jesplora l-possibbiltajiet kollha ta' negozjar biex iċ-ċiklu ta' Doha jingħalaq fir-rigward tal-prijoritajiet tal-pajjiżi l-inqas żviluppati skont il-mandat ta' Doha.

  • Il-pakkett komprensiv approvat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu li għadda issa ġie implimentat kważi kompletament. Intlaħaq qbil dwar it-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u dwar l-emenda għall-EFSF. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw ir-ratifika tat-Trattat dwar il-MES sa tmiem l-2012 u għad-dħul fis-seħħ rapidu tal-EFSF emendata. Il-ħidma leġislattiva fuq il-pakkett għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika għamlet progress sostanzjali u huwa possibbli li l-adozzjoni tiegħu tintlaħaq fl-ewwel qari. Qed isiru simulazzjonijiet ta' kriżi fis-settur bankarju. Huwa ta' importanza ċentrali li dawn ikunu totalment kredibbli u trasparenti u konklużi f'konformità sħiħa mal-metodoloġija u l-linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea u li l-parteċipanti jiżguraw l-ogħla kwalità tal-eżitu. Iridu jittieħdu malajr il-miżuri kollha meħtieġa li huma kompletament konsistenti mal-istandards internazzjonali biex tiġi indirizzata kwalunkwe dgħufija bankarja possibbli li tkun inkixfet minn dawn is-simulazzjonijiet ta' kriżi.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-progress li sar fl-Irlanda fl-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma tagħha, li tinsab fit-triq it-tajba. Huwa jilqa' wkoll l-impenn qawwi mill-gvern Portugiż li għadu kif ġie elett biex jimplimenta bis-sħiħ il-programm ta' riformi tiegħu. L-implimentazzjoni stretta ta' dawk il-programmi, imsejsa fuq qbil bejn il-partijiet dwar il-ħtieġa għal riforma, ser tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u tappoġġa r-ritorn tal-Irlanda u l-Portugall għas-swieq finanzjarji.

  • Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro jtennu l-impenn tagħhom li jagħmlu kull ma hu meħtieġ biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha.

  • L-irkupru fiż-żona tal-euro jinsab fit-triq it-tajba u laħaq triq sostenibbli ta' tkabbir solidu. L-euro huwa bbażat fuq prinċipji fundamentali sodi, u aħna ninsabu profondament sodisfatti bir-riżultati miksuba fl-istabbiltà tal-prezzijiet li nkisbu mill-bidu tal-euro.

  • Fir-rigward tal-Greċja, il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-progress konsiderevoli li nkiseb matul din l-aħħar sena, b'mod partikolari fil-qasam tal-konsolidazzjoni fiskali. Huwa jilqa' l-impenn qawwi kontinwu tal-gvern Grieg biex jimplimenta l-programm ta' aġġustament.

  • Il-Kunsill Ewropew jappella lill-awtoritajiet nazzjonali biex ikomplu jimplimentaw b'determinazzjoni l-isforzi ta' aġġustament meħtieġa biex il-pajjiż jitqiegħed fi triq sostenibbli. Għandu jiġi ffinalizzat fil-jiem li ġejjin, bħala kwistjoni ta' urġenza, pakkett komprensiv ta' riforma maqbul mal-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u l-FMI, u l-adozzjoni mill-Parlament Grieg tal-liġijiet ewlenin dwar l-istrateġija fiskali u l-privatizzazzjoni. B'segwitu għat-talba tal-gvern Grieg imħabbra mill-Prim Ministru Grieg, dan ser jipprovdi l-bażi għall-istabbiliment tal-parametri ewlenin ta' programm ġdid appoġġat b'mod konġunt mill-imsieħba tiegħu taż-żona tal-euro u l-FMI, konformement mal-prattiki attwali, u fl-istess ħin biex jiġu permessi ħlasijiet fil-ħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Greċja f'Lulju.

  • Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro li kienu jeħtieġu fondi addizzjonali ser jiġu ffinanzjati permezz ta' sorsi kemm uffiċjali kif ukoll privati. Huma japprovaw l-approċċ deċiż mill-Grupp tal-Euro fl-20 ta' Ġunju rigward l-involviment tas-settur volontarju privat fil-forma ta' riportamenti (roll-overs) informali u volontarji tad-dejn Grieg eżistenti mal-maturità għal tnaqqis sostanzjali tal-finanzjament meħtieġ sena b'sena fil-programm filwaqt li tiġi evitata inadempjenza selettiva.

  • Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern jappellaw lill-Ministri tal-Finanzji biex ilestu l-ħidma dwar elementi pendenti biex id-deċiżjonijiet meħtieġa jkunu jistgħu jittieħdu sal-bidu ta' Lulju.

  • Il-Kunsill Ewropew jappella lill-partiti politiċi kollha fil-Greċja biex jappoġġaw l-objettivi ewlenin tal-programm u l-miżuri ta' politika ewlenin biex jiżguraw implimentazzjoni rigoruża u rapida. Minħabba t-tul, il-kobor u n-natura tar-riformi meħtieġa fil-Greċja, l-għaqda nazzjonali hija prerekwiżit għas-suċċess.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-programm ta' self u l-fondi tal-UE. Il-Kunsill Ewropew jappoġġa l-isforzi kollha biex tiżdied il-kapaċità tal-Greċja biex tassorbi l-fondi tal-UE sabiex jiġu stimulati t-tkabbir u l-impjiegi. Dan jista' jsir billi dawn jiġu kkonċentrati fuq it-titjib tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn dan, il-Kunsill Ewropew jilqa' u jappoġġa t-tħejjija mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta' programm komprensiv ta' assistenza teknika għall-Greċja.

  • Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern huma konxji mill-isforzi li l-miżuri ta' aġġustament jinvolvu għaċ-ċittadini Griegi, u huma konvinti li dawn is-sagrifiċċji huma indispensabbli għall-irkupru ekonomiku u ser jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-ġid tal-pajjiż fil-futur.

II. MIGRAZZJONI

  • Il-moviment liberu tal-persuni, kif stabbilit bit-Trattat, huwa wieħed mill-kisbiet l-aktar tanġibbli u ta' suċċess tal-integrazzjoni Ewropea kif ukoll dritt fundamentali. Il-gwida politika u l-kooperazzjoni fiż-żona Schengen jeħtieġ li jissaħħu aktar, biex hekk tittejjeb il-fiduċja reċiporka bejn l-Istati Membri, li huma ugwalment responsabbli biex jiggarantixxu li r-regoli kollha ta' Schengen ikunu applikati effettivament skont l-istandards komuni miftiehma u skont prinċipji u normi fundamentali. Il-fruntieri esterni tal-Ewropa għandhom ikunu ġestiti b'mod effettiv u konsistenti, abbażi ta' responsabbiltà komuni, solidarjetà u kooperazzjoni prattika akbar.

  • F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011, l-infurzar ta' regoli komuni, b'mod partikolari permezz tas-sistema ta' evalwazzjoni ta' Schengen, għandu jitjieb u jiġi approfondit aktar sabiex ikun jista' jagħti rispons effiċjenti għal sfidi futuri. Sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva u affidabbli hija neċessarja biex ikun żgurat li dan ikun il-każ. Is-sistema futura tal-evalwazzjoni ta' Schengen ser tipprevedi t-tisħiħ, l-adattament u l-estensjoni tal-kriterji bbażati fuq l-acquis tal-UE. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fl-UE u tinvolvi esperti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji kompetenti. Il-Kummissjoni hija mistiedna biex regolarment tirrapporta dwar ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet u fejn meħtieġ tipproponi miżuri biex twieġeb għal kwalunkwe nuqqas li jiġi identifikat.

  • Għandu jiġi introdott mekkaniżmu sabiex jirreaġixxi għal ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali tal-kooperazzjoni Schengen f'riskju, mingħajr ma jitqiegħed f'periklu l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. Huwa għandu jinkludi serje ta' miżuri li għandhom jiġu applikati b'mod gradwali, differenzjat u kkoordinat sabiex jassisti lil Stat Membru li jkun qed jiffaċċja pressjoni qawwija fil-fruntieri esterni. Dawn jistgħu jinkludu żjarat ta' spezzjoni u appoġġ tekniku u finanzjarju, kif ukoll assistenza, koordinazzjoni u intervent mill-Frontex.

