Navigation path

Left navigation

Additional tools

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES 17 juin 2010 CONCLUSIONS DE LA PRÉSIDENCE

European Council - DOC/10/2   17/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

D/10/2

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
COMMISSION EUROPÉENNE

TEXTE MT

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES
17 juin 2010
CONCLUSIONS DE LA PRÉSIDENCE

_________________

________________________

    L-UE ffaċċjat il-kriżi finanzjarja dinjija b'determinazzjoni komuni u għamlet dak li kien meħtieġ biex tissalvagwardja l-istabbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. B'mod partikolari, f'Mejju intlaħaq qbil dwar pakkett ta' appoġġ għall-Greċja kif ukoll dwar mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja u Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, li ġie ffinalizzat f'Ġunju. Aħna konna u għadna qegħdin inħejju s-sisien għal governanza ekonomika ferm aktar b'saħħitha. Aħna nibqgħu impenjati li nieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex nerġgħu nagħtu lill-ekonomiji tagħna prospettiva ta' tkabbir sostenibbli u li joħloq l-impjiegi.

    Għal dak il-għan, illum:

  • aħna nadottaw "Ewropa 2020", l-istrateġija l-ġdida tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Din tikkostitwixxi qafas koerenti għall-Unjoni biex timmobbilizza l-istrumenti u l-linji ta' politika kollha tagħha u għall-Istati Membri biex jieħdu azzjoni koordinata msaħħa. Hija ser tippromwovi t-twettiq ta' riformi strutturali. Issa l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni, u aħna ser niggwidaw u nissorveljaw dan il-proċess. Matul ix-xhur li ġejjin, aħna ser inkomplu niddiskutu dwar kif jistgħu jiġu mmobbilizzati linji ta' politika speċifiċi biex jiġi żblukkat il-potenzjal ta' tkabbir tal-UE, l-ewwel nett il-linji ta' politika dwar l-innovazzjoni u l-enerġija;

  • aħna nirriaffermaw id-determinazzjoni kollettiva tagħna li niżguraw is-sostenibbiltà fiskali, inkluż billi naċċelleraw il-pjani għall-konsolidazzjoni fiskali fejn meħtieġ;

  • aħna nikkonfermaw l-impenn tagħna li niżguraw l-istabbiltà finanzjarja billi nindirizzaw il-lakuni fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-G20. Aħna naqblu li navvanzaw b'mod rapidu fir-rigward ta' miżuri leġislattivi prinċipali sabiex il-korpi superviżorji l-ġodda jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mill-bidu tas-sena d-dieħla u jistabbilixxu pożizzjoni ambizzjuża li għandha tittieħed mill-UE fis-Summit ta' Toronto;

  • aħna naqblu kompletament dwar il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-linji ta' politika ekonomiċi tagħna. Aħna naqblu dwar l-ewwel orjentazzjonijiet rigward il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tas-sorveljanza baġitarja kif ukoll sorveljanza makroekonomika usa'. Aħna nistennew b'interess ir-rapport finali tat-Task Force f'Ottubru.

I. STRATEĠIJA EWROPEA ĠDIDA GĦALL-IMPJIEGI U T-TKABBIR

Finalizzazzjoni u implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

  • Illum, il-Kunsill Ewropew iffinalizza l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. L-istrateġija ser tgħin lill-Ewropa biex tirkupra mill-kriżi u toħroġ minnha aktar b'saħħitha, kemm internament kif ukoll fil-livell internazzjonali, billi tingħata spinta lill-kompetittività, il-produttività, il-potenzjal tat-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza ekonomika. L-istrateġija l-ġdida twieġeb għall-isfida tar-riorjentazzjoni tal-linji ta' politika lil hinn mill-ġestjoni tal-kriżi lejn l-introduzzjoni ta' riformi fuq perijodu medju u twil li jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi u jiżguraw s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, fost l-oħrajn permezz tar-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet.

