D/08/4
[Graphic in PDF & Word format]
COMMISSION DES COMMUNAUTÉS
EUROPÉENNES
TEXTE MT
CONSEIL EUROPEEN –
BRUXELLES
15 & 16 octobre 2008
CONCLUSIONS
DE LA PRÉSIDENCE
_________________
[Graphic in PDF & Word format]
KUNSILLTAL-UNJONI
EWROPEA
|
|
Brussell, 16 ta’ Ottubru 2008 (OR. fr)
|
NOTA TA' TIFSIR
|
minn:
|
|
|
lil:
|
|
|
Suġġett:
|
KUNSILL EWROPEW TA' BRUSSELL
15 U 16 TA' OTTUBRU 2008
KONKLUŻJONIJIET TAL-PRESIDENZA
|
Id-delegazzjonijiet isibu mehmuża l-Konklużjonijiet
tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (15 u 16 ta' Ottubru
2008).
___________________
Il-Kunsill Ewropew iltaqa' fil-15 u s-16 ta'
Ottubru 2008 f'kuntest ikkaratterizzat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja
internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew esprima d-determinazzjoni tiegħu li
jaġixxi b'mod kollettiv u globali biex jipproteġi s-sistema
finanzjarja Ewropea kif ukoll lid-depożituri. Il-Kunsill Ewropew
afferma mill-ġdid l-objettiv ta' qbil ġenerali dwar id-dossjer
"Enerġija/Tibdil fil-Klima" qabel it-tmiem tas-sena. Huwa ftiehem dwar
aċċellerazzjoni tal-ħidma dwar is-sigurtà tal-enerġija.
Huwa adotta l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Fil-qasam
tal-affarijiet esterni, huwa evalwa s-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni
mir-Russja tal-Ftehim tat-8 ta' Settembru, is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja
u r-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tal-Lvant tagħha. Il-Kunsill
Ewropew sema' l-analiżi tal-Prim Ministru Irlandiż dwar ir-referendum
fl-Irlanda dwar it-Trattat ta' Lisbona; huwa ser jerġa' jitratta
l-kwistjoni f'Diċembru. Il-Kunsill Ewropew endorsja
l-kompożizzjoni tal-Grupp ta' Riflessjoni dwar il-Futur
tal-Unjoni.
o
o o
Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kienet ippreċeduta minn
preżentazzjoni tas-Sur Hans-Gert Pöttering, President tal-Parlament
Ewropew, u li kienet segwita minn skambju ta' fehmiet.
o
o o
SITWAZZJONI EKONOMIKA U FINANZJARJA
- Quddiem il-kriżi finanzjarja, il-Kunsill Ewropew jafferma
d-determinazzjoni tiegħu li jaġixxi b'mod koordinat u sħiħ
biex jerġa' jistabbilixxi l-funzjonament tajjeb tas-sistema finanzjarja,
jiżgura b'hekk il-finanzjament normali u effikaċi tal-ekonomija u
jerġa' jsib it-triq tat-tkabbir u l-impjiegi.
- Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-miżuri meħuda mill-bidu tal-kriżi
finanzjarja mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Banek Ċentrali
Nazzjonali kkonċernati kif ukoll il-koordinazzjoni tajba tagħhom
mal-banek ċentrali tal-pajjiżi msieħba. Il-likwidità
tas-sistema finanzjarja għandha tkun żgurata mill-awtoritajiet kollha
sabiex ikunu mħarsa l-fiduċja u l-istabbilità.
- Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-pjan ta' azzjoni miftiehem bejn il-pajjiżi
taż-żona euro tat-12 ta' Ottubru u adotta l-prinċipji
tiegħu[1]. Huwa jilqa' wkoll
il-miżuri meħuda mill-Istati Membri, kemm jekk jagħmlu parti
miż-żona euro kif ukoll jekk le, f'konformità mal-prinċipji
ta' dan il-pjan u b'rispett għat-Trattat. Il-miżuri nazzjonali
diġà approvati mill-Kummissjoni għadhom applikabbli. Il-Kunsill
Ewropew jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-miżuri
nazzjonali futuri tagħhom jirrispettaw ukoll dawn il-prinċipji u biex
jieħdu kont tal-impatt possibbli tad-deċiżjonijiet tagħhom
fuq l-Istati Membri l-oħra.
- Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-impenn li f'kull
ċirkostanza jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex
tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jiġu
appoġġati l-istituzzjonijiet finanzjarji importanti, jiġu evitati
l-fallimenti u tiġi żgurata l-protezzjoni tad-depożiti ta' dawk
li jfaddlu. Dawn il-miżuri jimmiraw, b'mod partikolari, flimkien mal-banek
ċentrali u l-awtoritajiet ta' superviżjoni, li jiżguraw
likwidità suffiċjenti lill-istituzzjonijiet finanzjarji, li
jiffaċilitaw il-finanzjament tagħhom u li jingħatawlhom
riżorsi f'kapital biex dawn ikomplu jiffinanzjaw normalment l-ekonomija.
Il-Kunsill Ewropew iqis li l-miżuri ta' appoġġ
lill-istituzzjonijiet finanzjarji li jsibu ruħhom f'diffikultà
għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri li jippermettu li tiġi
żgurata l-protezzjoni tal-kontribwenti, ir-responsabbilizzazzjoni
tal-mexxejja u tal-azzjonarji u l-protezzjoni tal-interessi leġittimi
tal-atturi l-oħrajn tas-suq.
- Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, l-implimentazzjoni
tar-regoli Ewropej għandha tkompli tirrispondi għall-ħtieġa
ta' azzjoni rapida u flessibbli. Il-Kunsill Ewropew jappoġġa
l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni, f'dan is-sens, tar-regoli dwar il-politika
tal-kompetizzjoni, partikolarment dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li
jibqgħu jiġu applikati l-prinċipji tas-suq uniku u tas-sistema
tal-għajnuna mill-Istat.
- Sabiex tkun possibbli reazzjoni rapida u effikaċi f'sitwazzjoni ta'
kriżi, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu informali ta'
allert, ta' skambju ta' informazzjoni u ta' evalwazzjoni (ċellola ta'
kriżi finanzjarja). Dan il-mekkaniżmu għandu jassoċja lil
rappreżentanti tal-Presidenza attwali, tal-President tal-Kummissjoni,
tal-President tal-BĊE (flimkien mal-banek ċentrali Ewropej
l-oħra), tal-President tal-Eurogrupp u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.
Huwa għandu jkun ibbażat fuq l-istrutturi amministrattivi
eżistenti, ikun jista' jiġi attivat fi kwalunkwe ħin minn Stat
Membru li jiffaċċja kriżi u għandu jiżgura li
tingħata informazzjoni b'mod immedjat u kunfidenzjali lill-istituzzjonijiet
u l-Istati Membri kollha. Huwa għandu jippermetti wkoll li tiġi
żgurata l-koordinazzjoni tajba tal-azzjonijiet meħuda jew li jkunu ser
jittieħdu. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kunsill biex jiffinalizza, malajr
kemm jista' jkun, l-arranġamenti għall-istabbiliment u l-funzjonament
taċ-ċellola ta' kriżi finanzjarja.
- L-iżgurar tal-fiduċja fir-rigward tas-sistema finanzjarja u
bankarja u l-protezzjoni tal-interessi tad-depożituri u tal-investituri
jimplika wkoll li l-istabbilimenti finanzjarji japplikaw bir-reqqa
r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tat-trasparenza tal-impenji u r-riskji
tagħhom.
- Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li
tissaħħaħ is-superviżjoni tas-settur finanzjarju Ewropew,
b'mod partikolari tal-gruppi transnazzjonali, u li jiġi implimentat b'mod
urġenti l-pjan direzzjonali tal-Kunsill ECOFIN, sabiex tittejjeb
il-koordinazzjoni tas-superviżjoni fil-livell Ewropew. F'dan il-kuntest,
il-Kunsill Ewropew jilqa' l-ħolqien mill-Kummissjoni ta' grupp ta' livell
għoli. Fl-ewwel stadju, il-Kunsill Ewropew jistieden lis-sorveljanti
nazzjonali biex jiltaqgħu mill-inqas darba fix-xahar, biex jiskambjaw
l-informazzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jappoġġa l-aċċellerazzjoni
tal-ħidma attwali dwar it-tisħiħ tar-regoli fir-rigward
tal-istabbiltà, inkluż id-Direttiva dwar il-ħtiġiet
tal-fondi proprji tal-banek.
Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew jappella għal analiżi rapida
tal-proposta leġislattiva li jmiss tal-Kummissjoni biex
issaħħaħ is-superviżjoni tal-aġenziji ta'
klassifikazzjoni tal-kreditu u s-sorveljanza tagħhom fil-livell Ewropew.
Huwa jappella għal deċiżjonijiet rapidi dwar l-iżvilupp ta'
regoli Ewropej dwar is-sigurtà tad-depożiti sabiex tiġi
żgurata l-protezzjoni ta' dawk li jfaddlu. Il-Kunsill Ewropew jilqa'
d-deċiżjoni meħuda dwar l-istandards tal-kontabilità u
l-interpretazzjoni tagħhom applikabbli għall-istituzzjonijiet
finanzjarji.
Barra minn dan, il-Kunsill Ewropew jitlob li ssir riflessjoni aktar
ġenerali, flimkien mal-imsieħba internazzjonali, dwar l-effetti ta'
valur ġust u ta' evalwazzjoni skont il-valur tas-suq fuq l-istituzzjonijiet
finanzjarji u s-suq, inkluż l-effetti proċikliċi
tagħhom.
- Sabiex nitgħallmu mill-kriżi u terġa' tinkiseb
il-fiduċja tal-pubbliku, il-Kunsill Ewropew jappella b'qawwa
għar-responsabbilizzazzjoni tal-atturi kollha tas-sistema finanzjarja,
partikolarment tas-settur bankarju. Huwa jissottolinja l-prestazzjoni reali
tal-mexxejja tal-intrapriżi għandha tkun riflessa fir-remunerazzjoni
tagħhom, inklużi l-benefiċċji tat-tluq ("golden parachutes")
li għandhom ikunu konformi mal-kontribut effettiv tal-mexxej
għas-suċċess tal-kumpannija. Bl-istess mod, jaqbel li jiġi
żgurat li l-benefiċċju ta' opzjonijiet fuq l-ishma jew is-sistema
tar-remunerazzjonijiet, partikolarment fis-settur finanzjarju, ma jwassalx
għal teħid eċċessiv ta' riskji u lanqas għal
konċentrazzjoni estrema fuq l-objettivi għall-perijodu qasir.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Istati Membri biex jaħdmu
għall-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji u jitlob lill-Kunsill biex
jirrappurtalu dwar id-deċiżjonijiet meħudin qabel tmiem
is-sena.
- Apparti s-settur finanzjarju, il-Kunsill Ewropew jissottolinja
d-determinazzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri meħtieġa
biex jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Huwa jistieden lill-Kummissjoni
biex, minn issa sa tmiem is-sena, tfassal proposti addattati, b'mod partikolari
biex tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-industrija Ewropea.
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja li l-issuktar tar-riformi strutturali jibqa'
aktar importanti minn qatt qabel biex jingħata kontribut biex jerġa'
jkun hemm tkabbir u titjib tal-impjiegi fl-Ewropa. L-appoġġ
għall-attività ekonomika jsir permezz ta' livell ta' finanzjament
suffiċjenti. Il-Kunsill Ewropew jilqa' d-deċiżjoni tal-Bank
Ewropew tal-Investiment li jimmobilizza 30 biljun EUR ta' għajnuna
għall-benefiċċju tal-SMEs Ewropej u l-impenn tiegħu li
jsaħħaħ il-kapaċità ta' intervent tiegħu fuq
il-proġetti ta' infrastruttura. Huwa jappella lill-BEI biex jieħu
parti akbar tar-riskju fil-finanzjament tal-SMEs.
- Il-linji ta' politika baġitarji għandhom ikomplu jkunu
inklużi fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir rivedut, li
l-implimentazzjoni tiegħu għandha tirrifletti wkoll
iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ninsabu fihom, kif jipprevedu
r-regoli tiegħu.
