Navigation path

Left navigation

Additional tools

D/11/1

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

COMMISSION EUROPÉENNE

SECRETARIAT GENERAL

Bruxelles, le 4 février 2011

TEXTE MT

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES
04 février 2011
CONCLUSIONS DE LA PRÉSIDENCE

_________________

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (4 ta' Frar 2011).

________________________

  • Lil hinn mill-azzjoni immedjata meħtieġa biex jiġu ttrattati l-isfidi li huma l-aktar urġenti ppreżentati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa importanti li tkompli tiġi stabbilita bażi soda għal tkabbir sostenibbli u li joħloq l-impjiegi. Dan huwa l-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir adottata f'Ġunju li għadda. Illum, il-Kunsill Ewropew iffoka fuq żewġ setturi – l-enerġija u l-innovazzjoni – li huma fundamentali għat-tkabbir u l-prosperità futuri tal-Ewropa. Huwa qabel dwar numru ta' azzjonijiet ta' prijorità li l-implimentazzjoni tagħhom ser tikkontribwixxi ħafna għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll għall-promozzjoni tal-kompetittività tal-Ewropa.

    I. ENERĠIJA

  • Enerġija mingħajr periklu, sigura, sostenibbli u bi prezz aċċessibbli li tikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea tibqa' prijorità għall-Ewropa. L-azzjoni fil-livell tal-UE tista' u għandha tagħti valur miżjud għal dak l-objettiv. Matul is-snin, twettqet ħafna ħidma rigward il-linji ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, inklużi l-istabbiliment ta' objettivi ambizzjużi dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima u l-adozzjoni ta' leġislazzjoni komprensiva b'appoġġ għal dawn l-objettivi. Il-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Ewropew issottolinjat l-impenn tal-UE għal dawn l-għanijiet permezz ta' għadd ta' konklużjonijiet operattivi, kif jinsabu hawn taħt.

  • L-UE teħtieġ suq intern tal-enerġija kompletament funzjonanti, interkonness u integrat. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ u mingħajr dewmien il-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija b'rispett sħiħ għall-iskadenzi maqbula. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistiedna jaħdmu għall-adozzjoni bikrija tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija.

  • Is-suq intern għandu jiġi kkompletat sal-2014 biex il-gass u l-elettriku jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament. Dan jeħtieġ b'mod partikolari li b'kooperazzjoni mal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ir-regolaturi nazzjonali u l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni jintensifikaw ħidmiethom dwar l-akkoppjament tas-swieq u l-linji gwida u l-kodiċijiet tan-netwerk applikabbli bejn in-netwerks Ewropej. L-Istati Membri, flimkien mal-entitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-industrija, huma mistiedna jaċċelleraw il-ħidma bil-ħsieb li jadottaw standards tekniċi għal sistemi ta' ċċarġjar għall-vetturi elettriċi sa nofs l-2011 u għal netwerks u arloġġi intelliġenti sa tmiem l-2012. Il-Kummissjoni ser tirrapporta regolarment dwar il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari għall-konsumaturi inklużi dawk aktar vulnerabbli f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2010.

  • Huma meħtieġa sforzi kbar għall-immodernizzar u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u għall-interkonnessjoni transkonfinali tan-netwerks, f'konformità mal-prijoritajiet identifikati mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tkun tista' tibda titħaddem, li r-rotot alternattivi ta' provvista/transitu u s-sorsi tal-enerġija jimmaterjalizzaw u li s-sorsi rinnovabbli jiżviluppaw u jikkompetu ma' sorsi tradizzjonali. Huwa importanti li jiġu simplifikati u mtejba l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi u l-proċeduri nazzjonali, għall-bini ta' infrastruttura ġdid; il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-proposta li jmiss mill-Kummissjoni f'dak ir-rigward. Id-diversi inizjattivi meħuda mill-Istati Membri biex jintegraw is-swieq u n-netwerks f'livell reġjonali kif ukoll dawk iddelinejati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jikkontribwixxu għall-objettiv u jistħoqqilhom appoġġ. L-ebda Stat Membru tal-UE ma għandu jibqa' iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u l-elettriku wara l-2015 jew ikollu s-sigurtà tal-enerġija tiegħu pperikolata minn nuqqas ta' konnessjonijiet adatti.

  • Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż finanzjarji importanti għall-investimenti infrastrutturali ser ikollha tiġi pprovduta mis-suq, bl-ispejjeż irkuprati permezz ta' tariffi. Huwa vitali li jiġi promoss qafas regolatorju attraenti għall-investiment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-istabbiliment ta' tariffi b'mod trasparenti u mingħajr diskriminazzjoni f'livelli konsistenti mal-ħtiġijiet ta' finanzjament u għall-allokazzjoni adatta tal-ispejjeż għal investimenti transkonfinali, b'mod li jsaħħaħ il-kompetizzjoni u l-kompetittività u jieħu kont tal-impatt fuq il-konsumaturi. Madankollu, xi proġetti li jkunu ġustifikati minn perspettiva ta' sigurtà ta' provvista jew solidarjetà, iżda ma jirnexxilhomx jattiraw biżżejjed finanzjament mis-suq, jistgħu jkunu jeħtieġu xi finanzjament pubbliku limitat biex jinkoraġġixxu finanzjament privat. Tali proġetti għandhom jintagħżlu abbażi ta' kriterji ċari u trasparenti. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta lill-Kunsill sa Ġunju 2011 rigward iċ-ċifri dwar l-investimenti li x'aktarx ikunu meħtieġa, fuq suġġerimenti dwar kif jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' finanzjament u dwar kif jiġu indirizzati l-ostakoli possibbli għall-investiment infrastrutturali.

  • Sabiex tissaħħaħ aktar is-sigurtà tal-provvista tagħha, il-potenzjal tal-Ewropa għall-estrazzjoni sostenibbli u l-użu ta' riżorsi tal-karburant fossili (gass tax-shale u shale bituminuż) konvenzjonali u mhux konvenzjonali għandu jiġi vvalutat.

  • L-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija jsaħħu l-kompetittività u jappoġġaw is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà tal-enerġija bi prezz baxx. Il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija ta' 20% fl-2020 kif maqbula mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010, li bħalissa mhix qed tintlaħaq, hemm bżonn li tinkiseb. Dan jeħtieġ azzjoni determinata biex jiġi sfruttat il-potenzjal konsiderevoli għal aktar iffrankar ta' enerġija minn bini, trasport u prodotti u proċessi. Mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri kollha għandhom jinkludu standards ta' effiċjenza tal-enerġija b'kont meħud tal-mira ewlenija tal-UE fl-akkwist pubbliku għal servizzi u bini pubbliċi rilevanti. Il-Kunsill huwa mistieden jeżamina minnufih il-proposta għal Pjan ġdid dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija li ser jinħareġ mill-Kummissjoni, fejn hemm aktar dettaljati sensiela ta' politiki u miżuri fil-katina tal-provvista kollha tal-enerġija. Sal-2013 ser tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-mira tal-UE għall-effiċjenza tal-enerġija, u jekk meħtieġ jiġu kkunsidrati aktar miżuri.

  • Il-Kummissjoni hija mistiedna ssaħħaħ il-ħidma tagħha mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, b'mod partikolari rigward mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u skemi nazzjonali ta' appoġġ konsistenti.

  • L-UE u l-Istati Membri tagħha ser jippromwovu l-investiment f'enerġiji rinnovabbli u teknoloġiji siguri u sostenibbli b'emissjoni baxxa ta' karbonju u jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet teknoloġiċi stabbiliti fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija. Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta inizjattivi ġodda dwar netwerks intelliġenti, inklużi dawk marbuta mal-iżvilupp ta' vetturi nodfa, ħżin ta' enerġija, bijokarburanti sostenibbli u soluzzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija għall-ibliet.