  • L-Istati Membri huma ddeterminati li jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali u jiksbu l-miri baġitarji mingħajr dewmien. Huma ser ikomplu jadottaw veloċità differenzjata fil-konsolidazzjoni fiskali b'kont meħud tar-riskji kemm fiskali kif ukoll dawk li mhumiex fiskali. Diversi Stati Membri reċentement saħħew u pprijoritizzaw l-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni baġitarja. L-Istati Membri kollha huma lesti, jekk meħtieġ, li jieħdu miżuri addizzjonali biex jaċċelleraw il-konsolidazzjoni fiskali. Għandha tingħata prijorità lill-istrateġiji ta' konsolidazzjoni baġitarja li jiffavorixxu t-tkabbir iffukati prinċipalment fuq it-trażżin tal-infiq. Li jiżdied il-potenzjal ta' tkabbir għandu jitqies ta' importanza kbira biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament fiskali fit-tul.

  • Il-Kunsill Ewropew jikkonferma l-ħames miri ewlenin tal-UE (anness I) li ser jikkostitwixxu l-objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri u l-Unjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-impjiegi; it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp; il-kisba tal-objettivi tagħna dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija; it-titjib tal-livelli tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar. Huwa jaqbel dwar il-kwantifikazzjoni tal-indikaturi dwar l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali/il-faqar, kif maqbula mill-Kunsill. Huwa jagħti l-approvazzjoni politika tiegħu għal-Linji Gwida Integrati għall-politika ekonomika u dwar l-impjiegi, li ser ikunu adottati formalment b'segwitu għall-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-linja politika dwar l-impjiegi. Il-linji gwida ser ikomplu jkunu l-bażi ta' kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu konformi kompletament mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u r-regoli tal-UE u m'għandhomx jalteraw il-kompetenzi tal-Istati Membri, pereżempju f'oqsma bħall-edukazzjoni.

  • L-Istati Membri issa jeħtieġ jaġixxu biex jimplimentaw dawn il-prijoritajiet ta' politika fil-livell tagħhom. Huma għandhom, fi djalogu mill-qrib mal-Kummissjoni, jiffinalizzaw rapidament il-miri nazzjonali tagħhom, b'kont meħud tal-pożizzjonijiet inizjali relattivi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, u skont il-proċeduri nazzjonali tagħhom ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Huma għandhom ukoll jidentifikaw l-ostakoli prinċipali għat-tkabbir u jindikaw, fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom, kif biħsiebhom jindirizzawhom. Ser jiġi rieżaminat regolarment il-progress fir-rigward tal-miri ewlenin.

  • Ser ikun meħtieġ li l-linji politiċi komuni kollha, inkluża l-politika agrikola komuni u l-politika ta' koeżjoni, jappoġġaw l-istrateġija. Settur agrikolu sostenibbli, produttiv u kompetittiv ser jagħti kontribut importanti għall-istrateġija l-ġdida, meta jitqies il-potenzjal tat-tkabbir u l-impjiegi taż-żoni rurali filwaqt li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll tal-iżvilupp tal-infrastruttura sabiex isir kontribut għas-suċċess tal-istrateġija l-ġdida. Għandu jsir użu sħiħ mid-dimensjoni esterna tal-istrateġija, b'mod partikolari permezz tal-istrateġija kummerċjali li l-Kummissjoni ser tippreżenta sa tmiem is-sena. L-isforzi għandhom ifittxu li jindirizzaw l-ostakoli ewlenin li jfixklu t-tkabbir fil-livell tal-UE, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern u l-infrastruttura, kif ukoll il-ħtieġa għal politika komuni dwar l-enerġija u politika industrijali ambizzjuża ġdida.

  • B'mod partikolari, is-Suq Uniku Ewropew għandu jitmexxa għal stadju ġdid, permezz ta' sett komprensiv ta' inizjattivi. Il-Kunsill Ewropew jilqa' r-rapport ippreżentat mis-Sur Mario Monti dwar strateġija għas-Suq Uniku u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti segwitu għalih billi tippreżenta proposti konkreti. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għal din il-kwistjoni f'Diċembru 2010.