- L-Unjoni Ewropea għandha taħdem mal-imsieħba internazzjonali
tagħha għal riforma reali u kompleta tas-sistema finanzjarja
internazzjonali bbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza,
tas-solidità bankarja, tar-responsabbiltà, tal-integrità u
tal-governanza dinjija. L-objettiv huwa li jittieħdu malajr
deċiżjonijiet dwar it-trasparenza, l-istandards globali
tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni transkonfinali u
l-maniġġar tal-kriżijiet, il-prevenzjoni tal-konflitti ta'
interess u l-ħolqien ta' sistema ta' twissija bikrija, sabiex tinħoloq
il-fiduċja ta' dawk li jfaddlu u tal-investituri f'kull pajjiż.
L-Unjoni ser tieħu b'mod rapidu l-inizjattivi adatti flimkien
mal-imsieħba prinċipali tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji
internazzjonali kkonċernati. Dawn l-inizjattivi ser ikunu
s-suġġett ta' tħejjija approfondita fil-qafas
tal-UE.
- Il-Kunsill Ewropew jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-isforzi
tal-Islanda, pajjiż integrat mill-qrib fis-suq uniku tal-UE permezz
tal-ftehim ŻEE u li jeħtieġ l-appoġġ tal-komunità
internazzjonali; huwa jistenna mingħandha r-rispett tal-impenji
internazzjonali tagħha.
- Il-Kunsill Ewropew ħa nota tar-rapport imħejji mill-Presidenza,
f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, dwar il-volatilità tal-prezzijiet
taż-żejt. Huwa jappella lill-Kunsill biex jissokta rapidament
bil-ħidma tiegħu dwar din il-kwistjoni u jistieden lill-Kummissjoni
biex tieħu minnufih l-azzjonijiet meħtieġa biex tippromwovi
t-trasparenza tal-istokkijiet kummerċjali taż-żejt, kif ukoll
l-effiċjenza tal-enerġija, f'kollaborazzjoni partikolarment mal-Bank
Ewropew tal-Investiment.
TRATTAT TA'
LISBONA
- Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2008,
il-Kunsill Ewropew ħa nota tal-analiżi ppreżentata mill-Prim
Ministru Irlandiż, is-Sur Brian Cowen, dwar ir-riżultat tar-referendum
dwar it-Trattat ta' Lisbona. Il-Gvern Irlandiż ser ikompli
bil-konsultazzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li jikkontribwixxi
għall-iżvilupp ta' perspettiva biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta.
Abbażi ta' dan, il-Kunsill Ewropew qabel li jerġa' lura għal din
il-kwistjoni waqt il-laqgħa tiegħu ta' Diċembru 2008
bil-ħsieb li jiġu definiti l-elementi ta' soluzzjoni u perkors komuni
li għandu jiġi segwit.
ENERĠIJA U TIBDIL
FIL-KLIMA
- Il-Kunsill Ewropew jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jżomm
l-impenji ambizzjużi fil-qasam tal-politika dwar il-klima u l-enerġija
li kien qabel magħhom f'Marzu 2007 u f'Marzu 2008. F'dan il-kuntest, huwa
jitlob lill-Presidenza u lill-Kummissjoni biex fil-ġimgħat li
ġejjin jorganizzaw ħidma intensifikata sabiex f'Diċembru 2008
l-Kunsill Ewropew ikun jista' jiddeċiedi dwar is-soluzzjonijiet addattati
għall-kwistjonijiet li l-implimentazzjoni tiegħu toħloq
għas-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea, u għall-Istati Membri
kollha, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika ta' kull wieħed minnhom,
sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment bir-reqqa ta' rapport kost-effettiv
sodisfaċenti.
