Navigation path

Left navigation

Additional tools

D/10/3

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
COMMISSION EUROPÉENNE

Bruxelles, le 16 septembre 2010

TEXTE MT

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES
16 septembre 2010
CONCLUSIONS DE LA PRÉSIDENCE

_________________

KUNSILL EWROPEW

Brussell, 16 ta' Settembru 2010

(OR. en)

EUCO 21/10

CO EUR 16

CONCL 3

NOTA TA' TIFSIR

minn:

Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

lil:

Delegazzjonijiet

Suġġett:

KUNSILL EWROPEW

16 TA' SETTEMBRU 2010

KONKLUŻJONIJIET

Id-delegazzjonijiet isibu mehmużin il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (16 ta' Settembru 2010).

________________________

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta kif tista' tingħata spinta ġdida lir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, waqt li jittieħed vantaġġ sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mit-Trattat ta' Lisbona. Huwa qabel dwar il-ħtieġa li l-Ewropa tippromwovi l-interessi u l-valuri tagħha b'mod aktar assertiv u fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku. Bħala l-ewwel pass, huwa stabbilixxa orjentazzjonijiet ġenerali fil-perspettiva ta' numru ta' avvenimenti importanti fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Huwa ddeċieda wkoll dwar numru ta' miżuri konkreti biex tiġi msaħħa aktar b'mod ġenerali l-effettività tal-politika esterna tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew ħa kont tal-progress miksub fit-Task Force dwar il-governanza ekonomika.

I. RELAZZJONIJIET MA' SĦAB STRATEĠIĊI

Dinja li qed tinbidel: sfida għall-UE

  • L-Ewropa qed taffaċċja ħafna sfidi f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla, li kollha jirrikjedu rispons internazzjonali kkoordinat. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti wriet b'mod drammatiku sa fejn il-benesseri, is-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej jiddependu fuq l-iżviluppi esterni. L-emerġenza ta' atturi ġodda bl-interessi u l-viżjonijiet tagħhom tad-dinja hija wkoll karatteristika ġdida importanti fl-ambjent internazzjonali.

  • L-Unjoni Ewropea għandha tkun attur globali effettiv, lesta biex tagħti sehemha fir-responsabbiltà għas-sigurtà globali u biex tkun fuq quddiem fid-definizzjoni ta' rispons konġunt għall-isfidi komuni. Ekonomija soda u koeżjoni interna għandhom isaħħu l-kapaċità tal-Unjoni li tirrappreżenta l-influwenza tagħha fid-dinja. L-Unjoni tista' tibbaża fuq it-twemmin tagħha b'għeruq sodi fil-multilateraliżmu effettiv, speċjalment ir-rwol tan-NU, fuq il-valuri universali, fuq ekonomija dinjija miftuħa u fuq il-firxa unika ta' strumenti tagħha. Hija tibqa' l-akbar donatriċi għall-pajjiżi fil-bżonn, hija l-ewwel qawwa kummerċjali fid-dinja, u żviluppat politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni appoġġata minn għodod għall-maniġġar ta' kriżijiet li għandhom jiġu msaħħa aktar. Hija għandha wkoll rwol ewlieni fl-istabilizzazzjoni tal-viċinat tagħha. L-Unjoni kisbet l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent partikolarment permezz tal-perspettiva Ewropea li ngħatat lil dak ir-reġjun; il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għal dan f'laqgħa sussegwenti.

  • F'konformità mat-Trattat ta' Lisbona u f'konformità mal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ser jaġixxu b'mod aktar strateġiku sabiex il-piż reali tal-Ewropa jkun jista' jinħass fix-xena internazzjonali. Dan jeħtieġ identifikazzjoni ċara tal-interessi u l-objettivi strateġiċi tagħha f'mument partikolari u riflessjoni ffokata fuq il-mezzi biex dawn jiġu segwiti b'mod aktar assertiv. Il-Kunsill Ewropew jappella għat-titjib tas-sinerġiji bejn il-livell tal-Unjoni Ewropea u l-livelli nazzjonali, b'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-atturi istituzzjonali, għal integrazzjoni aħjar tal-istrumenti u l-linji ta' politika rilevanti kollha u għal użu aktar effettiv ta' summits ma' pajjiżi terzi, kif stabbilit aktar fid-dettall fl-Anness I.

