Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW 10/11 TA' DIĊEMBRU 2009 KONKLUŻJONIJIET

European Council - DOC/09/6   11/12/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK BG RO

D/09/6

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
COMMISSION DES COMMUNAUTÉS EUROPÉENNES

TEXTE MT

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES
10 & 11 décembre 2009
CONCLUSIONS DE LA PRÉSIDENCE



KUNSILL EWROPEW

Brussell, 11 ta' Diċembru 2009

(OR. en)

EU CO 6/09

CO EUR 6

CONCL 4

NOTA TA' TIFSIR

minn:

Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

lil:

Delegazzjonijiet

Suġġett:

KUNSILL EWROPEW

10/11 TA' DIĊEMBRU 2009

KONKLUŻJONIJIET

Id-delegazzjonijiet isibu mehmuż il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (10/11 Diċembru 2009).

________________________

It-Trattat il-ġdid ta' Lisbona ser jippermetti li l-Unjoni tikkonċentra kompletament fuq l-indirizzar tal-isfidi li ġejjin. Il-ħidma ser tkompli fix-xhur li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-adozzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-inizjattivi taċ-ċittadini. Waqt li jinnota li s-sitwazzjoni ekonomika qed tibda turi sinjali ta' stabbilizzazzjoni, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' strateġiji kredibbli u kkoordinati għall-ħruġ mil-linji ta' politika ta' stimolu fuq bażi wiesgħa ladarba l-irkupru jiġi żgurat kompletament. Matul ix-xhur li għaddew l-UE għamlet progress tajjeb fit-tisħiħ tal-qafas regolatorju tagħha, b'mod partikolari bil-qbil milħuq mill-Kunsill dwar struttura fundamentalment ġdida għas-sorveljanza finanzjarja fl-Ewropa. Minħabba l-isfidi strutturali importanti li qed tiffaċċja l-UE, huwa meħtieġ li jiġi evalwat l-impatt tal-Istrateġija ta' Lisbona u li tiġi żviluppata strateġija ġdida li wkoll twieġeb għal sfidi ġodda. Il-Kunsill Ewropew adotta programm pluriennali ġdid għas-snin 2010-2014, il-Programm ta' Stokkolma, li ser jippermetti l-iżvilupp ulterjuri ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-Kunsill Ewropew skambja fehmiet dwar kif l-UE tista' tikkontribwixxi bl-aħjar mod għal riżultat b'suċċess tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima. Waqt li kkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni maqbula fil-laqgħa tiegħu ta' Ottubru, huwa ddikjara li l-UE u l-Istati Membri tagħha lesti jikkontribwixxu finanzjament rapidu ta' EUR 2,4 biljun annwalment għas-snin 2010 sal-2012. Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjonijiet dwar l-Iran u l-Afganistan.

o

o o

Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kienet ippreċeduta minn preżentazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Jerzy Buzek, u kienet segwita bi skambju ta' fehmiet.

o

o o

I. Kwistjonijiet istituzzjonali

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru. It-Trattat jipprovdi lill-Unjoni qafas istituzzjonali stabbli u dejjiemi u ser jippermetti lill-Unjoni tikkonċentra bis-sħiħ fuq l-indirizzar tal-isfidi quddiemha.

  • Il-ħidma preparatorja intensiva mwettqa matul il-Presidenza Svediża, kif hemm imniżżel fir-rapport tal-Presidenza (EUCO 5/09), ippermettiet dħul fis-seħħ bla xkiel tat-Trattat. Fl-1 ta' Diċembru Herman Van Rompuy beda l-mandat tiegħu bħala President tal-Kunsill Ewropew u Catherine Ashton bħala r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

  • Il-Kunsill Ewropew jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex fi żmien qasir tippreżenta, fuq il-bażi tar-rapport tal-Presidenza adottat mill-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2009, il-proposta dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħha, flimkien mal-atti legali relatati, sa tmiem April 2010. L-Istati Membri ser ikomplu jipprovdu kontribut f'dan il-qasam.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' t-tnedija mill-Kummissjoni ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġislattiva malajr kemm jista' jkun, bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħha fl-ewwel nofs tal-2010.

  • B'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008 u Ġunju 2009, il-Gvern Spanjol ippreżenta proposta għall-emenda tat-Trattati fir-rigward tal-miżuri transitorji li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jeżamina din il-proposta rapidament.