SIGURTÀ TAL-ENERĠIJA
- Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija prijorità
tal-Unjoni Ewropea. Hija tiddependi mir-responsabbiltà u s-solidarjetà
tal-Istati Membri kollha. Għal dan l-għan u b'kont meħud
tar-rapport ippreżentat
mill-Presidenza[2], il-Kunsill Ewropew
iddeċieda li jintensifika l-ħidma attwali, bl-adozzjoni tal-linji
gwida li ġejjin u billi stieden lill-Kummissjoni biex, fejn
meħtieġ, tippreżenta l-proposti jew l-inizjattivi
korrispondenti:
a) li jiġi finalizzat il-pakkett leġislattiv dwar is-suq intern
tal-elettriku u l-gass qabel it-tmiem tal-leġislatura;
b) li titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar
l-effiċjenza fl-enerġija u tal-pjan strateġiku
għat-teknoloġija tal-enerġija;
c) li titkompla b'determinazzjoni d-diversifikazzjoni tas-sorsi
tal-enerġija, li għaliha jikkontribwixxu direttament il-miżuri
tal-Pakkett tal-Enerġija u l-Klima;
d) li jiġi promoss funzjonament aħjar tas-suq, partikolarment
permezz ta' aktar trasparenza fuq il-flussi u l-istokkijiet u permezz
tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-bżonnijiet u r-riżorsi
fil-perijodu fit-tul;
e) li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' kriżi li jippermettu
li jiġu indirizzati waqfiet temporanji tal-provvista;
f) li jissaħħu u jiġu kkompletati l-infrastrutturi
kritiċi, b'mod partikolari n-netwerks trans-Ewropej tat-trasport
tal-enerġija u t-terminals tal-gass naturali likwidu. Ser tingħata
attenzjoni partikolari kemm għall-interkonnessjonijiet kif ukoll
għall-kollegament tal-pajjiżi l-aktar iżolati tal-Ewropa kollha,
għall-konnessjoni tan-netwerks Ewropej mal-infrastrutturi ta' provvista u
għall-ħtieġa li jiġu diversifikati kemm is-sorsi kif ukoll
ir-rotot. Il-Kunsill Ewropew japoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li
tistabbilixxi pjan ta' azzjoni sabiex jitħaffu l-interkonnessjonijiet
fir-reġjun Baltiku. Għal dan l-għan ser ikun stabbilit kalendarju
ta' ħidma qabel it-tmiem tas-sena;
g) li jiġu żviluppati r-relazzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam
tal-enerġija mal-pajjiżi produtturi u ta' transitu bil-ħsieb
tal-istabbiltà tal-provvista kif ukoll ta' diversifikazzjoni tas-sorsi ta'
enerġija u tar-rotot ta' provvista. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew
jilqa' l-inizjattivi meħuda minn diversi Stati Membri dwar is-sigurtà
tal-enerġija, b'mod partikolari l-laqgħa mal-pajjiżi
tal-Baħar Kaspju u mal-pajjiżi ta' transitu li ser tiġi
organizzata mill-Presidenza Ċeka fir-rebbiegħa 2009.
- Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' jitratta dan
is-suġġett waqt il-laqgħa tiegħu f'Marzu 2009 biex jevalwa
l-progress tal-ħidma, anke fid-dawl tar-reviżjoni strateġika
tal-enerġija li jmiss min-naħa tal-Kummissjoni, u jiġu adottati
d-deċiżjonijiet li jirriżultaw.
PATT EWROPEW
DWAR L-IMMIGRAZZJONI U L-ASIL
- Il-Kunsill Ewropew adotta l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u
l-Asil[3], li jesprimi l-impenn
tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jwettqu politika
ġusta, effettiva u koerenti fid-dawl tar-riskji u l-opportunitajiet li
tirrappreżenta l-migrazzjoni. Minn issa 'l quddiem, għall-Unjoni u
l-Istati Membri tagħha, il-Patt jikkostitwixxi l-bażi ta' politika
komuni dwar l-immigrazzjoni u l-asil, iggwidata minn spirtu ta' solidarjetà
fost l-Istati Membri u ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. Din il-politika
komuni għandha tkun ibbażata fuq ġestjoni tajba tal-flussi
migratorji, fl-interess mhux biss tal-pajjiżi ospitanti iżda wkoll
tal-pajjiżi ta' oriġini u tal-migrant innifsu.