  • B'segwitu għall-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel inizjattiva prominenti dwar l-'Aġenda Diġitali għall-Ewropa', il-Kunsill Ewropew japprova l-istabbiliment ta' aġenda ta' azzjoni ambizzjuża bbażata fuq proposti konkreti u jappella lill-istituzzjonijiet kollha biex jinvolvu ruħhom fl-implimentazzjoni sħiħa tagħha, inkluż il-ħolqien ta' suq uniku diġitali li jiffunzjona kompletament sal-2015. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta dwar il-progress li nkiseb sal-aħħar tal-2011.

  • Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-preżentazzjoni ta' inizjattivi prominenti oħrajn qabel tmiem is-sena.

Tisħiħ tal-governanza ekonomika

  • Il-kriżi żvelat nuqqasijiet ċari fil-governanza ekonomika tagħna, b'mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza baġitarja u dik makroekonomika usa'. Għaldaqstant, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jikkostitwixxi prijorità kruċjali u urġenti.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' r-rapport ta' progress tal-President tat-Task Force dwar il-governanza ekonomika u jaqbel dwar l-ewwel sensiela ta' orjentazzjonijiet.

  • Ir-regoli preżenti dwar id-dixxiplina baġitarja għandhom ikunu implimentati kompletament. Fir-rigward tat-tisħiħ tagħhom, il-Kunsill Ewropew jaqbel dwar l-orjentazzjonijiet li ġejjin:

  • it-tisħiħ tal-parti kemm preventiva kif ukoll korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, b'sanzjonijiet marbuta mat-triq tal-konsolidazzjoni lejn l-objettiv għall-perijodu medju; dawn ser jiġu rieżaminati biex tinkiseb sistema koerenti u progressiva, li tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Ser jittieħed kont debitu tas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri li huma membri taż-żona tal-euro u l-obbligi rispettivi tal-Istati Membri skont it-Trattati għandhom jiġu rispettati kompletament;

  • L-għoti, fis-sorveljanza baġitarja, ta' rwol ferm aktar prominenti lil-livelli u l-evoluzzjonijiet ta' dejn u s-sostenibbiltà ġenerali, kif previst oriġinarjament fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

  • mill-2011 'il quddiem, fil-kuntest ta' "Semestru Ewropew", il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rebbiegħa tal-Programmi għall-Istabbiltà u l-Konverġenza għas-snin li ġejjin, b'kont meħud tal-proċeduri baġitarji nazzjonali;

  • jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli baġitarji nazzjonali u oqfsa baġitarji għall-perijodu medju f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; l-effetti tagħhom għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u l-Kunsill;

  • l-iżgurar tal-kwalità tad-data statistika, li hija essenzjali għal politika baġitarja soda u sorveljanza baġitarja; l-uffiċċji tal-istatistika għandhom ikunu totalment indipendenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti tad-data.

  • Rigward is-sorveljanza makroekonomika, huwa jaqbel dwar l-orjentazzjonijiet li ġejjin:

  • l-iżvilupp ta' tabella ta' valutazzjoni biex jiġu vvalutati aħjar l-iżviluppi u l-iżbilanċi fil-kompetittività u jippermetti li jinkixfu minn kmieni tendenzi li mhumiex sostenibbli jew li huma perikolużi;

  • l-iżvilupp ta' qafas effettiv ta' sorveljanza, li jirrifletti s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

  • Il-Kunsill Ewropew jistieden lit-Task Force u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw ulterjorment u malajr dawn l-orjentazzjonijiet u jagħmluhom operattivi. Huwa jistenna b'interess ir-rapport finali tat-Task Force, li jkopri l-ambitu sħiħ tal-mandat tagħha, għal-laqgħa tiegħu f'Ottubru 2010.

Regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji

  • Ir-riformi meħtieġa biex jerġgħu jinkisbu s-solidità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ewropea għandhom jitlestew b'mod urġenti. Għandhom jiġu żgurati r-reżiljenza u t-trasparenza tas-settur bankarju. Huwa essenzjali li jsir progress fix-xhur li ġejjin. Il-Kunsill Ewropew jaqbel li r-riżultati tat-testijiet dwar l-istress li għaddejjin bħalissa mis-superviżuri bankarji ser jiġu żvelati sa mhux aktar tard mit-tieni nofs ta' Lulju. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ir-Regolamentazzjoni tas-Servizzi Finanzjarji għal tkabbir sostenibbli" tat-2 ta' Ġunju 2010 tistabbilixxi lista komprensiva ta' inizjattivi li jeħtieġ li jittieħdu u jitlestew qabel tmiem l-2011. L-UE għandha turi d-determinazzjoni tagħha li tikseb sistema finanzjarja aktar sigura, aktar soda, aktar trasparenti u aktar responsabbli.