II. Is-sitwazzjoni ekonomika, finanzjarja u tal-impjiegi

  • Il-kriżi ekonomika u finanzjarja ħolqot sfidi severi għall-ekonomija dinjija u wasslet għat-tnaqqis l-aktar qawwi fir-ritmu ekonomiku mis-snin tletin 'l hawn. Biex jiffaċċjaw din il-kriżi, l-UE u l-Istati Membri tagħha implimentaw minn Diċembru 2008 firxa kbira ta' miżuri straordinarji inkluż il-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku. Il-miżuri ta' sostenn kienu kruċjali biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fis-swieq finanzjarji u jiġi żgurat il-funzjonament korrett tagħhom kif ukoll biex jiddgħajjef l-impatt tal-kriżi fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

  • Is-sitwazzjoni ekonomika qed tibda turi sinjali ta' stabbilizzazzjoni u l-fiduċja qed tiżdied. It-tbassir qed jissuġġerixxi rkupru dgħajjef fl-2010, segwit minn ritorn għal tkabbir aktar qawwi fl-2011. Iżda jibqgħu l-inċertezzi u d-dgħufijiet, filwaqt li s-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi hi mistennija li tkompli teħżien fl-2010. Għalhekk il-linji ta' politika b'sostenn għall-ekonomija għandhom jibqgħu u għandhom jitneħħew biss meta l-irkupru jkun kompletament żgurat. Bil-għan li jiġu stabbiliti l-aspettattivi u tiġi rinfurzata l-fiduċja, il-Kunsill Ewropew jikkonferma mill-ġdid l-importanza li jiġu żviluppati u mgħarrfa strateġiji kredibbli u kkoordinati għall-ħruġ mil-linji ta' politika ta' stimolu fuq bażi wiesgħa.

Strateġiji ta' ħruġ

  • Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l-istrateġija ta' ħruġ fiskali ser tiġi implimentata fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jibqa' l-fundament tal-qafas baġitarju tal-UE. Rakkomandazzjonijiet lill-pajjiżi fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, b'mod partikolari kif adottati mill-Kunsill fit-2 ta' Diċembru, huma għodda importanti għar-ritorn ta' finanzi pubbliċi sodi. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew itenni l-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ottubru dwar l-istrateġija ta' ħruġ fiskali u jfakkar li l-istrateġija ser tinkludi konsolidazzjoni ta' ferm lil hinn mill-punt ta' riferiment ta' 0,5 % tal-PDG kull sena flimkien mar-riformi strutturali li jirfdu s-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Il-konsolidazzjoni fiskali għandha tibda mhux aktar tard mill-2011, aktar kmieni f'xi Stati Membri fejn iċ-ċirkostanzi ekonomiċi jippermettu dan, dment li t-tbassir tal-Kummissjoni jibqa' jindika li l-irkupru qed jissoda u qed isir awtosostenibbli.

  • Jinħtieġu aktar strateġiji ta' ħruġ b'bażi wiesgħa, b'kont meħud ukoll tal-ħtieġa li jintemmu l-iskemi ta' sostenn finanzjarju. Il-prinċipji għat-tneħħija tas-sostenn għas-settur finanzjarju, kif stabbilit mill-Kunsill fit-2 ta' Diċembru 2009, għandhom ikunu ta' gwida għal ħidma ulterjuri. Huwa kruċjali li jkun żviluppat approċċ ikkoordinat, li jieħu kont tal-istabbiltà finanzjarja u ċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri individwali u jipprovdi inċentivi adegwati għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex dawn ma jibqgħux jiddependu fuq is-sostenn finanzjarju pubbliku.

  • Il-Kunsill Ewropew issottolinja li t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta' sostenn pubbliku għandha tkun debitament ikkoordinata fost l-Istati Membri biex jiġu evitati effetti sekondarji negattivi, li l-mument tal-ħruġ għandu jieħu kont ta' firxa wiesgħa ta' elementi, konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009, u li, skont iċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri individwali, it-tneħħija gradwali tas-sostenn għandha tibda b'garanziji mill-gvern.

  • Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-Kunsill biex ikompli b'ħidmietu dwar l-istrateġiji ta' ħruġ u biex jirrapporta lura sa Ġunju 2010, kemm fil-qasam fiskali kif ukoll fis-settur finanzjarju.

