D/05/4
[ ]
COMMISSION DES COMMUNAUTÉS EUROPÉENNES
TEXTE
MT
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura dwar
il-progress miksub sa l-aħħar ta' l-2006.
________________________
ANNESS I
APPROĊĊ GLOBALI
GĦALL-MIGRAZZJONI:
AZZJONIJIET PRIJORITARJI LI JIFFOKAW
FUQ L-AFRIKA U L-MEDITERRAN
Il-Kunsill Ewropew jilqa'
l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2005, Azzjonijiet ta'
prijorità biex ikun hemm risposta għall-isfidi tal-migrazzjoni:
l-ewwel segwitu għal Hampton Court.
Il-Kunsill Ewropew, fid-dawl
ta' l-isfond ta' l-Istrateġija għall-Afrika ta' l-UE u
l-Istrateġija għad-dimensjoni esterna tal-Ġustizzja u
l-Affarijiet Interni, kif ukoll ta' l-avvenimenti riċenti fir-reġjun
tal-Mediterran, jaqbel li jagħti bidu għal azzjonijiet ta'
prijorità b'attenzjoni fuq l-Afrika u l-pajjiżi
tal-Mediterran.
Il-Kunsill Ewropew jaqbel dwar il-ħtieġa
urġenti fit-terminu qasir għal azzjonijiet konkreti f'diversi oqsma,
li jiffurmaw parti mill-ħidma li għaddejja biex jiġi żgurat
li l-migrazzjoni tkun għall-benefiċċju tal-pajjiżi kollha
konċernati. Għandha tittieħed azzjoni biex jiġu mnaqqsa
l-flussi migratorji illegali u t-telf tal-ħajjiet, jiġi żgurat
ir-ritorn sigur ta' migranti illegali, jiġu msaħħa soluzzjonijiet
dejjiema għar-refuġjati, u tinbena l-kapaċità għal
ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, inkluż permezz
tal-massimizzazzjoni tal-benefiċċji għas-sħab kollha
tal-migrazzjoni legali, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ
id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt li individwu jfittex l-asil. L-azzjonijiet
immedjati li jidhru hawn taħt jiffurmaw parti minn aġenda usa'
għall-iżvilupp tar-relazzjoni ta' l-UE ma' l-Afrika u l-pajjiżi
tal-Mediterran permezz ta' sħubija ġenwina. Il-Kunsill Ewropew jilqa'
wkoll id-djalogu komplimentari u l-kooperazzjoni li qed iwettqu l-Istati Membri
f'dan il-qasam.
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja wkoll
il-ħtieġa għal approċċ integrat u globali għal xi
wħud mill-azzjonijiet ta' prijorità proposti, bħall-inizjattivi
dwar ir-rotot migratorji u s-sigurtà fil-baħar, li jikkonċernaw
kemm il-pajjiżi tal-Mediterran kif ukoll uħud minn dawk ta'
l-Afrika.
Il-Kunsill Ewropew, fid-dawl tal-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni, jendorsja l-azzjonijiet li ġejjin u jistieden lill-Kunsill
u l-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex jimplimentaw
dawn l-azzjonijiet tul l-2006.
Żieda fil-kooperazzjoni operattiva
bejn l-Istati Membri
o timplimenta miżuri ta' ġestjoni tal-konfini fir-reġjun tal-Mediterran, b'mod partikolari operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota, kemm jista' jkun kmieni fl-2006;
o tippreżenta rapport ta' Analiżi tar-Riskju dwar l-Afrika sa Mejju 2006, billi tibni fuq studji riċenti;
o tagħti bidu għal studju ta' fattibbiltà dwar
it-tisħiħ tal-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-konfini
marittimu tan-nofsinhar ta' l-UE, jiġifieri fil-Baħar Mediterran, u
dwar Rettikolat ta' Pattulji Kostali tal-Mediterran li jinvolvi l-Istati Membri
ta' l-UE u l-pajjiżi ta' l-Afrika ta' Fuq, kmieni kemm jista' jkun
fl-2006.