  • B'mod partikolari, il-Kunsill Ewropew:

    a) jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw b'mod rapidu l-proposti leġislattivi dwar is-superviżjoni finanzjarja biex jiżguraw li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikunu jistgħu jibdew jaħdmu mill-bidu tal-2011;

    b) jappella għal qbil dwar il-proposta leġislattiva dwar amministraturi ta' fondi ta' investiment alternattivi qabel is-sajf u għal eżami rapidu tal-proposta tal-Kummissjoni dwar it-titjib tas-superviżjoni mill-UE tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu;

    c) jistenna b'interess il-proposti mħabbra mill-Kummissjoni dwar is-swieq tad-derivattivi u b'mod partikolari miżuri adegwati dwar bejgħ skopert (inkluż bejgħ skopert irregolari) u credit default swaps.

  • Il-Kunsill Ewropew jaqbel li l-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta' imposti u taxxi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji biex tkun żgurata kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet u biex jiġu stabbiliti inċentivi biex jitrażżan ir-riskju sistemiku. {1>1<1} Dawn l-imposti jew it-taxxi għandhom ikunu parti minn qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli. Hija meħtieġa urġentement aktar ħidma dwar il-karatteristiċi ewlenin tagħhom u għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa l-kwistjonijiet marbuta mal-kondizzjonijiet ekwivalenti u l-impatti kumulattivi ta' diversi miżuri regolatorji. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex imexxu 'l quddiem din il-ħidma u jirrapportaw lura f'Ottubru 2010.

II. SUMMIT TAL-G20 TA' TORONTO

  • Ir-rispons tal-Unjoni għall-kriżi għandu jkompli jkun ikkoordinat fil-livell mondjali biex ikun żgurat li l-miżuri jkunu internazzjonalment konsistenti. Permezz tal-azzjoni li qed tieħu biex iżżid il-kompetittività, tikkonsolida l-finanzi pubbliċi u tirriforma s-settur finanzjarju tagħha hi ser tkun tista' tippreżenta pożizzjonijiet b'saħħithom għal azzjoni simili internazzjonali fis-Summit tal-G20 li ġej. L-UE għandha tmexxi l-isforzi biex jiġi stabbilit approċċ mondjali għall-introduzzjoni ta' sistemi għal imposti u taxxi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji bil-ħsieb li jkun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti fid-dinja kollha u ser tiddefendi bis-sħiħ din il-pożizzjoni mas-sħab tagħha tal-G20. L-introduzzjoni ta' taxxa ta' transazzjoni finanzjarja mondjali għandha tiġi esplorata u żviluppata aktar f'dak il-kuntest.

  • Bil-ħsieb tas-Summit ta' Toronto, il-Kunsill Ewropew jikkonferma l-orjentazzjonijiet maqbula mill-Kunsill u riflessi fit-Termini ta' Referenza mħejjija għal-Laqgħa Ministerjali ta' Busan. Fid-dawl tar-riskji kbar li ħruġ tardiv mill-istimulu fiskali straordinarju joħloq għas-sostenibbiltà tal-kontijiet pubbliċi, il-G20 għandu jaqbel dwar strateġija koordinata u differenzjata ta' ħruġ biex ikunu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli. L-ekonomiji kbar kollha jeħtieġu li jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jiksbu l-objettiv miftiehem ta' tkabbir b'saħħtu, sostenibbli u ekwilibrat. Il-G20 għandu jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għar-riforma tas-sistema finanzjarja u jagħmel progress rapidu b'mod konsistenti u koordinat fuq il-firxa kollha ta' azzjonijiet maqbula f'Pittsburgh, sabiex jissaħħu r-reżiljenza u t-trasparenza tas-sistema finanzjarja tagħna, inkluż permezz ta' kapital addizzjonali ta' kwalità aħjar u riżervi ġodda ta' likwidità. Fil-FMI għandhom jiġu rieżaminati l-kwoti bħala parti mill-pakkett usa' tal-kwistjonijiet ta' governanza tal-FMI, li għandu jkopri l-elementi kollha maqbula f'Pittsburgh u Istanbul, u jitlesta, bħala pakkett uniku u komprensiv sa Novembru 2010.