Swieq finanzjarji, inkluża s-superviżjoni

  • Il-kriżi finanzjarja wriet biċ-ċar id-dgħufijiet tal-qafas regolatorju u tal-arranġamenti superviżorji attwali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-azzjoni rapida u determinata meħuda mill-Kunsill li qabel dwar struttura fundamentalment ġdida għas-superviżjoni finanzjarja fl-Ewropa. Din l-istruttura l-ġdida ser tiġi stabbilita biex terġa' tagħti l-fiduċja lill-konsumaturi u l-investituri fis-swieq finanzjarji, biex tipprovdi protezzjoni akbar kontra bżieżaq u kriżijiet futuri fl-ekonomija u biex issaħħaħ l-istabbiltà u tadatta s-sorveljanza għar-realtà tal-integrazzjoni tas-suq.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-approċċ ġenerali milħuq mill-Kunsill dwar pakkett sħiħ għal qafas superviżorju ġdid fl-Unjoni Ewropea. Bord Ewropew ġdid dwar ir-Riskju Sistemiku ser jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b'sistema għall-monitoraġġ ta' riskji makroprudenzjali u joħroġ twissijiet ta' riskju u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta' rimedju meta tali riskji jkunu sinifikanti. It-tliet awtoritajiet superviżorji ġodda għall-banek, l-assigurazzjoni u s-swieq tat-titoli ser jiżviluppaw standards tekniċi komuni, ser ikollhom rwol qawwi ta' koordinazzjoni fil-kulleġġi ta' superviżjoni, ikunu jistgħu jaġixxu b'mod effettiv f'każ ta' emerġenzi finanzjarji, u jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE fost oħrajn permezz ta' medjazzjoni vinkolanti. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess in-negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' adozzjoni malajr, sabiex is-sistema l-ġdida tkun tista' ssir operattiva matul l-2010.

  • L-adozzjoni mill-Kunsill ta' approċċ ġenerali dwar emendi għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital hija pass ieħor lejn it-tisħiħ tar-regolamentazzjoni finanzjarja fid-dawl tal-kriżi finanzjarja. Din issaħħaħ ir-rekwiżiti għall-kapital għal ċerti attivitajiet bankarji u tintroduċi regoli ċari u vinkolanti dwar ir-rimunerazzjoni li huma konsistenti ma' dawk approvati mill-mexxejja tal-G 20. Il-linji ta' politika dwar ir-rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju għandhom jippromwovu ġestjoni tar-riskju sana u effettiva u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta' kriżijiet fl-ekonomija fil-futur. Il-Kunsill Ewropew issa qed jistenna lill-Parlament Ewropew biex jilħaq qbil finali malajr. Il-Kunsill Ewropew jistieden lis-settur finanzjarju biex minnufih jimplimenta prattiki validi ta' kumpens u f'dak ir-rigward iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-pront jikkunsidraw l-għażliet disponibbli għaż-żmien qasir. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' prinċipji sodi ta' remunerazzjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella wkoll għal aktar progress fil-ġlieda kontra l-proċikliċità fis-settur bankarju u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta aktar proposti fl-2010 b'kont meħud tal-ħidma kurrenti fil-Kumitat ta' Basel.

  • Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tat-tiġdid tal-kuntratt ekonomiku u soċjali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-soċjetà li huma jservu u li jiġi żgurat li l-pubbliku jibbenefika fi żminijiet tajbin u jkun protett mir-riskju. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-IMF biex fir-reviżjoni tiegħu jikkunsidra l-firxa sħiħa ta' għażliet li jinkludu imposti tal-assigurazzjoni, fondi ta' riżoluzzjoni, arranġamenti għall-kapital kontinġenti u imposta ta' transazzjoni finanzjarja globali.

Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2009, huwa jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw il-prinċipji ewlenin li l-arranġamenti globali l-ġodda jkollhom jirrispettaw.

  • Il-Kunsill Ewropew jenfasizza wkoll il-ħtieġa biex tiġi aċċellerata l-ħidma dwar l-abbozz ta' Direttiva dwar il-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv, li għandha tindirizza wkoll il-kwistjoni ta' politiki ta' remunerazzjoni adatti. Huwa jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti leġislattivi fl-2010 biex jitjiebu l-istabbiltà u t-trasparenza tas-swieq derivattivi.

Strateġija ġdida tal-UE għall-2020

  • L-UE qed tiffaċċja sfidi strutturali importanti. Din hi r-raġuni għaliex l-istrateġija ta' Lisbona tnediet għaxar snin ilu. Din l-istrateġija kienet utli fl-istabbiliment ta' qafas għat-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea u għall-inkoraġġiment ta' riformi strutturali. Issa wasal iż-żmien biex jiġi evalwat l-impatt tal-istrateġija ta' Lisbona u, fuq kollox, biex inħarsu 'l quddiem. Minħabba l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi, minħabba wkoll l-isfidi maħluqa mit-tixjiħ tal-popolazzjonijiet, l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u t-tibdil fil-klima, aktar minn qatt qabel jinħtieġ li jittieħed approċċ ġdid. Sabiex tkompli titjieb il-kompetittività u jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli tal-UE, il-linji ta' politika għandhom jiġu ffokati mill-ġdid lejn riformi fit-tul fi strateġija ġdida ambizzjuża u ristrutturata.