Djalogu
u kooperazzjoni ma' l-Afrika
Ħidma ma'
pajjiżi ġirien
o Il-Marokk - l-implimentazzjoni ta' proġetti
għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-konklużjoni tan-negozjati
dwar il-ftehim ta' riammissjoni KE-Marokk kmieni kemm jista' jkun;
o L-Alġerija - iż-żamma ta' l-ewwel laqgħa
kmieni fl-2006 biex tiġi avvanzata l-kooperazzjoni abbażi
tad-disposizzjonijiet dwar il-migrazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni
KE-Alġerija u jinbdew in-negozjati dwar il-ftehim ta' riammissjoni malajr
kemm jista' jkun abbażi tal-mandat mogħti lill-Kummissjoni;
o Il-Libja - il-konklużjoni tal-ħidma biex isir qbil fuq
il-Pjan ta' Azzjoni UE-Libja dwar il-migrazzjoni kemm jista' jkun kmieni
fl-2006, skond il-Konklużjonijiet tal-Knusill tat-3 ta' Ġunju 2005
dwar il-bidu ta' djalogu u kooperazzjoni mal-Libja dwar kwistjonijiet ta'
migrazzjoni, u l-implimentazzjoni ta' proġetti malajr kemm jista' jkun wara
dan.
Finanzjament
Il-Kunsill Ewropew jilqa'
l-prijorità miżjuda li qed tingħata lill-migrazzjoni u
l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintensifika l-assistenza finanzjarja
tagħha f'oqsma li jikkonċernaw jew li għandhom x'jaqsmu
mal-migrazzjoni fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi
terzi, inkluż b'allokazzjoni ta' massimu ta' 3% ta' l-ENPI, u sforzi
komparabbli fir-rigward ta' strumenti finanzjarji rilevanti oħra. Sforzi
ekwivalenti ser jiġu kkunsidrati b'mod partikolari fl-Afrika
tas-Sub-Saħara, bil-ħsieb li jiġu ttrattati l-kawżi primarji
tal-migrazzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja wkoll l-importanza li
jiġi żgurat li tingħata prijorità xierqa fi ħdan
l-AENEAS lill-Afrika u lill-Mediterran għal azzjonijiet li għandhom
jiġu ffinanzjati fl-2006, inklużi azzjonijiet li jippromovu
sinerġiji bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Għandhom jiġu
żgurati wkoll riżorsi xierqa għall-programm tematiku għal
kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil taħt
il-perspettivi finanzjarji li ġejjin b'kapaċità li tkun
flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu
żborżati fondi malajr fil-każ ta' bżonn serju u
urġenti.
Implimentazzjoni u rapportar
Il-Kunsill
Ewropew jissottolinja l-importanza ta' implimentazzjoni rapida tal-miżuri
ta' prijorità identifikati u jsejjaħ lill-Kummissjoni biex torganizza
laqgħat ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, il-FRONTEX, l-UNHCR u
organizzazzjonijiet oħra skond kif ikun
meħtieġ.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex
tirrapporta lura dwar il-progress miksub sa l-aħħar ta'
l-2006.
________________________
ANNEX II
REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR
Tnaqqis
tal-piżijiet fuq l-intrapriżi u ċ-ċittadini permezz ta'
simplifikazzjoni u eżami
Il-Kunsill Ewropew jafferma
mill-ġdid l-importanza li jitnaqqsu l-piżijiet mhux meħtieġa
għall-intrapriżi u ċ-ċittadini. F'dan ir-rigward huwa jilqa'
l-programm ġdid tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni
tal-leġislazzjoni ta' l-UE
[1], u jagħmel sejħa
lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jagħti prijorità kbira
lill-progress tal-proposti ta' simplifikazzjoni permezz tas-sistema
leġislattiva. Huwa jilqa' l-inizjattiva ta' eżami meħuda
mill-Kummissjoni, jinnota r-riżultat u jistieden lill-Kummissjoni biex
tkompli ssegwi l-proposti pendenti rigward l-impatti tagħhom, inklużi
dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali, bil-ħsieb li jiġu
modifikati, sostitwiti jew irtirati, fejn dan ikun
meħtieġ.