  • Hemm ħtieġa għal koordinament aħjar tal-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu żgurati konsistenza u koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE mal-pajjiżi ewlenin produtturi, ta' transitu u konsumaturi. Il-Kummissjoni hija mistiedena tippreżenta sa Ġunju 2011 komunikazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista u l-kooperazzjoni internazzjonali bl-għan li jissaħħu aktar il-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-enerġija. L-Istati Membri huma mistiedna jinformaw lill-Kummissjoni mill-1 ta' Jannar 2012 dwar il-ftehimiet bilaterali kollha ġodda u eżistenti tagħhom dwar l-enerġija ma' pajjiżi terzi; il-Kummissjoni ser tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra kollha f'forma adatta, b'kont meħud tal-ħtieġa għall-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Ir-Rappreżentant Għoli hija mistiedna tikkunsidra bis-sħiħ id-dimensjoni tas-sigurtà tal-enerġija fil-ħidma tagħha. Is-sigurtà tal-enerġija għandha wkoll tiġi riflessa bi sħiħ fil-politika tal-viċinat tal-UE.

  • L-UE għandha tieħu inizjattivi f'konformità mat-Trattati fil-fora internazzjonali rilevanti u tiżviluppa sħubiji ta' benefiċċju reċiproku dwar l-enerġija ma' atturi ewlenin u madwar kurituri strateġiċi, li jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi approċċi regolatorji rigward is-suġġetti kollha ta' interess komuni, bħas-sigurtà tal-enerġija, it-teknoloġiji siguri u sostenibbli b'emissjoni baxxa ta' karbonju, l-effiċjenza tal-enerġija, l-ambjent tal-investiment, filwaqt li żżomm u tippromwovi l-ogħla standards għas-sigurtà nukleari. Hija għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi ġirien biex jaċċettaw ir-regoli rilevanti tagħha tas-suq intern tal-enerġija, b'mod partikolari billi jestendu u japprofondixxu t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u billi jippromwovu l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali. Fil-kuntest tal-Istrateġija dwar l-Enerġija 2020 hija għandha wkoll tiżviluppa miżuri kif meħtieġ biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti għall-produtturi tal-enerġija tal-UE meta mqabbel ma' produtturi barra ż-Żona Ekonomika Ewropea. Jeħtieġ li l-Ewropa tiddiversifika r-rotot u s-sorsi tagħha tal-provvista. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija mistiedna tkompli bl-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' kurituri strateġiċi għat-trasport ta' volumi kbar ta' gass, bħall-Kuritur tan-Nofsinhar.

  • Il-ħidma għandha titwettaq mill-aktar kmieni possibbli biex tiġi żviluppata sħubija affidabbli, trasparenti u bbażata fuq regoli mar-Russja f'oqsma ta' interess komuni fil-qasam tal-enerġija u bħala parti min-negozjati dwar il-proċess ta' wara l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u fid-dawl tal-ħidma li għaddejja dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni u d-Djalogu dwar l-Enerġija.

  • L-UE ser tikkoopera ma' pajjiżi terzi sabiex tindirizza l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija u ser tavvanza din il-ħidma fil-G20.

  • Il-Kunsill Ewropew stenna b'interess l-elaborazzjoni ta' strateġija għat-tnaqqis tal-emissjoni ta' karbonju sal-2050 li tipprovdi l-qafas għal azzjoni aktar fit-tul fis-settur tal-enerġija u f'setturi oħra relatati. Il-kisba tal-objettiv tal-UE, fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ skont l-IPCC mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp, li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bi 80-95% sal-2050 meta mqabbla mal-1990 kif maqbul f'Ottubru 2009, ser teħtieġ rivoluzzjoni fis-sistemi tal-enerġija, li għandha tibda minn issa. Għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-istabbiliment ta' stadji intermedji lejn il-kisba tal-objettiv 2050. Il-Kunsill Ewropew ser iżomm l-iżviluppi taħt reviżjoni fuq bażi regolari.