Bħala l-aħħar miżura, fil-qafas ta' dan il-mekkaniżmu, tista' tiġi introdotta klawsola li tippermetti r-riintroduzzjoni eċċezzjonali tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni f'sitwazzjoni tassew kritika fejn Stat Membru ma jkunx għadu jista' jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont ir-regoli ta' Schengen. Miżura bħal din tittieħed abbażi ta' kriterji oġġettivi speċifiċi u valutazzjoni komuni, għal għan u perijodu ta' żmien strettament limitati, b'kont meħud tal-ħtieġa li tkun tista' ssir reazzjoni f'każijiet urġenti. Dan mhux ser jaffettwa d-drittijiet ta' persuni intitolati għal-libertà ta' moviment skont it-Trattati.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tibgħat proposta għal tali mekkaniżmu f'Settembru.

  • Ir-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni hija tal-Istati Membri li fit-twettiq ta' din il-funzjoni, qed jaġixxu wkoll fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha. Sabiex jiġi żgurat li l-fruntieri esterni tal-Ewropa jiġu mmaniġġati b'mod effettiv u li l-istess standards japplikaw kullimkien, l-istrumenti rilevanti kollha għandhom jintużaw bl-aħjar mod u jiġu adattati fejn meħtieġ. Is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri ser tiġi żviluppata aktar bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex issir operattiva sal-2013 u tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu attivitajiet ta' sorveljanza fuq il-fruntieri biex jikkondividu informazzjoni operattiva u jtejbu l-kooperazzjoni.

  • Dawn l-isforzi ser jissaħħu wkoll billi tiġi avvanzata malajr ħidma fuq "fruntieri intelliġenti", biex jiġi żgurat li jintużaw teknoloġiji ġodda biex jiġu ssodisfati l-isfidi tal-kontroll fuq il-fruntieri. B'mod partikolari għandhom jiġu introdotti sistema ta' dħul/ħruġ u programm ta' vjaġġaturi reġistrati. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-qbil milħuq dwar l-aġenzija għall-immaniġġar operattiv ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

  • Il-funzjonament tal-Frontex u aġenziji oħra jeħtieġ li jiġi mmonitorjat kontinwament biex tiġi żgurata l-effiċjenza kontinwa tagħhom fl-għajnuna għall-Istati Membri fl-immaniġġar ta' fruntieri esterni, fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali fit-trattament tar-refuġjati. Il-Frontex ser tikkoopera mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-qbil milħuq dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Frontex, li ser iżid l-effettività tal-kapaċitajiet operattivi ta' dik l-Aġenzija. F'konformità mal-Programma ta' Stokkolma, il-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-għassiesa tal-fruntiera nazzjonali ser jiġi żviluppat aktar, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta' taħriġ komuni u l-kondiviżjoni ta' kapaċitajiet u standards. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex, hija mistiedna tippreżenta aktar ideat f'dak ir-rigward sal-aħħar tas-sena.

  • Filwaqt li jinnota s-sitwazzjoni li attwalment qed iħabbtu wiċċhom magħha xi Stati Membri, il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta' solidarjetà ġenwina u prattika lejn l-Istati Membri l-aktar affettwati mill-flussi migratorji. L-UE u l-Istati Membri ser ikomplu jipprovdu l-appoġġ operattiv u finanzjarju meħtieġ hekk kif tevolvi s-sitwazzjoni, billi jibnu fuq il-miżuri maqbula mill-Kunsill fil-11 ta' April 2011. Il-fondi meħtieġa u r-riżorsi tekniċi u umani ser jiġu pprovduti sabiex jitkomplew u, fejn meħtieġ, jiżdiedu attivitajiet b'appoġġ għal dawk l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-estensjoni tal-proġett pilota fuq bażi volontarja għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali f'Malta. Huwa jistenna b'interess il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-solidarjetà fi ħdan l-UE aktar tard din is-sena.

  • Hija meħtieġa politika konsistenti u strateġika biex tiġi mmaniġġata mobbiltà f'ambjent sigur. L-objettiv għandu jkun li jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali tal-migrazzjoni fuq livell strutturali. Għal dak il-għan, u fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, ser jiġu żviluppati sħubiji mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant.