III. GĦANIJIET TA' ŻVILUPP TAL-MILLENNJU

  • Il-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli li jmiss tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tikkostitwixxi opportunità unika għat-tisħiħ tal-isforzi kollettivi tagħna u s-sħubiji tagħna mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu eliminati l-faqar, il-ġuħ u l-inugwaljanza mondjali. Il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju jipprovdu lill-Unjoni Ewropea pożizzjoni b'saħħitha għal din il-laqgħa.

  • L-Unjoni Ewropea tibqa' ddeterminata li tappoġġa l-kisba tal-MDGs globalment sal-2015. Dan huwa possibbli jekk is-sħab kollha juru impenn politiku sod, jimplimentaw il-bidliet meħtieġa fil-politika u jieħdu azzjoni konkreta. L-Unjoni Ewropea tappella lil-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli biex isir qbil dwar azzjonijiet konkreti bil-għan li: tiżdied l-appartenenza mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; isiru sforzi ffukati; jittejjeb l-impatt tal-linji ta' politika; jiġi mmobbilizzat aktar finanzjament prevedibbli għall-iżvilupp, inklużi għejun innovattivi ta' finanzjament; u jsir użu aktar effettiv tar-riżorsi tal-iżvilupp. Il-Kunsill Ewropew jirriafferma l-impenn tiegħu għall-kisba ta' miri ta' għajnuna għall-iżvilupp sal-2015 kif stabbilit fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2005. Il-Kunsill Ewropew jaqbel li jirritorna għal dan annwalment abbażi ta' rapport mill-Kunsill.

IV. TIBDIL FIL-KLIMA

  • Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tanalizza l-opzjonijiet biex isir tnaqqis ta' aktar minn 20% fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u li tivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni ta' emissjonijiet tal-karbonju. F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju, il-Kummissjoni ser twettaq aktar analiżijiet, inklużi l-konsegwenzi għal kull Stat Membru, u l-Kunsill ser ikompli jeżamina l-kwistjonijiet li tqajmu fil-komunikazzjoni. Kif hemm fir-rapport tal-ECOFIN, l-UE u l-Istati Membri tagħha avvanzaw fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom dwar il-finanzjament rapidu għall-2010 u ser jirrapportaw fil-Konferenza ta' Cancun b'mod ikkoordinat dwar il-progress li nkiseb. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għat-tibdil fil-klima fil-ħarifa, qabel il-Konferenza ta' Cancun.

V. KWISTJONIJIET OĦRA

  • Il-Kunsill Ewropew jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li nkisbet mill-Grupp ta' Riflessjoni. Ir-Rapport tal-grupp dwar il-"Proġett Ewropa 2030 - Sfidi u Opportunitajiet" ser jipprovdi kontribut utli għall-ħidma tal-Unjoni Ewropea fil-futur.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-progress li nkiseb fl-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil u japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3/4 ta' Ġunju.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għal sħubija fl-UE u r-rakkomandazzjoni li n-negozjati għall-adeżjoni għandhom jibdew. Wara li kkunsidra l-applikazzjoni abbażi tal-Opinjoni u l-Konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2006 dwar il-kunsens imġedded għat-tkabbir, huwa jinnota li l-Islanda tissodisfa l-kriterji politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u jiddeċiedi li għandhom jibdew in-negozjati għall-adeżjoni.

  • Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill biex jadotta Qafas ġenerali ta' Negozjar. Huwa jfakkar li l-mira tan-negozjati ser tkun l-adozzjoni b'mod integrali mill-Islanda tal-acquis tal-UE u li jkunu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tiegħu, filwaqt li jiġu indirizzati l-obbligi eżistenti bħal dawk identifikati mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA taħt il-Ftehim taż-ŻEE, u oqsma debboli oħrajn identifikati fl-Opinjoni tal-Kummissjoni, inkluż fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-impenn tal-Islanda li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u jesprimi fiduċja li l-Islanda ser twettaq b'mod attiv l-isforzi tagħha biex issolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha. Il-Kunsill Ewropew jikkonferma li n-negozjati ser ikunu bbażati fuq il-merti proprji tal-Islanda u li l-pass ser jiddependi mill-progress li tagħmel l-Islanda biex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas ta' negozjar, li ser jindirizza fost oħrajn ir-rekwiżiti ta' hawn fuq.

  • Il-Kunsill Ewropew jifraħ lill-Estonja dwar il-konverġenza li kisbet, ibbażata fuq linji ta' politika ekonomiċi u finanzjarji sodi, u jilqa' l-fatt li ssodisfat il-kriterji ta' konverġenza kollha kif stabbiliti fit-Trattat. Huwa jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-Estonja tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2011.

  • Il-Kunsill Ewropew jadotta Dikjarazzjoni dwar l-Iran (anness II).

  • Filwaqt li jikkonferma l-Konklużjonijiet preċedenti tiegħu ta' Diċembru 2008 u Ġunju 2009, u b'segwitu għad-Deċiżjoni tiegħu ta' Diċembru 2009 biex jiġu eżaminati miżuri transitorji fir-rigward taż-żieda ta' 18-il siġġu fil-Parlament Ewropew sal-aħħar tal-leġislatura parlamentari preżenti 2009-2014, il-Kunsill Ewropew jadotta Deċiżjoni (dok. EUCO 11/10) biex iwettaq il-proċedura meħtieġa għall-adozzjoni ta' dawk il-miżuri.

________________________

ANNESS I

STRATEĠIJA EWROPEA ĠDIDA GĦALL-IMPJIEGI U T-TKABBIR

MIRI EWLENIN TAL-UE

  • jiġi mmirat li r-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena togħla għal 75%, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u tal-ħaddiema bi ftit kwalifiki u permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-migranti legali;

  • jittejbu l-kondizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp, b'mod partikolari bl-għan li l-livelli tat-totalità ta' investiment pubbliku u privat f'dan is-settur jogħlew għal 3% tal-PDG; il-Kummissjoni ser telabora indikatur li jirrifletti l-intensità tar-R&Ż u l-innovazzjoni;

  • jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra b'20% meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jiżdied għal 20% l-proporzjon ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija; u li noqorbu lejn żieda ta' 20% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

l-UE hija impenjata li tieħu deċiżjoni li tasal għal tnaqqis ta' 30% sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 bħala l-offerta kondizzjonali tagħha bil-ħsieb ta' ftehim mondjali u komprensiv għall-perijodu wara l-2012, dment li pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;

- jittejbu l-livelli tal-edukazzjoni, b'mod partikolari bl-għan li titnaqqas ir-rata ta' persuni li joħorġu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10% u billi jiżdied għal mill-inqas 40% l-proporzjon ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li jkunu kisbu livell ta' edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti;1

- tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, bil-għan li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni.2

_____________________

ANNESS II

DIKJARAZZJONI DWAR L-IRAN

  • Il-Kunsill Ewropew jissottolinja t-tħassib dejjem akbar tiegħu dwar il-programm nukleari tal-Iran u jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-Riżoluzzjoni 1929 li tintroduċi miżuri restrittivi ġodda kontra l-Iran.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-isforzi reċenti tal-Brażil u t-Turkija biex jiġi żgurat progress rigward il-Ftehim dwar ir-Reattur ta' Riċerka ta' Teħeran (RRT) propost lill-Iran mill-IAEA f'Ottubru 2009. Ftehim sodisfaċenti mal-Iran dwar l-RRT jista' jservi ta' miżura għall-bini ta' fiduċja. Madankollu, il-Kunsill Ewropew jenfasizza li dan ma jindirizzax il-qofol tal-kwistjoni nukleari tal-Iran. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-Iran biex jidħol f'negozjati dwar il-programm nukleari tiegħu.