    II. INNOVAZZJONI

  • L-investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni huwa mutur ewlieni tat-tkabbir, u ideat innovattivi li jistgħu jiġu trasformati fi prodotti u servizzi kummerċjabbli ġodda jgħinu biex joħolqu t-tkabbir u impjiegi ta' kwalità. Il-Kunsill Ewropew appella għall-implimentazzjoni ta' approċċ strateġiku u integrat biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, il-kumpanniji - b'mod partikolari l-SMEs - u r-riċerkaturi. Dan ser jissorvelja l-progress fil-qafas tas-segwitu għall-Istrateġija Ewropa 2020.

  • F'rabta ma' dan, il-Kunsill Ewropew innota t-tendenzi u l-iżviluppi żvelati mit-tabella ta' valutazzjoni attwali tal-innovazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'mod rapidu indikatur uniku integrat biex ikun jista' jsir monitoraġġ aħjar tal-progress fl-innovazzjoni. Huwa ser jibqa' jeżamina l-iżviluppi dwar dan t'hawn fuq.

  • L-innovazzjoni tikkontribwixxi għat-trattament tal-isfidi l-aktar kritiċi tas-soċjetà li qed niffaċċjaw. Il-kompetenza u r-riżorsi tal-Ewropa għandhom jiġu mobilizzati b'mod koerenti, u għandhom jitrawmu sinerġiji bejn l-UE u l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet li huma ta' benefiċċju għas-soċjetà jilħqu lis-suq aktar malajr. Għandu jiġi żviluppat programmar konġunt. It-tnedija ta' Sħubija pilota għall-Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu hija pass importanti f'dak il-kuntest. Ser jinħtieġ monitoraġġ regolari mill-Kunsill sabiex jintlaħqu objettivi fit-tul kif ukoll għanijiet konkreti li għandhom jiġu stabbiliti sena b'sena. Il-Kunsill ser jieħu d-deċiżjonijiet politiċi meħtieġa dwar Sħubiji futuri għall-Innovazzjoni qabel ma dawn jiġu mnedija.

  • L-Ewropa teħtieġ żona unifikata tar-riċerka biex tattira t-talent u l-investiment. Għalhekk għandhom jiġu indirizzati rapidament lakuni li fadal u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha titlesta sal-2014 biex jinħoloq suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B'mod partikolari, għandhom isiru sforzi biex jittejbu l-mobbiltà u l-prospetti tal-karriera tar-riċerkaturi, il-mobbiltà tal-istudenti gradwati u biex l-Ewropa tkun aktar attraenti għar-riċerkaturi barranin. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp iffinanzjati pubblikament għandha tinxtered aħjar, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' inventarju ta' riċerka u żvilupp iffinanzjati mill-UE, marbut ma' inventarji simili ta' programmi ta' riċerka u żvilupp iffinanzjati fil-livell nazzjonali.

  • Għandu jiġi inkoraġġit l-investiment privat fi prodotti u servizzi innovattivi, b'mod partikolari billi jittejbu l-kondizzjonijiet qafas. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija mistiedna biex:

  • tagħmel proposti sabiex jiġu aċċellerati, simplifikati u modernizzati l-proċeduri ta' standardizzazzjoni, b'mod partikolari biex l-istandards żviluppati mill-industrija jkunu jistgħu jinbidlu fi standards Ewropej taħt ċerti kondizzjonijiet;

  • tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku; b'mod aktar ġenerali l-akkwist pubbliku għandu jkun dirett aħjar biex joħloq domanda akbar għal prodotti u servizzi innovattivi;

  • twettaq eżami intermedju tal-oqfsa rilevanti dwar l-għajnuniet tal-Istat matul l-2011;

  • tesplora l-alternattivi għall-istabbiliment ta' strument ta' valorizzazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-livell Ewropew, b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-suq tal-għarfien, u tipprovdi rapport lill-Kunsill sa tmiem l-2011.