  • Bħala l-ewwel pass, kif propost fil-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni, ser jiġi stabbilit djalogu strutturat u wiesgħa dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u s-sigurtà ma' dawk il-pajjiżi, bil-għan li jinkisbu benefiċċji tanġibbli għalihom kif ukoll għall-Unjoni Ewropea. Tali djalogi għandhom jibdew bħala kwistjoni ta' urġenza ma' pajjiżi msieħba li lesti u li jistgħu jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv f'dawn il-kwistjonijiet. Is-Sħubiji għall-Mobilità ser ikunu ddiferenzjati skont il-merti individwali tal-pajjiżi msieħba; jiġu maqbula ma' kull pajjiż imsieħeb separatament; ikunu soġġetti għal sforzi u progress magħmul fl-oqsma kollha (migrazzjoni, riammissjoni, mobilità u sigurtà); u jinkludu mekkaniżmu ta' monitoraġġ effiċjenti. Għandhom jiġu mfittxija modi biex tiżdied il-parti tal-iffinanzjar iddedikata lil dawk l-oqsma, fil-pakketti attwali.

  • Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, li tistabbilixxi t-triq lejn qafas ta' politika aktar konsistenti, sistematiku u strateġiku għar-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi terzi rilevanti kollha, u inkluż proposti konkreti għall-iżvilupp tas-sħubiji prinċipali tal-Unjoni, waqt li tingħata prijorità lill-viċinat kollu tal-Unjoni.

  • Żviluppi reċenti poġġew il-politika Ewropea dwar l-asil taħt pressjoni. Proċeduri siguri u effiċjenti tal-asil huma meħtieġa għal persuni li jeħtieġu protezzjoni. Għaldaqstant, dan jeħtieġ li l-acquis tal-UE f'dan il-qasam ikun applikat kompletament. Huwa kruċjali li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) titlesta sal-2012, ibbażata fuq standards ta' protezzjoni għoljin flimkien ma' proċeduri ġusti u effettivi li kapaċi jipprevjenu l-abbużi u li jippermettu eżami rapidu tal-applikazzjonijiet għall-asil sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema. Il-preżentazzjoni reċenti mill-Kummissjoni ta' proposti modifikati dwar id-direttiva dwar il-proċeduri tal-asil u d-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza tipprovdi bażi ġdida għan-negozjati li għandhom jibdew fuq żewġ komponenti importanti tas-SEKA. Il-bidliet ma għandhomx, bħala riżultat, jinkoraġġixxu l-preżentazzjoni ta' talbiet mhux iġġustifikati jew iżidu l-ispejjeż globali għall-Istati Membri. Dawn in-negozjati issa għandhom jitmexxew 'il quddiem b'diliġenza abbażi ta' approċċ globali bbilanċjat, inklużi l-proposti kollha ppreżentati, sabiex jinkisbu l-objettivi prinċipali stabbiliti hawn fuq.

III. IL-KROAZJA

  • Il-Kunsill Ewropew ifaħħar lill-Kroazja għall-isforzi intensivi tagħha, li ppermettew li n-negozjati dwar l-adezjoni jilħqu l-istadju finali tagħhom. L-eżami mill-Kunsill li għaddej bħalissa tal-kapitoli ta' negozjar li fadal qed jitwettaq b'rispett sħiħ ta' kondizzjonalità stretta u f'konformità mal-qafas ta' negozjar. Fid-dawl tal-progress li sar u l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill biex jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji kollha għall-konklużjoni tan-negozjati mal-Kroazja dwar l-adeżjoni sa tmiem Ġunju 2011 abbażi tal-abbozz ta' pożizzjonijiet komuni ppreżentati reċentement mill-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni qabel tmiem is-sena. Il-Kroazja għandha tkompli bl-isforzi ta' riforma tagħha bl-istess vitalità, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja u d-drittijiet fundamentali, sabiex tkun tista' tassumi bis-sħiħ l-obbligi ta' sħubija sa mid-data tal-adeżjoni. Il-monitoraġġ ta' dawn l-isforzi tar-riformi sal-adeżjoni ser jagħti l-assigurazzjoni neċessarja lill-Kroazja u lill-Istati Membri attwali. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jieħu l-miżuri kollha adatti.

