Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

D/08/4

[Graphic in PDF & Word format]
COMMISSION DES COMMUNAUTÉS EUROPÉENNES

TEXTE MT

CONSEIL EUROPEEN – BRUXELLES
15 & 16 octobre 2008
CONCLUSIONS DE LA PRÉSIDENCE

_________________

[Graphic in PDF & Word format]


KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2008
(OR. fr)


14368/08




CONCL 4


NOTA TA' TIFSIR

minn:
Presidenza
lil:
delegazzjonijiet
Suġġett:
KUNSILL EWROPEW TA' BRUSSELL
15 U 16 TA' OTTUBRU 2008
KONKLUŻJONIJIET TAL-PRESIDENZA



Id-delegazzjonijiet isibu mehmuża l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (15 u 16 ta' Ottubru 2008).

___________________



Il-Kunsill Ewropew iltaqa' fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 f'kuntest ikkaratterizzat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew esprima d-determinazzjoni tiegħu li jaġixxi b'mod kollettiv u globali biex jipproteġi s-sistema finanzjarja Ewropea kif ukoll lid-depożituri. Il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-objettiv ta' qbil ġenerali dwar id-dossjer "Enerġija/Tibdil fil-Klima" qabel it-tmiem tas-sena. Huwa ftiehem dwar aċċellerazzjoni tal-ħidma dwar is-sigurtà tal-enerġija. Huwa adotta l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Fil-qasam tal-affarijiet esterni, huwa evalwa s-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni mir-Russja tal-Ftehim tat-8 ta' Settembru, is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja u r-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tal-Lvant tagħha. Il-Kunsill Ewropew sema' l-analiżi tal-Prim Ministru Irlandiż dwar ir-referendum fl-Irlanda dwar it-Trattat ta' Lisbona; huwa ser jerġa' jitratta l-kwistjoni f'Diċembru. Il-Kunsill Ewropew endorsja l-kompożizzjoni tal-Grupp ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Unjoni.

o
o o


Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kienet ippreċeduta minn preżentazzjoni tas-Sur Hans-Gert Pöttering, President tal-Parlament Ewropew, u li kienet segwita minn skambju ta' fehmiet.

o
o o


SITWAZZJONI EKONOMIKA U FINANZJARJA

  1. Quddiem il-kriżi finanzjarja, il-Kunsill Ewropew jafferma d-determinazzjoni tiegħu li jaġixxi b'mod koordinat u sħiħ biex jerġa' jistabbilixxi l-funzjonament tajjeb tas-sistema finanzjarja, jiżgura b'hekk il-finanzjament normali u effikaċi tal-ekonomija u jerġa' jsib it-triq tat-tkabbir u l-impjiegi.

  1. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-miżuri meħuda mill-bidu tal-kriżi finanzjarja mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Banek Ċentrali Nazzjonali kkonċernati kif ukoll il-koordinazzjoni tajba tagħhom mal-banek ċentrali tal-pajjiżi msieħba. Il-likwidità tas-sistema finanzjarja għandha tkun żgurata mill-awtoritajiet kollha sabiex ikunu mħarsa l-fiduċja u l-istabbilità.

  1. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-pjan ta' azzjoni miftiehem bejn il-pajjiżi taż-żona euro tat-12 ta' Ottubru u adotta l-prinċipji tiegħu[1]. Huwa jilqa' wkoll il-miżuri meħuda mill-Istati Membri, kemm jekk jagħmlu parti miż-żona euro kif ukoll jekk le, f'konformità mal-prinċipji ta' dan il-pjan u b'rispett għat-Trattat. Il-miżuri nazzjonali diġà approvati mill-Kummissjoni għadhom applikabbli. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-miżuri nazzjonali futuri tagħhom jirrispettaw ukoll dawn il-prinċipji u biex jieħdu kont tal-impatt possibbli tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-Istati Membri l-oħra.

  1. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-impenn li f'kull ċirkostanza jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet finanzjarji importanti, jiġu evitati l-fallimenti u tiġi żgurata l-protezzjoni tad-depożiti ta' dawk li jfaddlu. Dawn il-miżuri jimmiraw, b'mod partikolari, flimkien mal-banek ċentrali u l-awtoritajiet ta' superviżjoni, li jiżguraw likwidità suffiċjenti lill-istituzzjonijiet finanzjarji, li jiffaċilitaw il-finanzjament tagħhom u li jingħatawlhom riżorsi f'kapital biex dawn ikomplu jiffinanzjaw normalment l-ekonomija. Il-Kunsill Ewropew iqis li l-miżuri ta' appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji li jsibu ruħhom f'diffikultà għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri li jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kontribwenti, ir-responsabbilizzazzjoni tal-mexxejja u tal-azzjonarji u l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-atturi l-oħrajn tas-suq.