  • Il-Kummissjoni hija mistiedna twettaq progress rapidu f'oqsma ewlenin tal-ekonomija diġitali biex tiżgura l-ħolqien tas-Suq Uniku Diġitali sal-2015, inklużi l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-kreattività, l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar is-settur pubbliku.

  • Għandu jsir kull sforz biex jitneħħew l-ostakoli legali u amministrattivi li fadal għall-operat transkonfinali ta' kapital ta' riskju. Il-Kummissjoni hi mistiedna tippreżenta proposti sa tmiem l-2011:

  • għall-istabbiliment ta' skema ta' kapital ta' riskju fl-UE kollha li tibni fuq il-FEI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra rilevanti u f'kooperazzjoni ma' operaturi nazzjonali;

  • għal żieda fil-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji;

  • u għall-valutazzjoni dwar kif l-aħjar jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-kumpanniji innovattivi li qed jikbru rapidament permezz ta' approċċ ibbażat fuq is-suq. B'rabta ma' dan, il-Kummissjoni hija wkoll mistiedna tesplora l-fattibbiltà ta' Skema ta' Riċerka għall-Innovazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar.

  • Fit-twettiq tal-konsolidament fiskali, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lil infiq favur it-tkabbir sostenibbli f'oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-enerġija.

  • Tali sforzi għandhom ikunu abbinati ma' miżuri ċari ta' riforma bl-għan li tingħata spinta lill-effettività tas-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni tal-Istati Membri. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jfakkru fir-rieda tagħhom li jallokaw mill-inqas 50% tad-dħul mill-ETS għall-finanzjament ta' azzjoni relatata mal-klima, inklużi proġetti innovattivi. Huma għandhom itejbu wkoll l-użu tal-Fondi Strutturali eżistenti allokati għal proġetti ta' riċerka u innovazzjoni.

  • Huwa kruċjali li l-istrumenti tal-UE li għandhom l-għan li jrawmu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, jiġu ssimplifikati sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom mill-aħjar xjentisti u l-aktar kumpanniji innovattivi, b'mod partikolari billi jintlaħaq qbil bejn l-istituzzjonijiet rilevanti dwar ekwilibriju ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll u bejn it-teħid ta' riskji u l-evitar ta' riskji. Il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel proposti sa tmiem is-sena, filwaqt li tiżgura li l-firxa sħiħa ta' strumenti finanzjarji ta' riċerka u innovazzjoni jaħdmu flimkien f'qafas strateġiku komuni. Għandu jiġi esplorat l-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji adegwati għall-finanzjament ta' proġetti Ewropej kbar li huma muturi importanti għar-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa kruċjali aktar minn qatt qabel li tittejjeb l-effiċjenza tan-nefqa pubblika fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE. B'rabta ma' dan, is-simplifikazzjoni tar-regolament finanzjarju għandha tiġi adottata sa tmiem is-sena sabiex jiġu żgurati mekkaniżmi ta' twettiq effettivi għall-politiki tal-UE.

    III. SITWAZZJONI EKONOMIKA

  • Il-Kunsill Ewropew eżamina s-sitwazzjoni ekonomika u nnota li għalkemm għad fadal sfidi importanti l-prospettiva ekonomika ġenerali qed titjieb. Huwa qabel dwar it-triq li għandha tittieħed sal-Kunsill Ewropew ta' Marzu.

  • Il-Kunsill Ewropew appella lill-Kunsill biex f'Marzu jilħaq approċċ ġenerali dwar il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika, li jiżgura implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force, biex sa tmiem Ġunju jintlaħaq qbil ġenerali mal-Parlament Ewropew. Dan jippermetti t-tisħiħ tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-implimentazzjoni ta' qafas makroekonomiku ġdid.

  • Huwa appella lill-Awtorità Bankarja Ewropea u awtoritajiet rilevanti oħra biex iwettqu simulazzjonijiet ta' kriżi ambizzjużi u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkollhom fis-seħħ pjani konkreti, li jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, sabiex jieħdu azzjoni dwar kwalunkwe bank li juri xejriet ta' vulnerabbiltà fis-simulazzjonijiet ta' kriżi.

  • Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u abbażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew ta' Marzu ser jidentifika l-prijoritajiet għar-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni fiskali għaċ-ċiklu li jmiss ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza. Abbażi ta' dan, u mmexxi mil-linji gwida integrati Ewropa 2020, l-Istati Membri huma mistiedna biex f'April jippreżentaw il-programmi nazzjonali ta' riforma kif ukoll il-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom.

  • Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu ser jadotta wkoll id-deċiżjoni finali dwar il-bidla limitata fit-trattat biex jiġi stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

  • Il-Kunsill Ewropew laqa' d-Dikjarazzjoni mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-UE mehmuża ma' dan id-dokument.

IV. RELAZZJONIJIET ESTERNI

32. Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar l-Eġittu u r-reġjun (Anness II).

33. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-iżviluppi fir-reġjun tal-Mediterran jagħmluha aktar urġenti li jiġu rispettati l-ftehimiet preċedenti dwar il-paċi u li jinkiseb progress rapidu fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani. Huwa esprima l-aspettattiva li l-laqgħa tal-Kwartett tal-5 ta' Frar 2011 fi Munich ser tagħmel kontribut sostantiv għal dan il-proċess.

34. Il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-31 ta' Jannar, li jinkludu d-deċiżjoni li jiġu imposti miżuri restrittivi. L-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn qawwi tagħha għat-tisħiħ tal-impenn tagħha mas-soċjetà ċivili Bjelorussa. L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata lejn il-politika tagħha ta' involviment kritiku, inkluż permezz ta' djalogu u s-Sħubija tal-Lvant, bil-kondizzjoni li jiġu rispettati l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Il-Kunsill Affarijiet Barranin ser jeżamina s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja regolarment u jibqa' lest biex jikkunsidra aktar miżuri mmirati fl-oqsma kollha, skont il-ħtieġa.

________________________

ANNESS I

DIKJARAZZJONI MILL-KAPIJIET TA' STAT JEW TA' GVERN TAŻ-ŻONA TAL-EURO U L-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE

Wara d-Dikjarazzjoni tagħhom ta' Diċembru 2010, u waqt li jtennu r-rieda tagħhom li jagħmlu kulma hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-euro fl-intier tagħha, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' gvern taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-UE eżaminaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija komprensiva għall-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u l-iżgurar li ż-żona tal-euro ser toħroġ minn din il-kriżi aktar b'saħħitha.

Din l-istrateġija tinkludi l-pakkett leġislattiv dwar il-governanza ekonomika, is-simulazzjonijiet ta' kriżi u r-riabilitazzjoni finanzjarja, u l-implimentazzjoni tas-semestru Ewropew. Barra minn hekk, huma qablu dwar il-passi li ġejjin bħala parti mill-pakkett globali li għandu jiġi ffinalizzat f'Marzu:

  • Implimentazzjoni b'suċċess kontinwa tal-programmi eżistenti mal-Greċja u l-Irlanda.

  • Valutazzjoni mill-Kummissjoni, f'rabta mal-BĊE, tal-progress li sar fl-Istati Membri taż-żona tal-euro fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet fiskali u l-prospetti tat-tkabbir.

  • Proposti konkreti mill-Grupp tal-euro dwar it-tisħiħ tal-EFSF sabiex tiġi żgurata l-effettività meħtieġa biex jiġi pprovdut appoġġ adegwat.

  • Finalizzazzjoni, taħt il-presidenza tal-President tal-Grupp tal-euro tal-elementi operattivi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà f'konformità mal-mandat maqbul f'Diċembru.