  • Dawn l-iżviluppi jagħtu momentum ġdid lill-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent, dment li dawn il-pajjiżi jkomplu fit-triq tar-riforma. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għal din il-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Diċembru 2011. F'dan il-kuntest huwa jilqa' l-arrest u t-trasferiment ta' Ratko Mladic għat-Tribunal tal-Aja, li jikkostitwixxi pass pożittiv għall-ġustizzja internazzjonali kif ukoll għall-perspettiva tal-UE tas-Serbja.

o

o o

PUNTI OĦRAJN

    Il-Kunsill Ewropew:

  • ħatar lis-Sur Mario Draghi President tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-1 ta' Novembru 2011 sal-31 ta' Ottubru 2019;

  • adotta dikjarazzjoni dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar (Anness); approva l-approċċ il-ġdid għar-relazzjonijiet mal-Viċinat tal-Unjoni Ewropea kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 u enfasizza l-importanza tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fid-29 u t-30 ta' Settembru 2011;

  • approva l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju u appella lill-atturi rilevanti kollha biex jimplimentawha mingħajr dewmien, kif deskritt fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' April 2011; l-Istati Membri huma mistiedna jkomplu jaħdmu f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar strateġiji makroreġjonali futuri possibbli, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjun Adrijatiku u dak Jonju;

  • waqt li jinnota l-importanza ewlenija tiegħu, approva r-rapport tal-Presidenza dwar l-inklużjoni tar-Rom u appella għall-implimentazzjoni rapida tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom sal-2020, b'mod partikolari fir-rigward tat-tħejjija, l-aġġornament u l-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għall-inklużjoni tar-Rom, jew settijiet integrati ta' miżuri ta' politika fi ħdan il-politiki ta' inklużjoni soċjali usa' tagħhom għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Rom, sa tmiem l-2011;

    • laqa' r-rapport annwali dwar il-miri tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, fejn innota li filwaqt li l-UE tibqa' bla dubju l-akbar donatur fid-dinja fl-2010, il-mira kollettiva intermedjarja għall-2010 ma ntlaħqitx; huwa afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jikseb il-miri dwar l-għajnuna għall-iżvilupp kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2005.

    ________________________

    ANNESS

    DIKJARAZZJONI DWAR IL-VICINAT TAN-NOFSINHAR

    • Il-Kunsill Ewropew jikkonferma l-prinċipji u l-objettivi definiti fid-dikjarazzjoni u l-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar adottati fil-11 ta' Marzu 2011 u l-25 ta' Marzu 2011, rispettivament. Huwa jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea dwar rispons ġdid għal Viċinat li qed jinbidel, li nħarġet fil-25 ta' Mejju 2011. Huwa japprova kompletament il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Politika Ewropea tal-Viċinat adottati fl-20 ta' Ġunju 2011, u jappella għal progress rapidu fl-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti f'konformità mal-prinċipji u l-objettivi maqbula mill-Kunsill.

    • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-appoġġ tal-G8 għat-trasformazzjoni demokratika tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Huwa jissottolinja għal darb'oħra l-importanza tal-Unjoni għall-Mediterran, u l-importanza li jkunu mnedija b'mod rapidu proġetti konkreti u sinifikanti fil-qafas tal-UgħM.

    • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-passi li qed jittieħdu bħalissa lejn trasformazzjoni demokratika fir-reġjun, partikolarment fl-Eġittu u fit-Tuneżija. Huwa jfaħħar it-tħabbir tal-elementi prinċipali tal-Kostituzzjoni l-ġdida fil-Marokk, jilqa' l-impenn imġedded għar-riformi politiċi, inkluża reviżjoni tal-Kostituzzjoni, fil-Ġordan, u jieħu nota pożittiva tat-tneħħija tal-istat ta' emerġenza u r-riformi kostituzzjonali ppjanati fl-Alġerija. Huwa jissottolinja l-ħtieġa għal inklużività u djalogu fil-proċess ta' riforma, u ser isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi.

    • Il-Kunsill Ewropew jikkonferma l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-Riżoluzzjonijiet 1970 u 1973 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libja u għall-isforzi li qed jagħmlu l-Istati Membri tal-UE għall-implimentazzjoni tagħhom. Huwa japprova totalment il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja adottati fl-20 ta' Ġunju 2011, u jtenni mill-ġdid l-appell lill-Qadhafi biex jirrinunzja l-poter immedjatament. It-trasformazzjoni demokratika tal-Libja tibqa' ta' interess primarju għall-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew jisħaq dwar ir-rwol essenzjali li qed jaqdi l-Kunsill Nazzjonali Transizzjonali (TNC) f'dan il-proċess bħala rappreżentant tal-aspirazzjonijiet tal-poplu Libjan.