  1. Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, l-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej għandha tkompli tirrispondi għall-ħtieġa ta' azzjoni rapida u flessibbli. Il-Kunsill Ewropew jappoġġa l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni, f'dan is-sens, tar-regoli dwar il-politika tal-kompetizzjoni, partikolarment dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li jibqgħu jiġu applikati l-prinċipji tas-suq uniku u tas-sistema tal-għajnuna mill-Istat.

  1. Sabiex tkun possibbli reazzjoni rapida u effikaċi f'sitwazzjoni ta' kriżi, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu informali ta' allert, ta' skambju ta' informazzjoni u ta' evalwazzjoni (ċellola ta' kriżi finanzjarja). Dan il-mekkaniżmu għandu jassoċja lil rappreżentanti tal-Presidenza attwali, tal-President tal-Kummissjoni, tal-President tal-BĊE (flimkien mal-banek ċentrali Ewropej l-oħra), tal-President tal-Eurogrupp u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. Huwa għandu jkun ibbażat fuq l-istrutturi amministrattivi eżistenti, ikun jista' jiġi attivat fi kwalunkwe ħin minn Stat Membru li jiffaċċja kriżi u għandu jiżgura li tingħata informazzjoni b'mod immedjat u kunfidenzjali lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha. Huwa għandu jippermetti wkoll li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tajba tal-azzjonijiet meħuda jew li jkunu ser jittieħdu. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kunsill biex jiffinalizza, malajr kemm jista' jkun, l-arranġamenti għall-istabbiliment u l-funzjonament taċ-ċellola ta' kriżi finanzjarja.

  1. L-iżgurar tal-fiduċja fir-rigward tas-sistema finanzjarja u bankarja u l-protezzjoni tal-interessi tad-depożituri u tal-investituri jimplika wkoll li l-istabbilimenti finanzjarji japplikaw bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tat-trasparenza tal-impenji u r-riskji tagħhom.

  1. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ is-superviżjoni tas-settur finanzjarju Ewropew, b'mod partikolari tal-gruppi transnazzjonali, u li jiġi implimentat b'mod urġenti l-pjan direzzjonali tal-Kunsill ECOFIN, sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tas-superviżjoni fil-livell Ewropew. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ħolqien mill-Kummissjoni ta' grupp ta' livell għoli. Fl-ewwel stadju, il-Kunsill Ewropew jistieden lis-sorveljanti nazzjonali biex jiltaqgħu mill-inqas darba fix-xahar, biex jiskambjaw l-informazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jappoġġa l-aċċellerazzjoni tal-ħidma attwali dwar it-tisħiħ tar-regoli fir-rigward tal-istabbiltà, inkluż id-Direttiva dwar il-ħtiġiet tal-fondi proprji tal-banek.

Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew jappella għal analiżi rapida tal-proposta leġislattiva li jmiss tal-Kummissjoni biex issaħħaħ is-superviżjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u s-sorveljanza tagħhom fil-livell Ewropew. Huwa jappella għal deċiżjonijiet rapidi dwar l-iżvilupp ta' regoli Ewropej dwar is-sigurtà tad-depożiti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' dawk li jfaddlu. Il-Kunsill Ewropew jilqa' d-deċiżjoni meħuda dwar l-istandards tal-kontabilità u l-interpretazzjoni tagħhom applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Barra minn dan, il-Kunsill Ewropew jitlob li ssir riflessjoni aktar ġenerali, flimkien mal-imsieħba internazzjonali, dwar l-effetti ta' valur ġust u ta' evalwazzjoni skont il-valur tas-suq fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-suq, inkluż l-effetti proċikliċi tagħhom.