  • Waqt li jibni fuq il-ħidma li diġà saret, iż-żmien li jwassal għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għandu jintuża biex jiġu definiti l-elementi ta' tali strateġija għall-UE 2020 u biex jiġi eżaminat kif jiġu żgurati l-finanzi pubbliċi sostenibbli filwaqt li jiġu ppreservati l-investiment u l-assistenza soċjali, kif jiġu stabbiliti swieq tax-xogħol inklużivi u effiċjenti, kif jissaħħaħ ulterjorment is-suq intern u kif jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji reċiproċi tal-kummerċ estern u l-ftuħ. Kwistjonijiet importanti oħra li għandhom jiġu eżaminati huma relatata mal-benefiċċji offruti minn ekonomija aktar ekoloġika, it-titjib tal-klima tan-negozji, b'mod partikolari għall-SMEs u l-bażi industrijali, u t-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien fl-ekonomiji tagħhna, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni. F'dan il-kuntest, għandu jsir kull sforz biex tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

  • Fl-istess waqt il-Kunsill Ewropew jappella għal riflessjoni ġdida dwar il-metodoloġija li għandha tintuża; hija meħtieġa struttura ta' governanza aktar effiċjenti u trasparenti, diretta lejn il-kisba ta' riżultati tanġibbli. F'dan il-kuntest, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta' politika huma kruċjali. Hija meħtieġa wkoll aktar riflessjoni dwar kif jittejjeb il-koordinament ta' politiki ekonomiċi u dwar l-aħjar mod kif jintużaw ir-rakkomandazzjonijiet ta' pajjiż, biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-miżuri nazzjonali u dawk tal-UE, u biex tissaħħaħ l-appartenenza nazzjonali permezz tal-involviment aktar attiv tal-imsieħba soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

  • Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni dwar l-istrateġija futura u jistenna b'interess li jiddiskuti proposta ambizzjuża kmieni kemm jista' jkun fl-2010 bil-ħsieb ta' diskussjoni intiera fil-Kunsill Ewropew, inkluż fil-laqgħa tiegħu tar-Rebbiegħa tal-2010.

Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli

  • L-iżvilupp sostenibbli jibqa' objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea taħt it-Trattat ta' Lisbona. Kif ġie enfasizzat fir-rapport mill-Presidenza dwar ir-reviżjoni tal-2009 tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli (dok. 16818/09), l-istrateġija ser tkompli tipprovdi viżjoni fit-tul u tikkostitwixxi l-qafas ta' politika sovrastanti għall-politiki u l-istrateġiji kollha tal-Unjoni.

  • Numru ta' xejriet mhux sostenibbli jeħtieġu azzjoni urġenti. Jinħtieġu sforzi addizzjonali sinifikanti biex jitrażżan u jsir adattament għat-tibdil fil-klima, biex jitnaqqas il-konsum għoli tal-enerġija fis-settur tat-trasport u biex jittreġġa' lura t-telf attwali tal-bijodiversità u r-riżorsi naturali. Il-bidla għal ekonomija sigura u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u b'konsum baxx ta' fatturi produttivi ser teħtieġ attenzjoni akbar fil-futur. L-azzjonijiet prijoritarji għandhom ikunu speċifikati b'mod aktar ċar f'reviżjonijiet futuri. Il-governanza, inkluż il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u segwitu għandhom jiġu rinforzati pereżempju permezz ta' rabtiet aktar ċari mal-istrateġija futura tal-UE 2020 u strateġiji trasversali oħra.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Forum għall-"Ewropa Ultraperiferika" miftuħ għall-Istati Membri kollha u r-reġjuni ultraperiferiċi, kif imniżżel fil-komunikazzjoni ppreżentata fis-17 ta' Ottubru 2008. Il-forum inawgurali ser isir fi Brussell fis-27 u t-28 ta' Mejju 2010 u minn dakinhar 'il quddiem, kull sentejn.

  • Il-Kunsill Ewropew ifakkar fl-objettiv li titwettaq reviżjoni komprensiva tal-baġit li tkopri l-aspetti kollha tal-infiq u r-riżorsi tal-UE. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport sabiex tkun tista' tipprovdi orjentazzjonijiet dwar il-prijoritajiet matul l-2010. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss sa mhux aktar tard minn Lulju 2011.

III. Il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini

  • Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jkompli l-iżvilupp ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, waqt li jservi u jipproteġi ċ-ċittadini tal-UE u dawk li jgħixu f'dan l-ispazju. Ħames snin wara l-Programm tal-Aja, huwa l-waqt għall-Unjoni biex tirrevedi l-politika tagħha biex tilqa' l-isfidi l-ġodda b'mod effettiv, waqt li tieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ippreżentati mit-Trattat ta' Lisbona. Għal dan l-għan, il-Kunsill Ewropew adotta programm pluriennali ġdid għas-snin 2010-2014, il-Programm ta' Stokkolma.