  • Is-sħubiji strateġiċi tal-Unjoni Ewropea ma' atturi prinċipali fid-dinja jipprovdu strument utli għall-insegwiment tal-objettivi u l-interessi Ewropej. Dan jiffunzjona biss jekk ikun hemm toroq b'żewġ direzzjonijiet ibbażati fuq interessi u benefiċċji reċiproċi u fuq ir-rikonoxximent li l-atturi kollha għandhom drittijiet kif ukoll dmirijiet. Il-parteċipazzjoni sħiħa tal-ekonomiji emerġenti fis-sistema internazzjonali għandha tippermetti li l-benefiċċji tagħha jinfirxu b'mod bilanċjat u li r-responsabbiltajiet jiġu kondiviżi b'mod ġust. F'dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kummerċ mas-sħab strateġiċi jikkostitwixxi objettiv kruċjali, billi jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Jeħtieġ li nieħdu passi konkreti biex niżguraw Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, niżguraw aċċess akbar għas-suq għal negozji Ewropej u napprofondixxu kooperazzjoni regolatorja ma' msieħba kummerċjali maġġuri.

Orjentazzjonijiet għal avvenimenti li ġejjin

  • Fil-ġimgħat li ġejjin l-Unjoni Ewropea ser torganizza numru importanti ta' laqgħat internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew illum qiegħed jippreżenta orjentazzjonijiet inizjali fil-perspettiva ta' dawn il-laqgħat. Fil-ġejjieni ser jiddiskuti r-relazzjonijiet esterni regolarment sabiex jistabbilixxi orjentazzjonijiet strateġiċi qabel avvenimenti prinċipali, partikolarment sabiex jiddefinixxi messaġġi ewlenin dwar l-objettivi tagħna u dwar il-mezzi li nużaw biex niksbuhom. Dan jirrekjedi gwida strateġika ċara mill-Kunsill Ewropew abbażi ta' preparazzjoni effettiva mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kunsill.

  • F'Ottubru ser isiru summits maċ-Ċina u mar-Repubblika tal-Korea u l-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM), segwiti aktar tard matul is-sena minn summit mal-Indja. Dawn huma opportunità tajba biex isir djalogu ma' msieħba ewlenin f'parti tad-dinja li hija ferm dinamika. Ser ikun hemm fuq l-aġenda suġġetti bħar-rwoli rispettivi fil-kisba ta' rkupru sostenibbli mill-kriżi ekonomika u fit-tiftix ta' soluzzjonijiet globali għal sfidi universali. Għandhom jittieħdu passi konkreti f'oqsma prijoritarji ta' kooperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja, bħall-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, inkluż dwar il-promozzjoni ta' tnaqqis effettiv u verifikabbli tal-emissjonijiet, kif ukoll dwar sorsi rinnovabbli u effiċjenza enerġetika; kwistjonijiet urġenti ta' sigurtà, bħall-proliferazzjoni, it-terroriżmu, iċ-ċibersigurtà u l-piraterija; kooperazzjoni dwar kwistjonijiet reġjonali bħall-Iran u l-Korea ta' Fuq kif ukoll dwar kwistjonijiet globali bħall-migrazzjoni, l-enerġija u l-aċċess għal materjal bażiku; ħidma flimkien dwar linji politiċi ta' żvilupp u l-promozzjoni ta' governanza tajba, standards tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet bejn poplu u ieħor.

Bil-ħsieb tas-summit UE/Ċina b'mod partikolari, l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi b'mod attiv l-interessi strateġiċi tagħha, inkluż fir-rigward tal-promozzjoni ta' kummerċ bilaterali, aċċess għas-suq għal oġġetti u servizzi u l-kondizzjonijiet ta' investiment; il-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku; dixxipplina aktar b'saħħitha fil-qasam ta' sussidji fuq l-esportazzjoni; u d-djalogu dwar linji politiċi dwar ir-rata tal-kambju.