    • Il-Kunsill Ewropew jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni li għaddejja u l-vjolenza inaċċettabbli u skandaluża li r-reġim Sirjan qed ikompli japplika kontra ċ-ċittadini tiegħu stess. Huwa jinnota bi tħassib serju r-rapporti dwar l-attività militari Sirjana qrib il-fruntiera Torka f' Khirbet al-Jouz u jtenni l-appelli preċedenti għal trażżin massimu. Billi jagħżel it-triq tar-repressjoni minflok ma jwettaq il-wegħdiet tiegħu stess dwar riformi wesgħin, ir-reġim qed iqajjem dubji dwar il-leġittimità tiegħu. Dawk responsabbli għar-reati u l-vjolenza kontra ċittadini ser jinżammu responsabbli ta' għemilhom. Filwaqt li approva l-Konklużjonijiet dwar is-Sirja adottati mill-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet ġodda. Huwa jestendi wkoll l-appoġġ kollu tiegħu għall-isforzi diplomatiċi mmirati biex jiżguraw li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkun jista' jassumi r-responsabbiltà tiegħu u jagħti rispons adatt għas-sitwazzjoni fis-Sirja.

    • Il-Kunsill Ewropew jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-vjolenza, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jaderixxu ma' waqfien mill-ġlied permanenti, u jilqa' l-impenn tal-Viċi President għal dan il-għan. Huwa jtenni l-urġenza ta' transizzjoni ordinata u inklużiva f'konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf. Il-Kunsill Ewropew huwa mħasseb dwar il-proċess fil-kuntest tal-proċessi u s-sentenzi tal-membri tal-oppożizzjoni f'Baħrejn. Huwa jinkoraġġixxi lill-Baħrejn biex jiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

    • Il-Kunsill Ewropew jinnota li s-sitwazzjoni f'Gaża tibqa' ta' tħassib. L-għajnuna umanitarja mwassla lill-popolazzjoni f'Gaża għandha tkun f'konformità mal-qafas u d-deċiżjonijiet rilevanti tan-NU u għandha tevita li tipperikola l-ħajja umana.

    • Il-bidliet fundamentali madwar id-dinja Għarbija jenfasizzaw il-ħtieġa għall-progress fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u li jingħeleb l-impass attwali, filwaqt li jiġu rispettati ftehimiet u obbligazzjonijiet preċedenti. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom b'mod urġenti fin-negozjati. Huwa biss l-issoktar tan-negozjati diretti li jista' jipprovdi opportunità realistika għat-titjib tas-sitwazzjoni fuq il-post, li twassal għalhekk għal soluzzjoni dejjiema u komprensiva. Filwaqt li jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kwartett, il-Kunsill Ewropew ifaħħar l-isforzi mill-Istati Membri tal-UE u r-Rappreżentant Għoli f'dan ir-rigward, u jilqa' l-proposti reċenti tal-President Obama, f'konformità ma' pożizzjonijiet preċedenti tal-UE. Huwa jappoġġa bis-sħiħ l-appell tar-Rappreżentant Għoli biex il-Kwartett joħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi bħala kwistjoni ta' urġenza. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-partijiet kollha biex jastjenu minn azzjonijiet unilaterali li ma jwasslux għal soluzzjoni komprensiva. Huwa jappoġġa wkoll l-inizjattiva li tissejjaħ Konferenza f'Pariġi biex jiġi pprovdut appoġġ ekonomiku għall-bini tal-Istat Palestinjan fil-qafas ta' proċess ta' paċi mniedi mill-ġdid. Il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar dak li ġara lil Gilad Shalit, miżmum priġunier mill-Ħamas f'kontravenzjoni ċara għal-liġi umanitarja internazzjonali universali. Fil-ħames anniversarju mill-arrest ta' Gilad Shalit, il-Kunsill Ewropew jitlob ir-rilaxx immedjat tiegħu.

    1 :

    Ara EUCO 24/11.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website