  • Il-Kunsill Ewropew iqis li l-prijorità għas-snin li ġejjin ser tkun li wieħed jiffoka fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u ta' persuni oħra li għalihom l-UE għandha responsabbiltà. L-isfida ser tkun biex jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-integrità filwaqt li tiġi garantita s-sigurtà fl-Ewropa. Huwa tal-akbar importanza li l-miżuri għall-infurzar tal-liġi u l-miżuri għas-salvagwardja tad-drittijiet individwali, l-istat tad-dritt u r-regoli ta' protezzjoni internazzjonali jkunu koerenti u ta' rinforz reċiproku. Il-programm ta' Stokkolma jiffoka fuq il-prijoritajiet imniżżla hawn taħt.

  • Promozzjoni taċ-ċittadinanza u tad-drittijiet fundamentali: Iċ-ċittadinanza Ewropea jeħtieġ li ssir realtà tanġibbli. L-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandu jkun fuq kollox spazju uniku fejn id-drittijiet fundamentali jkunu protetti. It-tkabbir taż-żona ta' Schengen għandu jkompli. Ir-rispett għall-persuna umana u d-dinjità tal-bniedem u għad-drittijiet l-oħra stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem huma valuri ċentrali. Pereżempju, l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet u l-privatezza taċ-ċittadini għandhom jitħarsu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, speċjalment permezz tal-protezzjoni tad-data personali. Għandha ssir konċessjoni għall-ħtiġijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli, u ċ-ċittadini Ewropej u ċittadini oħra għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet speċifiċi tagħhom bis-sħiħ fl-Unjoni Ewropea, u, fejn rilevanti, anke barra l-Unjoni.

  • Ewropa ta' liġi u ġustizzja: Il-kisba ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja għandha tiġi kkonsolidata biex wieħed imur lil hinn mill-frammentazzjoni attwali. Għandha tingħata prijorità lil mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni kollha. Għandha wkoll tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-professjonisti pubbliċi u t-taħriġ tagħhom, u għandhom jiġu mmobilizzati riżorsi biex jitneħħew l-ostakoli għar-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet legali fi Stati Membri oħra.

  • Ewropa li tipproteġi: Għandha tiġi żviluppata strateġija tas-sigurtà interna sabiex titjieb aktar is-sigurtà fl-Unjoni u b'hekk tiġi protetta l-ħajja u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej u jiġu ttrattati l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u theddid ieħor. L-istrateġija għandha timmira li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili, il-ġestjoni tad-diżastri kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali sabiex l-Ewropa ssir aktar sigura. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tibbaża l-ħidma tagħha fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 222 tat-TFUE.

  • L-aċċess għall-Ewropa f'dinja globalizzata: Aċċess għall-Ewropa għal persuni rikonoxxuti bħala li għandhom interess leġittimu li jidħlu fit-territorju tal-UE għandu jsir aktar effettiv u effiċjenti. Fl-istess ħin, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jiggarantixxu s-sigurtà għaċ-ċittadini tagħhom. Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-politiki dwar il-viża għandhom jiġu interpretati biex jaqdu dawn l-għanijiet.

  • Ewropa ta' responsabbiltà, solidarjetà u sħubija fi kwistjonijiet ta' migrazzjoni u asil: L-iżvilupp ta' politika Ewropea komprensiva u progressiva dwar il-migrazzjoni, ibbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, tibqa' objettiv ewlieni tal-politika għall-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li titwettaq implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali kollha rilevanti u li jsir użu sħiħ tal-Aġenziji u l-Uffiċċji rilevanti li jaħdmu f'dan il-qasam. Migrazzjoni ġestita tajjeb tista' tkun ta' benefiċċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jipprovdi bażi ċara għal aktar żvilupp f'dan il-qasam. L-Ewropa ser teħtieġ politika flessibbli li tirrispondi għall-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri u tippermetti lill-migranti jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tagħhom. L-objettiv li tiġi stabbilita sistema tal-asil komuni fl-2012 jibqa', u persuni bi ħtieġa ta' protezzjoni għandhom jiġu żgurati aċċess għal proċeduri tal-asil legalment siguri u effiċjenti. Barra minn hekk, sabiex jinżammu sistemi ta' immigrazzjoni u asil kredibbli u sostenibbli fl-UE, jinħtieġ li jsiru prevenzjoni, kontroll u ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali hekk kif l-UE tiffaċċja pressjoni dejjem akbar mill-flussi ta' migrazzjoni illegali u b'mod partikolari l-Istati Membri fil-fruntieri esterni tagħha, inkluż fil-fruntieri tan-Nofsinhar, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2009.