  • Matul ix-xhur li ġejjin ser ikun hemm numru ta' kwistjonijiet importanti oħra ta' relazzjonijiet esterni li ser ikollhom jiġu indirizzati mill-Kunsill Ewropew.

    • Is-Summit tal-G20 f'Seul ser jippermetti reviżjoni tar-rilanċ ekonomiku globali u l-impenji li saru mill-membri tal-G20. B'mod partikolari, huwa ser jippermetti lill-Unjoni biex tissottolinja l-importanza taż-żamma ta' spinta qawwija fil-qasam tar-riforma finanzjarja; f'dan ir-rigward, il-ftehim reċenti bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-pakkett ta' superviżjoni finanzjarja u l-ikkompletar tar-riforma tal-qafas regolatorju sa tmiem l-2011 isaħħu l-pożizzjoni tal-UE. Huwa għandu jservi wkoll biex jibgħat sinjal ċar dwar il-ħtieġa li jiġu konklużi n-negozjati WTO DDA u jiġi implimentat il-Qafas għal Tkabbir b'Saħħtu, Sostenibbli u Bbilanċjat. Il-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti l-preparazzjoni dettaljata ta' Seul fil-laqgħa tiegħu ta' Ottubru 2010 u jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-G8 u l-G20 ser jibqgħu fora importanti għad-definizzjoni ta' rispons globali għal ħafna mill-isfidi attwali li għandna, li għalihom l-UE għandha tikkontribixxi b'mod attiv permezz ta' pożizzjonijiet koordinati. Għalhekk, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ambizzjoni tal-presidenza Franċiża li jmiss fl-2011 li tuża bis-sħiħ il-G20 u l-G8 għal dak l-għan.

    • Ir-relazzjoni transatlantika hija bbażata fuq valuri komuni u tikkostitwixxi element ċentrali tas-sistema internazzjonali. Iċ-ċirkostanzi attwali jappellaw biex jingħata impetu ġdid għal din ir-relazzjoni u għal riflessjoni mġedda dwar modi ta' kif tinħoloq sħubija vera bbażata fuq il-punti b'saħħithom u l-ispeċifiċitajiet rispettivi tagħna. Is-summit ta' Novembru 2010 mal-President Obama ser jikkostitwixxi opportunità vera f'dan ir-rigward u ser jeħtieġ preparazzjoni bir-reqqa. Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru ser jilħaq ftehim dwar il-messaġġi politiċi ċentrali li r-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea ser iġibu f'dan is-summit ewlieni. Abbażi ta' intendiment tajjeb tal-interessi reċiproċi u l-kontribuzzjonijiet rispettivi, is-sħubija transatlantika għandha tikkonċentra biex timmassimizza l-benefiċċji potenzjali tar-relazzjoni ekonomika tagħna, fuq ħidma aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet internazzjonali importanti u fuq il-konfrontazzjoni flimkien ta' sfidi ekonomiċi u ta' sigurtà globali b'mod ikkoordinat. B'rabta ma' dan, ir-Rappreżentant Għoli hija mistiedna tiżviluppa ideat dwar kif il-kooperazzjoni UE/NATO fil-maniġġar ta' kriżijiet, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tista' tissaħħaħ aktar. Dan għandu jsir fi spirtu ta' tisħiħ reċiproku u fir-rigward tal-awtonomija tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dwar miżuri konkreti mibgħuta mill-UE lin-NATO fi Frar 2010.

    • Il-Kunsill Ewropew ser jieħu kont tal-preparazzjonijiet għall-konferenza ta' Cancun dwar it-tibdil fil-klima fil-laqgħa tiegħu ta' Ottubru u jaqbel dwar il-pożizzjoni tal-UE. Cancun għandu jkun tarġa fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima, biex jintlaħaq qbil dwar riżultati konkreti li għandhom jitwettqu għall-parteċipanti kollha sabiex tinħoloq spinta u tinżamm id-direzzjoni t-tajba għal ftehim finali ambizzjuż.