Sistema riveduta ta' valutazzjoni ta'
l-impatt
Il-Kunsill Ewropew jilqa' s-sistema riveduta ta'
valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni
[2], inkluż l-impenn li
jitħejjew valutazzjonijiet ta' l-impatt integrati għall-proposti
leġislattivi ewlenin kollha u d-dokumenti li jiddefinixxu l-politika
fil-programm ta' ħidma tagħha. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom
jinkludu l-esplorazzjoni ta' firxa ta' għażliet, bl-użu ta'
analiżi settorjali fejn ikunu disponibbli, li jistgħu potenzjalment
jilħqu l-objettivi stabbiliti ta' proposta, inklużi għażliet
mhux leġislattivi u aktar armonizzazzjoni, kif meħtieġ.
Isejjaħ biex il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jagħmlu użu
sħiħ tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt tal-Kummissjoni bħala
għodda ta' informazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet
politiċi u għall-implimentazzjoni ta' l-approċċ komuni
interistituzzjonali għall-valutazzjoni ta' l-impatt. Jafferma
mill-ġdid l-importanza tat-trasparenza fit-tfassil tal-politika u
l-konsultazzjoni f'waqtha u effettiva tal-partijiet interessati u jistenna
bil-ħerqa l-evalwazzjoni indipendenti komprensiva tas-sistema ta'
valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni li ser tiġi mnedija kmieni
fl-2006.
Metodoloġija komuni ta' l-UE għall-valutazzjoni ta'
l-ispejjeż amministrattivi imposti
mil-leġislazzjoni
Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar metodoloġija komuni ta' l-UE għall-valutazzjoni
ta' l-ispejjeż amministrattivi imposti mil-leġislazzjoni
[3], u jistieden
lill-Kummissjoni biex tibda tkejjel il-piżijiet amministrattivi, fuq
bażi konsistenti u skond kriterji trasparenti, bħala parti
mill-valutazzjonijiet ta' l-impatt integrati mibdija minn Jannar 2006. F'dan
il-kuntest huwa jenfasizza l-kontribut importanti li din il-metodoloġija
tista' tagħti fl-identifikazzjoni tal-leġislazzjoni li
teħtieġ tiġi ssimplifikata u jistieden lill-Kummissjoni biex
jesplora l-possibbiltajiet biex jiġu stabbiliti miri li jistgħu
jitkejlu f'setturi speċifiċi għat-tnaqqis tal-piżijiet
amministrattivi. Il-Kunsill Ewropew jagħraf l-importanza li l-Istati Membri
jipprovdu, fuq talba u b'manjiera proporzjonata, l-informazzjoni
meħtieġa għall-valutazzjoni ta' l-ispejjeż amministrattivi
imposti mil-leġislazzjoni ta' l-UE.
ANNESS III
DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL EWROPEW
1. Il-Kunsill Ewropew iġedded l-impenn tiegħu
għas-sigurtà, il-prosperità u l-paċi fil-Lvant Nofsani u
l-Mediterran, ibbażat fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt,
id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
2. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċaw
il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Mediterran. Huwa
jħeġġeġ lill-imsieħba kollha tiegħu biex isolvu
t-tilwim tagħhom b'mod paċifiku, jirrinunzjaw it-theddid jew
l-użu tal-forza, itemmu l-inċitament u jippromwovu s-sigurtà
reġjonali. Huwa jħeġġiġhom jaderixxu u jikkonformaw
mal-ftehim internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni, il-kontroll ta' l-armi u
diżarm, u biex ifittxu li ż-żona tal-Lvant Nofsani tkun
ħielsa mill-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi li bihom dawn jitwasslu.
Huwa jħeġġiġhom jaffrontaw it-terroriżmu u
n-networks tat-terrur. L-UE hija impenjata li taħdem
mal-pajjiżi kollha biex jittrattaw dawn
l-isfidi.