  • Ir-rwol tal-Ewropa f'dinja globalizzata – id-dimensjoni esterna: L-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tissottolinja l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni ta' dawn il-politiki fil-politiki ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Id-dimensjoni esterna hija essenjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ċentrali li qed niffaċċjaw u jingħataw aktar opportunitajiet liċ-ċittadini tal-UE biex jaħdmu u jwettqu negozju ma' pajjiżi fid-dinja kollha. Id-dimensjoni esterna tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja hija kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' dan il-programm u għandha b'mod partikolari titqies fl-aspetti l-oħra kollha tal-politika barranija tal-UE, u tkun kompletament koerenti magħhom.

  • Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma, li għandu jiġi adottat sa mhux aktar tard minn Ġunju 2010, u biex tippreżenta reviżjoni ta' nofs it-terminu qabel Ġunju 2012.

IV. Il-konfereza ta' Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima

  • Il-Konferenza ta' Kopenħagen tikkostitwixxi opportunità storika biex il-komunità internazzjonali taġixxi flimkien biex twieġeb għall-isfida tat-tibdil fil-klima. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fil-pożizzjoni ta' negozjar li hu adotta fit-30 ta' Ottubru 2009. Jeħtieġ li l-Partijiet kollha jiddedikaw lilhom infushom għall-kisba ta' Ftehim ta' Kopenħagen globali, komprensiv, ambizzjuż u politikament vinkolanti li ser ikopri l-komponenti kollha tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali u jibni fuq l-elementi essenzjali tal-Protokoll ta' Kjoto. Prerekwiżit għal Ftehim ta' Kopenħagen huwa li dan juża standards internazzjonali trasparenti u maqbula b'mod komuni għall-kejl, ir-rappurtar u l-verifika, biex b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza u l-konformità tal-impenji, l-azzjonijiet u l-appoġġ. F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea ser tappoġġa sforzi lejn it-titjib tal-governanza ambjentali internazzjonali. Il-ftehim għandu jwassal għall-iffinalizzar ta' strument legalment vinkolanti, preferibbilment fi żmien sitt xhur wara l-Konferenza ta' Kopenħagen, għall-perijodu li jibda fl-1 ta' Jannar 2013.

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' f'dan il-kuntest l-impenji reċenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn għadd ta' pajjiżi. L-objettiv komuni tagħna jeħtieġ li jkun li nibqgħu fil-limitu bbażat xjentifikament ta' żewġ gradi għat-tisħin globali. Xi Partijiet għadhom ma ppreżentawx offerti li jikkorrispondu ma' dan l-objettiv. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk l-aktar avvanzati, li jimpenjaw ruħhom għal azzjoni ta' mitigazzjoni adatta.

  • L-Unjoni Ewropea tinsab fuq quddiem tal-isforzi fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima. Bħala parti minn ftehim globali u komprensiv għall-perijodu lil hinn mill-2012, l-UE ttenni l-offerta kondizzjonali tagħha għal tnaqqis ta' 30 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, dment li pajjiżi żviluppati oħra jikkommettu ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.

  • Il-Ftehim ta' Kopenħagen għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar azzjoni immedjata, li tibda fl-2010. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi li dan jeħtieġ appoġġ finanzjarju akbar. Appoġġ pubbliku internazzjonali mniedi b'mod rapidu għandu jimplika appoġġ speċifiku u separat għall-adattament, il-mitigazzjoni, inklużi l-forestrija u l-bini ta' kapaċitajiet, b'enfasi speċjali fuq pajjiżi vulnerabbli u dawk l-anqas żviluppati. L-UE tappella lil pajjiżi żviluppati biex iħabbru l-kontribuzzjonijiet tagħhom għal tali appoġġ, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru. L-UE tinsab kunfidenti li ser jintlaħaq ammont globali ta' EUR 7 biljun annwalment. L-UE u l-Istati Membri tagħha jinsabu lesti li jikkontribwixxu b'finanzjament rapidu ta' EUR 2,4 biljun annwalment għas-snin 2010 sa 2012.

  • Barra minn dan, il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal żieda sinifikanti fil-flussi finanzjarji pubbliċi u privati sal-2020 u jtenni l-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2009. F'dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jipprovdi s-sehem ġust tiegħu ta' appoġġ pubbliku internazzjonali.

V. Tkabbir

  • Il-Kunsill Ewropew japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

VI. Relazzjonijiet esterni

Żvilupp

  • Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-impatt kontinwu tal-kriżi ekonomika fuq dawk l-aktar fqar, jirriafferma l-impenji tiegħu għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u ser jerġa' jmur lura għall-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu f'Ġunju 2010 qabel is-Summit tan-NU.

Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran

  • Il-Kunsill Ewropew jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tal-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant minn meta ġiet imnedija fis-Summit li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 u jinnota b'sodisfazzjon il-passi u l-inizjattivi reċenti kollha li ttieħdu biex jissaħħu u jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Imsieħba. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex titkompla l-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant u biex jiġu promossi r-riformi politiċi u soċjoekonomiċi tal-pajjiżi msieħba, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-approssimazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.

  • Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-importanza tas-sħubija msaħħa bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba Mediterranji u jilqa' l-proċess tar-rinfurzar tar-relazzjonijiet kif ukoll l-isforzi biex ikomplu jissaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu u jiġu stabbiliti l-istrutturi tal-Unjoni għall-Mediterran.

Iran

  • Il-Kunsill Ewropew jadotta d-dikjarazzjoni annessa dwar l-Iran.

Afganistan

  • Il-Kunsill Ewropew jadotta d-dikjarazzjoni annessa dwar l-Afganistan.

________________________

ANNESS I

DIKJARAZZJONI DWAR L-IRAN

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja li l-Unjoni Ewropea ilha mill-2004 taħdem għal soluzzjoni diplomatika tal-kwistjoni dwar il-programm nukleari tal-Iran. Il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib serju tiegħu li sa issa l-Iran għadu ma għamel xejn biex jerġa' jibni l-fiduċja tal-komunità internazzjonali fin-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tiegħu. Il-fatt li l-Iran bena faċilità klandestina ta' arrikkiment ħdejn Qom, bi ksur tal-obbligi tiegħu, u d-dikjarazzjoni tal-intenzjoni li jibni aktar impjanti żiedu aktar it-tħassib tal-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew jerġa' jħeġġeġ lill-Iran biex josserva bis-sħiħ u mingħajr aktar dewmien l-obbligi tiegħu taħt ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), speċjalment biex jissodisfa r-rekwiżiti stipulati mir-riżoluzzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA tas-27 ta' Novembru 2009.

Il-Kunsill Ewropew jiddispjaċih li l-Iran ma qabilx mal-IAEA dwar skema ta' forniment ta' karburant nukleari għar-reattur tar-riċerka f'Teheran, li kienet tikkontribwixxi għall-bini tal-fiduċja filwaqt li twieġeb għall-ħtieġa tal-Iran għal radjuisotopi għall-użu mediku.

Il-Kunsill Ewropew jinnota bi tħassib kbir li l-Iran naqas milli jaċċetta l-offerti ripetuti li saru miċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Russja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u r-Rappreżentant Għoli tal-UE Javier Solana biex jiddiskuti aktar il-programm nukleari tiegħu u kwistjonijiet oħra ta' interess reċiproku. Madankollu, huwa jibqa' impenjat li jaħdem għal soluzzjoni diplomatika tal-kwistjoni tal-programm nukleari tal-Iran. L-offerta ta' negozjati tibqa' miftuħa.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli tirrevedi l-aspetti kollha tal-kwistjoni nukleari tal-Iran u dalwaqt ser tiddeċiedi dwar passi ulterjuri fil-kuntest tal-approċċ fuq żewġ binarji. F'dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea tibqa' lesta li taħdem mal-Iran sabiex tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata għall-kwistjoni, kemm-il darba l-Iran jieħu deċiżjonijiet konkreti għal dak l-għan. Madankollu, in-nuqqas persistenti tal-Iran li jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu u n-nuqqas ta' interess li l-Iran jidher li għandu biex ikompli bin-negozjati jeħtieġu tweġiba ċara, inkluż permezz ta' miżuri adatti. B'mod konsistenti mal-approċċ fuq żewġ binarji, l-Unjoni Ewropea tappoġġa azzjoni mill-KSNU jekk l-Iran jibqa' ma jikkooperax mal-komunità internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu. L-Unjoni Ewropea tinsab lesta li tieħu l-passi meħtieġa biex takkumpanja dan il-proċess tal-KSNU. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE biex jikkunsidraw il-possibbiltajiet għall-passi li jmiss għal dan l-għan fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li jmiss.

Il-Kunsill Ewropew itenni t-tħassib profond tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. L-Unjoni Ewropea ser tkompli tqajjem it-tħassib tagħha mal-gvern Iranjan u tfakkar lill-Iran dwar l-obbligi internazzjonali tiegħu, inkluż taħt il-Patt Internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi. Il-Kunsill Ewropew itenni t-tħassib tiegħu li qiegħed dejjem jiżdied dwar is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini Ewropej fl-Iran li reċentement ġew ipproċessati, u jkompli jappella għar-rilaxx immedjat u inkondizzjonat tagħhom. Kwalunkwe azzjoni kontra wieħed mill-Istati Membri tal-UE titqies bħala azzjoni kontra l-UE kollha.