Abbazi tal-qafas ġdid ta' governanza ekonomika, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' gvern ser jieħdu aktar passi għall-kisba ta' kwalità ġdida fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro biex tittejjeb il-kompetittività, b'hekk jirriżulta grad ogħla ta' konverġenza, mingħajr ma jiġi mminat is-suq uniku. Il-pajjiżi li mhumiex membri tal-euro ser jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-koordinament. Il-President tal-Kunsill Ewropew ser iwettaq konsultazzjonijiet mal-Kapijiet ta' Stat jew ta' gvern tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u jipprovdi rapport, li jidentifika passi konkreti 'l quddiem f'konformità mat-Trattat. Għal dan il-għan, huwa ser jikkoopera mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni. Huwa ser jiżgura li l-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri interessati li mhumiex parti miż-żona tal-euro jkunu involuti fil-proċess, kif meħtieġ.

_____________________

ANNESS II

ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI DWAR L-EĠITTU U R-REĠJUN

Il-Kunsill Ewropew qed isegwi bl-akbar tħassib is-sitwazzjoni deterjoranti fl-Eġittu. Huwa kkundanna bl-aktar termini qawwija l-vjolenza u lil dawk kollha li jużaw u jinkoraġġixxu l-vjolenza. Huwa enfasizza d-dritt taċ-ċittadini kollha li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet fil-libertà u b'mod paċifiku, bil-protezzjoni dovuta mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-ebda tentattiv li jxekkel iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni, inklużi l-aggressjoni u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mhuwa aċċettabbli.

Il-Kunsill Ewropew appella lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Eġizzjan permezz ta' riforma politika u mhux ripressjoni. Il-partijiet kollha għandhom jaġixxu b'moderazzjoni u jevitaw aktar vjolenza u jibdew transizzjoni ordinata għal gvern rappreżentattiv b'mod ġenerali. Il-Kunsill Ewropew issottolinja li dan il-proċess ta' transizzjoni għandu jibda issa. Il-bażi għar-relazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandhom ikunu l-prinċipji mniżżlin fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-impenji li saru.

Il-Kunsill Ewropew laqa' l-espressjoni paċifika u dinjituża mill-poplu Tuneżin u dak Eġizzjan tal-aspirazzjonijiet leġittimi, demokratiċ, ekonomiċi u soċjali tagħhom li huma f'konformità mal-valuri li l-Unjoni Ewropea tippromwovi għaliha nfisha u fid-dinja kollha. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-aspirazzjonijiet demokratiċi taċ-ċittadini għandhom jiġu indirizzati permezz ta' djalogu u riforma politika, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u permezz ta' elezzjonijiet ħielsa u imparzjali. Huwa appella lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu siewi għal dak l-għan.

L-Unjoni Ewropea hija determinata li tappoġġa bis-sħiħ il-proċessi ta' transizzjoni lejn governanza demokratika, pluraliżmu, opportunitajiet imtejba għal prosperità ekonomika u inklużjoni soċjali, u tisħiħ fl-istabbiltà reġjonali. Il-Kunsill Ewropew huwa impenjat għal sħubija ġdida li tinvolvi aktar appoġġ effettiv fil-futur lil dawk il-pajjiżi li qed isegwu riformi politiċi u ekonomiċi inkluż permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Unjoni għall-Mediterran.

F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew

  • talab lir-Rappreżentant Għoli twassal il-messaġġ tagħna fiż-żjara tagħha li jmiss fit-Tuneżija u l-Eġittu;

  • stieden lir-Rappreżentant Għoli, fil-qafas ta' din is-sħubija, tiżviluppa pakkett ta' miżuri mmirati li jipprovdu appoġġ mill-Unjoni Ewropea għall-proċessi ta' transizzjoni u trasformazzjoni (tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, promozzjoni tal-governanza demokratika u l-ġustizzja soċjali, u assistenza fit-tħejjija u t-tmexxija ta' elezzjonijiet ħielsa u imparzjali); u torbot aktar lill-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Unjoni għall-Mediterran ma' dawn l-objettivi; u

  • stieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jadattaw b'mod rapidu l-istrumenti tal-Unjoni Ewropea, biex jagħmlu disponibbli għajnuna umanitarja u jipproponu miżuri u proġetti li jistimulaw kooperazzjoni, skambju u investiment fir-reġjun bl-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, inkluż status avvanzat għat-Tuneżija.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website