L-Iran
3. Il-Kunsill Ewropew jikkundanna bla riżervi l-appell tal-President Ahmadinejad għall-qerda ta' l-Iżrael u ċ-ċaħda tiegħu ta' l-Olokawst. Dawn il-kummenti huma għal kollox inaċċettabbli u m'għandhomx post f'dibattitu politiku ċivilizzat. Il-Kunsill Ewropew ifakkar li f'Novembru ta' din is-sena l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat b'kunsens, inkluż l-Iran, riżoluzzjoni li "tirrifjuta kull ċaħda ta' l-Olokawst bħala avveniment storiku kemm b'mod sħiħ jew parzjali" u tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jedukaw lill-popolazzjoni tagħhom dwar l-Olokawst. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid id-dritt ta' l-Istat ta' l-Iżrael li jeżisti fi ħdan fruntieri siguri u rikonoxxuti. Il-Kunsill Ewropew ifakkar li l-Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti impenjaw ruħhom biex iżommu lura mit-theddid jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat. L-UE tagħmel sejħa lit-tmexxija Iranjana biex tingħaqad mal-kunsens internazzjonali dwar il-ħtieġa ta' soluzzjoni ta' żewġ stati għall-konflitt Palestinjan-Iżraelit għall-appoġġ tal-paċi bejn l-Iżrael u l-ġirien tiegħu u biex ittemm l-appoġġ għal gruppi li jitkellmu favur jew iwettqu atti ta' terroriżmu.
4. Il-Kunsill Ewropew huwa serjament imħasseb bin-nuqqas ta' l-Iran li
jibni fiduċja li l-programm nukleari tiegħu hu esklużivament
paċifiku. It-tkomplija mill-ġdid ta' attività
fil-Faċilità ta' Konverżjoni ta' l-Uranju f'Esfahan, in-nuqqas
kontinwu ta' trasparenza ta' dan u r-rifjut li jittieħdu l-passi
meħtieġa minnu f'Riżoluzzjonijiet suċċessivi tal-Bord
ta' l-IAEA jservu biss biex iżidu t-tħassib qawwi ta' l-UE dwar
l-intenzjonijiet ta' l-Iran. Filwaqt li l-UE tkompli taħdem għal
soluzzjoni diplomatika, it-tieqa ta' opportunità mhijiex ser tibqa'
miftuħa indefinittivament u l-Kunsill Ewropew iħeġġeġ
lill-Iran biex iwieġeb b'mod kostruttiv, inkluż permezz ta'
l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha li jibnu kunfidenza li l-Bord ta'
l-IAEA fittex u li ma' jittiħdux passi unilaterali ulterjuri li
jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni.
5. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja li jekk ir-relazzjoni fit-tul ta' l-UE
ma' l-Iran titjiebx jew tiħżienx se jiddependi fuq il-progress dwar
il-kwistjonijiet kollha ta' tħassib. Minħabba l-passi politiċi
provokatorji mill-Iran sa minn Mejju li għadda, il-Kunsill jaqbel dwar
il-ħtieġa li l-alternattivi diplomatiċi ta' l-UE jinżammu
taħt reviżjoni stretta u jkomplu jiddeterminaw l-approċċ ta'
l-UE fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet Iranjani. Il-Kunsill Ewropew
itenni t-tħassib qawwi tiegħu rigward in-nuqqas ta' rispett
għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet politiċi fundamentali
fl-Iran, u jagħmel sejħa lill-Iran biex juri rispett għal dawn
il-prinċipji billi jieħu passi konkreti, inkluż billi jeħles
b'mod permanenti lil Akbar Ganji u lil priġunieri oħra tal-kuxjenza.
Fl-ispirtu ta' solidarjetà ta' l-UE, huwa jagħmel sejħa lill-Iran
biex ineħħi r-restrizzjonijiet diskriminatorji kollha kontra Stati
Membri individwali.