- Il-prinċipji fundamentali mniżżlin fil-Patt għandhom
jiġu riflessi f'għadd ta' miżuri li għandhom jiġu
implimentati mingħajr dewmien, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll
fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, dawn il-prinċipji ser jispiraw
ukoll il-programm ta' ħidma futur tal-Unjoni Ewropea, li ser jiġi
propost mill-Kummissjoni f'Mejju 2009 bil-ħsieb li jiġi ffinalizzat
taħt il-Presidenza Svediża. L-implimentazzjoni tal-Patt ser ikun
is-suġġett ta' dibattitu annwali li jibda mill-Kunsill Ewropew ta'
Ġunju 2010.
SEGWITU GĦALL-KUNSILL EWROPEW TAL-1 TA'
SETTEMBRU 2008
- Il-Kunsill Ewropew jieħu nota b'sodisfazzjon tal-irtirar tat-truppir
Russi miż-żoni maġenb l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja
bħala pass essenzjali ieħor fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-12
ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru, kif ukoll tat-tnedija f'Ġinevra
tad-diskussjonijiet internazzjonali previsti minn dawn il-ftehimiet. Il-Kunsill
Ewropew jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jwettqu evalwazzjoni
kompluta u approfondita tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Russja fid-dawl tas-summit
li jmiss previst li jsir f'Nizza fl-14 ta' Novembru li ġej. Din ser
tittieħed in konsiderazzjoni fit-tkomplija tan-negozjati dwar ftehim ta'
sħubija ġdid mar-Russja.
- L-Unjoni Ewropea hija deċiża li, partikolarment permezz
tal-politika ta' viċinat tagħha, tkompli tappoġġa
lill-ġirien tagħha fil-Lvant fl-isforzi tagħhom ta' mmodernizzar
ekonomiku u ta' demokratizzazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew
jissottolinja l-importanza tar-riżultati tas-summit UE/Ukraina
f'Pariġi u jappella għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn
l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja f'konformità
mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru. Huwa jinkariga
lill-Kunsill biex iwettaq l-ewwel eżami tal-proposti dwar "sħubija
tal-Lvant" futura tal-Unjoni Ewropea li l-Kummissjoni bi ħsiebha
tippreżenta minn Novembru.
GRUPP TA'
RIFLESSJONI
- Il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-President tal-Grupp ta'
Riflessjoni u taż-żewġ Viċi Presidenti tiegħu rigward
il-kompożizzjoni tal-Grupp, li tidher fl-Anness għal dawn
il-konklużjonijiet. Il-Grupp ser jibda bil-ħidma tiegħu
mill-aktar fis possibbli u ser iwettaq ir-riflessjoni tiegħu
f'konformità mal-mandat adottat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru
2007. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ser jagħti appoġġ
materjali u loġistiku lill-Grupp.
________________________
ANNESS 1
Kompożizzjoni tal-Grupp ta' Riflessjoni
President
Felipe González
Márquez
Viċi Presidenti
Vaira
Viķe-Freiberga
Jorma
Ollila
Membri
Lykke Friis
Rem
Koolhaas
Richard Lambert
Mario Monti
Rainer
Münz
Kalypso Nicolaïdis
Nicole
Notat
Wolfgang Schuster
Lech Walesa
________________________
ANNESS 2
Lista tad-dokumenti ta' referenza ppreżentati
lill-Kunsill Ewropew
- Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (dok. 13440/08, approvat
mill-Kunsill ĠAI tal-25 ta' Settembru u adottat mill-Kunsill
Ewropew)
o
o o
- Dikjarazzjoni dwar pjan ta' azzjoni miftiehem bejn il-pajjiżi
taż-żona euro (dok. 14239/08)
- Linji Gwida tal-Presidenza bil-ħsieb tat-tkomplija tal-ħidma dwar
il-pakkett tal-enerġija/klima (dok. 14240/08 + REV 1 (cs) + REV 2 (en, de,
da, sv, lt, mt, pl, sk, sl))
- Rapport tal-Presidenza dwar is-sigurtà tal-enerġija (dok.
14090/08)
- Rapport tal-Presidenza dwar il-volatilità tal-prezzijiet
taż-żejt (dok. 13266/2/08 REV2)
[1] dok.
14239/08
[2] dok.
14090/08
[3] dok.
13440/08