    • Ir-riflessjoni li ġejja dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ser tipprovdi opportunità biex jiġu approfonditi r-relazzjonijiet mal-ġirien tal-Lvant tal-Unjoni permezz tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll mal-ġirien tan-nofsinhar tagħha. L-implimentazzjoni bla xkiel ta' proġetti mnedija fis-Sħubija tal-Lvant tikkostiwixxi l-komunikazzjoni tal-valuri tal-UE u tippromwovi l-approssimazzjoni legali, ekonomika u soċjali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE. It-tieni summit tal-Unjoni għall-Mediterran ser jipprovdi opportunità f'waqtha biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja u biex tiġi appoġġata t-tkomplija ta' negozjati diretti bejn il-partijiet fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani.

    • Ir-relazzjonijiet UE/Afrika bdew juru dinamika ġdida fis-snin riċenti. Is-Summit UE/Afrikat'Isfel tat-28 ta' Settembru 2010 u s-Summit UE/Afrika tad-29/30 ta' Novembru 2010 għandhom iservu biex japprofondixxu aktar ir-relazzjonijiet. L-UE, fi sħubija mal-pajjiżi Afrikani, ser tkompli ssegwi l-objettivi ta' żvilupp ekonomiku, governanza tajba, trasparenza u responsabbiltà fil-kuntest tal-Istrateġija konġunta UE/Afrika.

    • Il-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju ser titlaqqa' fi New York. L-Unjoni Ewropea hija impenjata bi sħiħ li tappoġġa l-kisba tal-MDG globalment sal-2015, flimkien mas-sħab fil-komunità internazzjonali.

    • Is-summits li ġejjin mal-Ukraina, f'Novembru, u mar-Russja, f'Diċembru, għandhom jintużaw biex japprofondixxu l-kooperazzjoni f'oqsma ta' benefiċċju reċiproku, sabiex ikun hemm aktar stabbiltà u prevedibbiltà f'dawk iż-żewġ relazzjonijiet importanti, kif ukoll biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem.

B'mod partikolari, is-summit mal-Ukraina għandu jġib progress fin-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles profond u komprensiv, u jissottolinja r-rwol tal-UE fir-riformi ekonomiċi u demokratiċi ta' dan il-ġar importanti.

Is-summit mar-Russja ser jipprovdi opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mar-Russja u biex tiġi diskussa b'mod partikolari l-aġenda ta' modernizzazzjoni tagħha. Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi bħall-enerġija, l-investiment u l-innovazzjoni, dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inklużi konflitti ffriżati, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u dwar kwistjonijiet ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima.

Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru ser jerġa' lura għall-messaġġi ewlenin tal-Unjoni Ewropea f'dawn is-summits sabiex jiġi żgurat eżitu li jagħti l-frott.

    • Waqt li tibni fuq is-summit ta' suċċess li sar din is-sena mal-imsieħba tagħha tal-Amerika Latina u tal-Karibew, l-UE hija impenjata li tkompli taħdem mill-qrib flimkien mal-pajjiżi tar-reġjun f'rispons għall-isfidi globali li qed niffaċċjaw.

* *

*

  • L-iżvilupp u l-istabbiltà tal-Pakistan huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tal-għargħar devastanti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha rreaġixxew b'żieda fl-għajnuna umanitarja bilaterali u multilaterali. Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar il-Pakistan (Anness II).

  • L-Unjoni Ewropea ser tibqa' impenjata u involuta b'mod attiv, inkluż permezz tal-Kwartett, fl-appoġġ u l-iżgurar tas-suċċess tan-negozjati bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana. Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (Anness III).