  1. Sabiex nitgħallmu mill-kriżi u terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku, il-Kunsill Ewropew jappella b'qawwa għar-responsabbilizzazzjoni tal-atturi kollha tas-sistema finanzjarja, partikolarment tas-settur bankarju. Huwa jissottolinja l-prestazzjoni reali tal-mexxejja tal-intrapriżi għandha tkun riflessa fir-remunerazzjoni tagħhom, inklużi l-benefiċċji tat-tluq ("golden parachutes") li għandhom ikunu konformi mal-kontribut effettiv tal-mexxej għas-suċċess tal-kumpannija. Bl-istess mod, jaqbel li jiġi żgurat li l-benefiċċju ta' opzjonijiet fuq l-ishma jew is-sistema tar-remunerazzjonijiet, partikolarment fis-settur finanzjarju, ma jwassalx għal teħid eċċessiv ta' riskji u lanqas għal konċentrazzjoni estrema fuq l-objettivi għall-perijodu qasir. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Istati Membri biex jaħdmu għall-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji u jitlob lill-Kunsill biex jirrappurtalu dwar id-deċiżjonijiet meħudin qabel tmiem is-sena.

  1. Apparti s-settur finanzjarju, il-Kunsill Ewropew jissottolinja d-determinazzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex, minn issa sa tmiem is-sena, tfassal proposti addattati, b'mod partikolari biex tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-industrija Ewropea. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja li l-issuktar tar-riformi strutturali jibqa' aktar importanti minn qatt qabel biex jingħata kontribut biex jerġa' jkun hemm tkabbir u titjib tal-impjiegi fl-Ewropa. L-appoġġ għall-attività ekonomika jsir permezz ta' livell ta' finanzjament suffiċjenti. Il-Kunsill Ewropew jilqa' d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jimmobilizza 30 biljun EUR ta' għajnuna għall-benefiċċju tal-SMEs Ewropej u l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-kapaċità ta' intervent tiegħu fuq il-proġetti ta' infrastruttura. Huwa jappella lill-BEI biex jieħu parti akbar tar-riskju fil-finanzjament tal-SMEs.

  1. Il-linji ta' politika baġitarji għandhom ikomplu jkunu inklużi fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir rivedut, li l-implimentazzjoni tiegħu għandha tirrifletti wkoll iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ninsabu fihom, kif jipprevedu r-regoli tiegħu.

  1. L-Unjoni Ewropea għandha taħdem mal-imsieħba internazzjonali tagħha għal riforma reali u kompleta tas-sistema finanzjarja internazzjonali bbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza, tas-solidità bankarja, tar-responsabbiltà, tal-integrità u tal-governanza dinjija. L-objettiv huwa li jittieħdu malajr deċiżjonijiet dwar it-trasparenza, l-istandards globali tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni transkonfinali u l-maniġġar tal-kriżijiet, il-prevenzjoni tal-konflitti ta' interess u l-ħolqien ta' sistema ta' twissija bikrija, sabiex tinħoloq il-fiduċja ta' dawk li jfaddlu u tal-investituri f'kull pajjiż. L-Unjoni ser tieħu b'mod rapidu l-inizjattivi adatti flimkien mal-imsieħba prinċipali tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kkonċernati. Dawn l-inizjattivi ser ikunu s-suġġett ta' tħejjija approfondita fil-qafas tal-UE.

  1. Il-Kunsill Ewropew jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-isforzi tal-Islanda, pajjiż integrat mill-qrib fis-suq uniku tal-UE permezz tal-ftehim ŻEE u li jeħtieġ l-appoġġ tal-komunità internazzjonali; huwa jistenna mingħandha r-rispett tal-impenji internazzjonali tagħha.

  1. Il-Kunsill Ewropew ħa nota tar-rapport imħejji mill-Presidenza, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, dwar il-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt. Huwa jappella lill-Kunsill biex jissokta rapidament bil-ħidma tiegħu dwar din il-kwistjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu minnufih l-azzjonijiet meħtieġa biex tippromwovi t-trasparenza tal-istokkijiet kummerċjali taż-żejt, kif ukoll l-effiċjenza tal-enerġija, f'kollaborazzjoni partikolarment mal-Bank Ewropew tal-Investiment.


TRATTAT TA' LISBONA

  1. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2008, il-Kunsill Ewropew ħa nota tal-analiżi ppreżentata mill-Prim Ministru Irlandiż, is-Sur Brian Cowen, dwar ir-riżultat tar-referendum dwar it-Trattat ta' Lisbona. Il-Gvern Irlandiż ser ikompli bil-konsultazzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' perspettiva biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta. Abbażi ta' dan, il-Kunsill Ewropew qabel li jerġa' lura għal din il-kwistjoni waqt il-laqgħa tiegħu ta' Diċembru 2008 bil-ħsieb li jiġu definiti l-elementi ta' soluzzjoni u perkors komuni li għandu jiġi segwit.