  • Il-Kunsill Ewropew jirriafferma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-Iran taħt it-TNP. Il-Kunsill Ewropew jiddispjaċih ħafna li l-Iran ma ħax l-għadd kbir ta' opportunitajiet li ġew offruti lilu biex jitneħħa t-tħassib tal-komunità internazzjonali dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan. Id-deċiżjoni mill-Iran biex jarrikkixxi l-uranju għal-livell ta' 20 fil-mija, kuntrarjament għall-obbligi internazzjonali tiegħu skont ir-Riżoluzzjonijiet eżistenti tal-KSNU u l-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA kompliet iżżid dan it-tħassib. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jinnota l-aħħar rapport tal-IAEA tal-31 ta' Mejju.

  • F'dawn iċ-ċirkostanzi, miżuri restrittivi ġodda issa saru inevitabbli. Il-Kunsill Ewropew, filwaqt li jfakkar fid-Dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2009 u fid-dawl tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill Affarijiet Barranin sussegwentement, jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin biex fis-sessjoni tiegħu li jmiss jadotta miżuri li jimplimentaw dawk li jinsabu fir-Riżoluzzjoni 1929 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll il-miżuri li jakkumpanjawhom, bil-ħsieb tal-appoġġ għar-riżoluzzjoni tat-tħassib pendenti kollu rigward l-iżvilupp mill-Iran ta' teknoloġiji sensittivi b'appoġġ għall-programm nukleari u dak missilistiku tiegħu, permezz tan-negozjati. Dawn għandhom jiffukaw fuq l-oqsma tal-kummerċ, speċjalment l-oġġetti b'użu doppju u aktar restrizzjonijiet fuq l-assigurazzjoni dwar l-iskambji kummerċjali; is-settur finanzjarju, inkluż l-iffriżar tal-assi ta' banek Iranjani addizzjonali u restrizzjonijiet fuq is-settur bankarju u l-assigurazzjoni; is-settur tat-trasport Iranjan, b'mod partikolari l-Kumpannija Marittima tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (IRISL) u s-sussidjarji tagħha u t-trasport tal-merkanzija bl-ajru; setturi prinċipali tal-industrija tal-gass u taż-żejt bi projbizzjoni ta' investiment ġdid, assistenza teknika u trasferimenti ta' teknoloġiji, tagħmir u servizzi relatati ma' dawn l-oqsma, b'mod partikolari relatati mar-raffinar, il-likwifikazzjoni u t-teknoloġija tal-LNG; u projbizzjonijiet ġodda fuq il-viżi u l-iffriżar tal-assi speċjalment fir-rigward tal-Korpi tal-Gwardja Revoluzzjonarja Iżlamika (IRGC).

  • Il-Kunsill Ewropew jikkonferma għal darb'oħra l-impenn tal-Unjoni Ewropea li taħdem għal soluzzjoni diplomatika dwar il-kwistjoni tal-programm nukleari tal-Iran. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Iran biex juri r-rieda tiegħu li jibni l-fiduċja tal-komunità internazzjonali u li jwieġeb għall-istedina biex jitkomplew in-negozjati, u jirriafferma l-validità tal-proposti ta' Ġunju 2008 li saru lill-Iran.

  • Jeħtieġ li jsir negozjar serju dwar il-programm nukleari tal-Iran u kwistjonijiet oħrajn ta' interess reċiproku. Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tinsab lesta li tkompli bit-taħditiet f'dan ir-rigward.

1 :

Ir-Repubblika Ċeka tirriżerva d-dritt tagħha li ma tintroduċix dawn il-miżuri.

1 :

Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu u jimplimentaw miri kwantitattivi fil-qasam tal-edukazzjoni.

2 :

Il-popolazzjoni hi definita bħala n-numru ta' persuni li huma fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni skont tliet indikaturi: (f'riskju ta' faqar, privazzjoni materjali; familji mingħajr impjieg), li jħallu lill-Istati Membri fil-libertà li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom abbażi tal-indikaturi l-aktar adatti, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website