II. TASK FORCE DWAR IL-GOVERNANZA EKONOMIKA

  • Abbażi ta' rapport interim tal-President tat-Task Force dwar il-governanza ekonomika, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-progress importanti li sar, partikolarment fuq is-semestru Ewropew, fuq l-iżvilupp ta' qafas ġdid ta' sorveljanza makroekonomika għall-monitoraġġ u l-korrezzjoni f'waqthom ta' diverġenzi u żbilanċi insostenibbli fil-kompetittività u fuq it-tisħiħ tal-oqfsa fiskali nazzjonali.

  • Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm il-momentum fuq ir-riforma tal-governanza ekonomika Ewropea, u jistenna b'interess li jirċievi, għal-laqgħa tiegħu ta' Ottubru 2010, ir-rapport finali tat-Task Force, li jkopri l-aspetti kollha tal-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2010, waqt li jippreżenta pakkett komprensiv ta' miżuri li ser jiggwidaw il-ħidma leġislattiva.

ANNESS I

ARRANĠAMENTI INTERNI

GĦAT-TITJIB TAL-POLITIKA ESTERNA TAL-UNJONI EWROPEA

  • Waqt li jikkunsidra miżuri konkreti biex jittejjeb aktar b'mod ġenerali l-funzjonament tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew jappella għal approċċ aktar integrat, li jiżgura li l-istrumenti u l-linji ta' politika kollha rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali jiġu mobilizzati bis-sħiħ u b'mod koerenti, b'mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b'appoġġ għall-interessi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea. Fil-preparazzjonijiet għas-summits u l-avvenimenti internazzjonali għandu jittieħed kont sħiħ, tal-importanza ta' kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, il-politika dwar l-enerġija, il-kummerċ, l-iżvilupp jew il-kwistjonijiet dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni inkluż il-migrazzjoni u l-politika dwar il-viżi, f'negozjati mas-sħab u fil-livell internazzjonali. F'dan ir-rigward l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ aktar il-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-politiki interni u esterni tagħha. Il-prassi li jsiru dibattiti ta' orjentazzjoni kmieni qabel is-summits għandha tiġi żviluppata aktar, b'enfasi partikolari fuq l-istabbiliment ta' prijoritajiet u l-għoti ta' kompiti konkreti.

  • Jeħtieġ li jiġu żviluppati sinerġiji bejn ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet bilaterali tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi, sabiex, fejn adatt, dak li jsir fil-livell tal-Unjoni Ewropea jikkomplementa u jirrinforza dak li jsir fil-livell tal-Istati Membri u vice versa. Għandu jkun hemm kondiviżjoni aktar attiva u regolari ta' informazzjoni u konsultazzjoni dwar l-iżviluppi fil-livelli rispettivi, abbażi ta' kalendarju kurrenti tas-summits tal-UE u l-Istati Membri mas-sħab strateġiċi prinċipali.

  • Biex jiġi żgurat li r-rappreżentanti tal-UE jkunu jistgħu jiddefendu pożizzjonijiet koerenti dwar il-firxa kollha tal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, hija meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-atturi istituzzjonali differenti kollha involuti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea.

  • Fil-livell tal-Unjoni Ewropea inkiseb ħafna progress fil-preparazzjoni għas-summits multilaterali, partikolarment permezz tal-arranġamenti prattiċi milħuqa bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tal-UE fl-istrutturi tal-G8 u l-G20. Saret stedina biex ikomplu jaħdmu għat-titjib tal-mod li bih l-Unjoni Ewropea tipproġetta fehmietha f'fora bħal dawn.