ENERĠIJA U TIBDIL FIL-KLIMA

  1. Il-Kunsill Ewropew jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jżomm l-impenji ambizzjużi fil-qasam tal-politika dwar il-klima u l-enerġija li kien qabel magħhom f'Marzu 2007 u f'Marzu 2008. F'dan il-kuntest, huwa jitlob lill-Presidenza u lill-Kummissjoni biex fil-ġimgħat li ġejjin jorganizzaw ħidma intensifikata sabiex f'Diċembru 2008 l-Kunsill Ewropew ikun jista' jiddeċiedi dwar is-soluzzjonijiet addattati għall-kwistjonijiet li l-implimentazzjoni tiegħu toħloq għas-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea, u għall-Istati Membri kollha, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika ta' kull wieħed minnhom, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment bir-reqqa ta' rapport kost-effettiv sodisfaċenti.


SIGURTÀ TAL-ENERĠIJA

  1. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija prijorità tal-Unjoni Ewropea. Hija tiddependi mir-responsabbiltà u s-solidarjetà tal-Istati Membri kollha. Għal dan l-għan u b'kont meħud tar-rapport ippreżentat mill-Presidenza[2], il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jintensifika l-ħidma attwali, bl-adozzjoni tal-linji gwida li ġejjin u billi stieden lill-Kummissjoni biex, fejn meħtieġ, tippreżenta l-proposti jew l-inizjattivi korrispondenti:

a) li jiġi finalizzat il-pakkett leġislattiv dwar is-suq intern tal-elettriku u l-gass qabel it-tmiem tal-leġislatura;

b) li titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar l-effiċjenza fl-enerġija u tal-pjan strateġiku għat-teknoloġija tal-enerġija;

c) li titkompla b'determinazzjoni d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, li għaliha jikkontribwixxu direttament il-miżuri tal-Pakkett tal-Enerġija u l-Klima;

d) li jiġi promoss funzjonament aħjar tas-suq, partikolarment permezz ta' aktar trasparenza fuq il-flussi u l-istokkijiet u permezz tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-bżonnijiet u r-riżorsi fil-perijodu fit-tul;

e) li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' kriżi li jippermettu li jiġu indirizzati waqfiet temporanji tal-provvista;

f) li jissaħħu u jiġu kkompletati l-infrastrutturi kritiċi, b'mod partikolari n-netwerks trans-Ewropej tat-trasport tal-enerġija u t-terminals tal-gass naturali likwidu. Ser tingħata attenzjoni partikolari kemm għall-interkonnessjonijiet kif ukoll għall-kollegament tal-pajjiżi l-aktar iżolati tal-Ewropa kollha, għall-konnessjoni tan-netwerks Ewropej mal-infrastrutturi ta' provvista u għall-ħtieġa li jiġu diversifikati kemm is-sorsi kif ukoll ir-rotot. Il-Kunsill Ewropew japoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni sabiex jitħaffu l-interkonnessjonijiet fir-reġjun Baltiku. Għal dan l-għan ser ikun stabbilit kalendarju ta' ħidma qabel it-tmiem tas-sena;

g) li jiġu żviluppati r-relazzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi produtturi u ta' transitu bil-ħsieb tal-istabbiltà tal-provvista kif ukoll ta' diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija u tar-rotot ta' provvista. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-inizjattivi meħuda minn diversi Stati Membri dwar is-sigurtà tal-enerġija, b'mod partikolari l-laqgħa mal-pajjiżi tal-Baħar Kaspju u mal-pajjiżi ta' transitu li ser tiġi organizzata mill-Presidenza Ċeka fir-rebbiegħa 2009.

  1. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' jitratta dan is-suġġett waqt il-laqgħa tiegħu f'Marzu 2009 biex jevalwa l-progress tal-ħidma, anke fid-dawl tar-reviżjoni strateġika tal-enerġija li jmiss min-naħa tal-Kummissjoni, u jiġu adottati d-deċiżjonijiet li jirriżultaw.