_____________________

ANNESS II

DIKJARAZZJONI DWAR L-AFGANISTAN

Il-Kunsill Ewropew itenni l-impenji qawwija tal-UE biex tippromwovi l-istabbiltà u l-iżvilupp fl-Afganistan u l-Pakistan.

F'dan il-kuntest, il-Kunsill jissottolinja li l-UE tinsab lesta li tappoġġa lill-President Hamid Karzai fl-implimentazzjoni tal-impenji tiegħu, kif stabbilit fil-ħames oqsma prinċipali tad-diskors inawgurali tiegħu: dwar is-sigurtà, il-governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp ekonomiku, inkluża l-agrikoltura, il-paċi u r-rikonċiljazzjoni u dwar il-kooperazzjoni reġjonali. Dan jitlob koordinazzjoni mill-qrib u strateġika tal-isforzi internazzjonali taħt it-tmexxija tal-UNAMA.

Il-Kunsill Ewropew ifakkar li l-UE tat bidu għal passi deċiżivi biex jissaħħaħ u jinkiseb approċċ aktar koerenti u miftiehem għall-azzjoni tal-UE fl-Afganistan u l-Pakistan, permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha għar-reġjun.

Il-Kunsill Ewropew jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni reċenti tal-President Obama dwar ħidma u impenn rinfurzati mill-Istati Uniti għall-Afganistan u l-Pakistan. Din id-dikjarazzjoni qed issir fi żmien ta' attenzjoni u impenn imġedda mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi. L-Unjoni Ewropea tinsab lesta li taħdem mill-qrib mal-Afganistan, l-Istati Uniti, l-imsieħba reġjonali u msieħba oħrajn fil-komunità internazzjonali biex jiġu ttrattati l-isfidi fl-Afganistan.

Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm approċċ komprensiv għall-isfidi fl-Afganistan, li jibni fuq taħlita ta' strumenti politiċi, ċivili/ta' żvilupp u militari. L-iffukar għandu jkun fuq li gradwalment il-gvern tal-Afganistan, fuq il-livell nazzjonali u dak subnazzjonali, ikun jista' jassumi r-responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà, l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż, u li jikseb riżultati tanġibbli. F'dan il-kuntest il-Kunsll Ewropew jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa għall-bini ta' kapaċitajiet fl-Afganistan. Illum, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha diġà qegħdin jonfqu kważi EUR 1 biljun fis-sena fuq diversi attivitajiet ċivili, politiċi u ta' żvilupp fl-Afganistan, minbarra l-kontribuzzjonijiet kbar tal-Istati Membri tal-UE għas-sigurtà permezz tal-ISAF. Il-Kunsill Ewropew itenni l-impenn tal-UE għas-settur tal-pulizija u l-ġustizzja Afgana, fost l-oħrajn permezz tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan.

Għandha tinżamm konferenza internazzjonali f'Londra fit-28 ta' Jannar 2010. Il-Kunsill Ewropew jistenna impenji ċari mill-gvern Afgan f'din l-okkażjoni fl-oqsma tal-governanza, b'mod partikolari fuq il-livell subnazzjonali, tal-azzjoni kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra n-narkotiċi, ir-reintegrazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-bini ta' relazzjonijiet b'saħħithom mal-ġirien tiegħu u mar-reġjun. Min-naħa l-oħra, aħna nistennew appoġġ politiku mġedded mill-komunità internazzjonali għas-sigurtà, il-governanza u l-iżvilupp ekonomiku, inkluż bit-tisħiħ tal-istruttura internazzjonali ta' koordinazzjoni. Għaldaqstant din il-konferenza ser tkun pass lejn it-transizzjoni tar-responsabbiltajiet lill-awtoritajiet Afgani.

_____________________

ANNESS III

LISTA TA' DOKUMENTI PPREŻENTATI LILL-KUNSILL EWROPEW

  • Rapport tal-progress mill-Presidenza lill-Kunsill Ewropew - Implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona (dok. EUCO 5/09)

  • Reviżjoni tal-2009 tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli - Rapport mill-Presidenza (dok. 16818/09)

- Dikjarazzjoni Ministerjali 10 Snin ta' PESD – Sfidi u Opportunitajiet (dok. 15649/09 + COR1 + COR2)

- Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar it-Tkabbir / Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (dok. 17169/1/09 REV1)

- Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fit-2 ta' Diċembru dwar Strateġiji ta' ħruġ (dok. 17066/09)

- Ittra mill-President tal-Kunsill ECOFIN dwar il-progress miksub fir-rigward tas-superviżjoni finanzjarja (dok. 17398/09)

- Il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (dok. 17024/09)

- Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fis-16 ta' Novembru 2009 dwar il-Politika Marittima Integrata (dok. 15175/1/09 REV1)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website