  • L-Unjoni Ewropea teħtieġ stampa ċara tal-kwistjonijiet partikolari li jirriżultaw mir-relazzjonijiet mal-Istati sħab individwali. Hija teħtieġ tiżviluppa ppjanar fuq perijodu medju li jistabbilixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu matul iż-żmien, b'kull summit jikkonċentra fuq żewġ jew tliet kwistjonijiet prinċipali. Għalhekk il-Kunsill Ewropew jitlob lir-Rappreżentant Għoli, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni mal-Kunsill Affarijiet Barranin, biex tivvaluta l-prospetti tar-relazzjonijiet mas-sħab strateġiċi kollha, u tistabbilixxi b'mod partikolari l-interessi tagħna u l-mezzi possibbli biex dawn jintlaħqu. Ir-Rappreżentant Għoli hija mistiedna tippreżenta l-ewwel rapport ta' progress dwar din il-ħidma lill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2010. F'dan il-kuntest, għandu jkun hemm riflessjoni dwar il-frekwenza, il-format u l-eżitu ta' dawk is-summits, li għandhom ikunu orjentati aħjar biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-President tiegħu, f'kooperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, biex jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa bil-ħsieb li jitjieb il-proċess.

  • Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ser ikun strument kruċjali fl-appoġġ għall-isforzi lejn it-tisħiħ tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea. Fil-livell tas-servizz, huwa ser, taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, jipprovdi appoġġ lill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rigward is-sintesi strateġika u l-koordinazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

_____________________

ANNESS II

Dikjarazzjoni dwar il-Pakistan

  • Il-Kunsill Ewropew huwa xxukkjat bl-impatt devastanti tal-għargħar fil-Pakistan li jkomplu jeqirdu l-għixien u l-komunitajiet fil-pajjiż kollu. L-iskala tad-diżastru hija mingħajr preċedent fl-istorja tal-Pakistan. L-ispiża fi ħtiġijiet umanitarji u għall-ekonomija diġà fraġli tiegħu hija immensa. Is-severità ta' din il-kriżi titlob rispons immedjat u sostanzjali, waqt li jittieħed kont ukoll tal-importanza strateġika tal-iżvilupp, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Pakistan fir-reġjun. Wara t-tieni Summit UE-Pakistan li sar f'Ġunju li għadda, il-Kunsill Ewropew itenni l-intenzjoni tiegħu li jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi. Sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni u l-ġlieda kontra n-narkotiċi, huwa kruċjali li l-Pakistan ikun stabbli, demokratiku u prosperuż. Governanza tajba ser tkun kruċjali wkoll biex tiġi żgurata rikostruzzjoni malajr tal-pajjiż.

  • Il-Kunsill Ewropew ifakkar fl-isforzi riċenti tal-UE (l-Istati Membri u l-Kummissjoni) b'rispons għall-kriżi, notevolment il-provvista ta' għajnuna umanitarja sinifikanti. Huwa jirrikonoxxi l-importanza ta' aktar appoġġ għall-Pakistan biex ikun hemm għajnuna immedjata u assistenza fit-tul għall-irkupru u r-rikostruzzjoni.

  • Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti mandat lill-Ministri biex jaqblu b'mod urġenti dwar pakkett komprensiv ta' miżuri għall-perijodu qasir, medju u fit-tul li ser jgħinu biex jirfdu l-irkupru u l-iżvilupp futur tal-Pakistan. Dawn għandhom jinkludu assistenza umanitarja u ta' żvilupp addizzjonali sinifikanti kif ukoll miżuri kummerċjali ambizzjużi għall-irkupru u t-tkabbir ekonomiku. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-impenn determinat tiegħu li jagħti esklużivament lill-Pakistan aċċess miżjud għas-suq fl-UE permezz tat-tnaqqis immedjat u b'limitu ta' żmien ta' dazji fuq l-importazzjonijiet ewlenin mill-Pakistan f'konformità mar-regoli tal-WTO, li għandu jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli, u biex jimpenja ruħhu għall-eliġibbiltà tal-Pakistan għall-GSP+ għall-2014, bil-kondizzjoni li huwa jissodisfa l-kriterji poltiċi meħtieġa. Il-Kummissjoni mistiedna tesplora l-għażliet mal-imsieħba tal-WTO u tippreżenta l-proposta finalizzata tagħha f'Ottubru b'kont meħud ta' sensitivitajiet industrijali fl-UE.