PATT EWROPEW DWAR L-IMMIGRAZZJONI U L-ASIL

  1. Il-Kunsill Ewropew adotta l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil[3], li jesprimi l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jwettqu politika ġusta, effettiva u koerenti fid-dawl tar-riskji u l-opportunitajiet li tirrappreżenta l-migrazzjoni. Minn issa 'l quddiem, għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-Patt jikkostitwixxi l-bażi ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-asil, iggwidata minn spirtu ta' solidarjetà fost l-Istati Membri u ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. Din il-politika komuni għandha tkun ibbażata fuq ġestjoni tajba tal-flussi migratorji, fl-interess mhux biss tal-pajjiżi ospitanti iżda wkoll tal-pajjiżi ta' oriġini u tal-migrant innifsu.

  1. Il-prinċipji fundamentali mniżżlin fil-Patt għandhom jiġu riflessi f'għadd ta' miżuri li għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, dawn il-prinċipji ser jispiraw ukoll il-programm ta' ħidma futur tal-Unjoni Ewropea, li ser jiġi propost mill-Kummissjoni f'Mejju 2009 bil-ħsieb li jiġi ffinalizzat taħt il-Presidenza Svediża. L-implimentazzjoni tal-Patt ser ikun is-suġġett ta' dibattitu annwali li jibda mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010.


SEGWITU GĦALL-KUNSILL EWROPEW TAL-1 TA' SETTEMBRU 2008

  1. Il-Kunsill Ewropew jieħu nota b'sodisfazzjon tal-irtirar tat-truppir Russi miż-żoni maġenb l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja bħala pass essenzjali ieħor fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru, kif ukoll tat-tnedija f'Ġinevra tad-diskussjonijiet internazzjonali previsti minn dawn il-ftehimiet. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jwettqu evalwazzjoni kompluta u approfondita tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Russja fid-dawl tas-summit li jmiss previst li jsir f'Nizza fl-14 ta' Novembru li ġej. Din ser tittieħed in konsiderazzjoni fit-tkomplija tan-negozjati dwar ftehim ta' sħubija ġdid mar-Russja.

  1. L-Unjoni Ewropea hija deċiża li, partikolarment permezz tal-politika ta' viċinat tagħha, tkompli tappoġġa lill-ġirien tagħha fil-Lvant fl-isforzi tagħhom ta' mmodernizzar ekonomiku u ta' demokratizzazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-importanza tar-riżultati tas-summit UE/Ukraina f'Pariġi u jappella għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru. Huwa jinkariga lill-Kunsill biex iwettaq l-ewwel eżami tal-proposti dwar "sħubija tal-Lvant" futura tal-Unjoni Ewropea li l-Kummissjoni bi ħsiebha tippreżenta minn Novembru.


GRUPP TA' RIFLESSJONI

  1. Il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-President tal-Grupp ta' Riflessjoni u taż-żewġ Viċi Presidenti tiegħu rigward il-kompożizzjoni tal-Grupp, li tidher fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet. Il-Grupp ser jibda bil-ħidma tiegħu mill-aktar fis possibbli u ser iwettaq ir-riflessjoni tiegħu f'konformità mal-mandat adottat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2007. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ser jagħti appoġġ materjali u loġistiku lill-Grupp.



________________________

ANNESS 1

Kompożizzjoni tal-Grupp ta' Riflessjoni



President
Felipe González Márquez


Viċi Presidenti
Vaira Viķe-Freiberga
Jorma Ollila


Membri
Lykke Friis
Rem Koolhaas
Richard Lambert
Mario Monti
Rainer Münz
Kalypso Nicolaïdis
Nicole Notat
Wolfgang Schuster
Lech Walesa

________________________

ANNESS 2


Lista tad-dokumenti ta' referenza ppreżentati lill-Kunsill Ewropew


  • Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (dok. 13440/08, approvat mill-Kunsill ĠAI tal-25 ta' Settembru u adottat mill-Kunsill Ewropew)

o
o o

  • Dikjarazzjoni dwar pjan ta' azzjoni miftiehem bejn il-pajjiżi taż-żona euro (dok. 14239/08)
  • Linji Gwida tal-Presidenza bil-ħsieb tat-tkomplija tal-ħidma dwar il-pakkett tal-enerġija/klima (dok. 14240/08 + REV 1 (cs) + REV 2 (en, de, da, sv, lt, mt, pl, sk, sl))
  • Rapport tal-Presidenza dwar is-sigurtà tal-enerġija (dok. 14090/08)
  • Rapport tal-Presidenza dwar il-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt (dok. 13266/2/08 REV2)



[1] dok. 14239/08
[2] dok. 14090/08
[3] dok. 13440/08


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site