ANNESS III

Dikjarazzjoni dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani

L-Unjoni Ewropea tilqa' bis-sħiħ it-tnedija tan-negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, imħabbra f'Washington fit-2 ta' Settembru 2010, u tifraħ lill-Iżraeljani, lill-Palestinjani u lill-Istati Uniti kif ukoll lill-Kwartett u lill-imsieħba Għarab għall-isforzi tagħhom. Id-deċiżjoni mill-partijiet biex jimpenjaw ruħhom f'taħdidiet sostantivi tirrappreżenta pass maġġuri fit-triq lejn paċi ġusta, dejjiema u komprensiva fir-reġjun.

Waqt li tfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2009 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Unjoni Ewropea tenfasizza li dawn in-negozjati dwar il-kwistjonijiet kollha dwar l-istat finali għandhom iwasslu għal soluzzjoni ta' żewġ stati bl-Istat tal-Iżrael u Stat indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli tal-Palestina, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà.

F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea tqis li huwa indispensabbli li ż-żewġ partijiet josservaw il-kalma u t-trażżin u jibqgħu lura minn azzjonijiet li jistgħu jaffetwaw b'mod negattiv il-progress tan-negozjati. Hija tappella liż-żewġ partijiet biex iżommu l-impenji preċedenti u jaħdmu biex joħolqu ambjent li jwassal għal eżitu ta' suċċess. L-Unjoni Ewropea tfakkar li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali u tappella għal estensjoni tal-moratorju deċiż mill-Iżrael. Hija tkompli tappella għal waqfien komplet ta' kull vjolenza, b'mod partikolari sparar ta' rokits u attakki terroristiċi.

L-Unjoni Ewropea ser tagħmel kull sforz, flimkien mal-imsieħba tagħha fil-Kwartett kif ukoll l-imsieħba Għarab, biex tappoġġa l-isforzi mmexxija mill-Istati Uniti għal negozjati ta' suċċess li jwasslu għal ftehim qafas fi żmien sena, li hu fl-interess tal-Iżraeljani u l-Palestinjani, il-popli tar-reġjun u l-komunità internazzjonali. L-Unjoni Ewropea hija l-ewwel donatur għall-Palestinjani u msieħba politika u ekonomika kruċjali għaż-żewġ partijiet kif ukoll ġirien tagħhom. F'dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-Unjoni Ewropea ser tibqa' impenjata u involuta b'mod attiv, inkluż permezz tal-Kwartett, biex tappoġġa u tiżgura s-suċċess tan-negozjati u tistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tkompli tassoċja bis-sħiħ lill-Unjoni Ewropea mal-isforzi li għaddejjin. L-Unjoni Ewropea tenfasizza l-ħtieġa li l-Kwartett ikompli jkollu rwol essenzjali fil-proċess ta' paċi. Hija tenfasizza wkoll l-importanza kruċjali li jitkompla l-proċess ta' bini tal-Istat Palestinjan li l-Unjoni Ewropea ser tkompli tappoġġa b'mod attiv, inkluż l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Fayyad.

Waqt li tfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2010 dwar Gaża, l-Unjoni Ewropea tenfasizza wkoll li biex il-paċi tkun sostenibbli, jeħtieġ li tinsab soluzzjoni dejjiema għal Gaża. Hija tilqa' l-miżuri riċenti mħabbra mill-gvern Iżraeljan bħala pass importanti 'l quddiem. Hija tappella għal implimentazzjoni sħiħa u miżuri komplimentari sabiex tinkiseb bidla fundamentali tal-politika li tippermetti r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' Gaża. L-UE offriet l-assistenza tagħha għall-kisba ta' dan l-objettiv. L-Unjoni Ewropea tappella għal soluzzjoni li tindirizza t-tħassib leġittimu tal-Iżrael dwar is-sigurtà.

L-Unjoni Ewropea tfakkar li l-paċi fil-Lvant Nofsani għandha tkun komprensiva u ttenni l-importanza tan-negozjati fuq il-binarji Iżrael-Sirja u Iżrael-Libanu.


Side Bar