L-Iraq
6. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-appoġġ kontinwu ta'
l-UE għat-transizzjoni politika ta' l-Iraq f'konformità ma' l-UNSCRs
1546 u 1637 u l-impenn tagħha biex tassisti l-poplu ta' l-Iraq biex jibni
Iraq sigur, stabbli, unifikat u prosperu. Huwa jilqa' bil-ħerqa
l-elezzjonijiet tal-15 ta' Diċembru bħala pass ulterjuri lejn
id-demokrazija u l-istabbiltà fl-Iraq, u jinkoraġġixxi
l-formazzjoni rapida ta' gvern ġdid wara dan. Il-Kunsill Ewropew
jirrikonoxxi li għad hemm diviżjonijiet fl-Iraq. Huwa jagħmel
sejħa lill-partijiet kollha fl-Iraq biex jimpenjaw ruħhom għal
attivitajiet esklużivament paċifiċi, u biex jaħdmu b'mod
attiv lejn ir-rikonċiljazzjoni. Huwa jikkundanna bil-qawwa kollha
l-atroċitajiet terroristiċi. L-Unjoni Ewropea hija lesta
tappoġġa l-poplu ta' l-Iraq biex ikabbar ulterjorment il-kunsens dwar
il-futur ta' pajjiżu, inkluż permezz ta' reviżjoni
tal-Kostituzzjoni, u tkomplija fil-bini ta' sistema politika ġdida u
inklużiva post-Saddam. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-laqgħa dwar l-Iraq
organizzata mil-Lega Għarbija fid-19 u l-21 ta' Novembru u
jappoġġa t-tlaqqigħ ta' konferenza dwar qbil nazzjonali kmieni
fl-2006. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ bil-qawwi lill-istati
reġjonali, b'mod partikolari s-Sirja u l-Iran, biex jappoġġaw
il-proċess politiku fl-Iraq u jiżviluppaw relazzjonijiet tajba
mal-ġirien, inkluż billi jikkooperaw ma' l-Iraq biex jiġi evitat
it-transitu trans-konfini u l-appoġġ għat-terroristi.
7. Il-Kunsill Ewropew itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa
r-rikostruzzjoni ta' l-Iraq, inkluż permezz tal-missjoni ta' l-UE
għall-Istat tad-Dritt. Il-Kunsill Ewropew jesprimi t-tħassib
tiegħu dwar rapporti reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem
fl-Iraq, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' l-Iraq biex
jindirizzawhom b'mod urġenti u trasparenti. Huwa jissottolinja
l-oppożizzjoni qawwija ta' l-UE għall-użu tal-piena tal-mewt.
Huwa jibqa' impenjat għal djalogu politiku regolari ma' l-Iraq taħt
id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta UE-Iraq. L-UE tittama li tkabbar u
ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma' l-Iraq ulterjorment ladarba
l-gvern elett b'mod kostituzzjonali jiġi stabbilit, inkluż permezz
tat-twaqqif ta' relazzjonijiet kuntrattwali.
Il-Libanu
8. Il-Kunsill Ewropew itenni l-appoġġ tiegħu
għall-għaqda, l-istabbilità u l-indipendenza tal-Libanu, u
jfakkar lill-ġirien tiegħu dwar l-obbligi tagħhom li jirrispettaw
is-sovranità tal-Libanu. Il-Kunsill Ewropew jikkundanna bil-qawwa
l-assassinju ta' Gibran Tueni u l-qtil tal-persuni li kienu qed
jivvjaġġaw miegħu. Dan il-qtil huwa l-aħħar f'kampanja
qalila kontra ċittadini, ġurnalisti u mexxejja politiċi
Lebaniżi u d-dritt tagħhom għal-libertà ta' l-espressjoni.
Il-Kunsill Ewropew jinnota wkoll bi tħassib kbir il-konklużjonijiet
tat-tieni rapport tal-Kummissjoni ta' Investigazzjoni Indipendenti
Internazzjonali tan-NU (UNIIIC) taħt is-Sur Detlev Mehlis. Huwa jinnota
l-konferma ta' indikazzjonijiet serji ta' l-involviment tas-servizzi
tas-sigurtà Lebaniżi u Sirjani fl-assassinju ta' Rafiq Hariri, u
jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kooperazzjoni mhux kompluta
pprovduta mill-awtoritajiet Sirjani lill-Kummissjoni. Huwa
jħeġġeġ lis-Sirja biex tikkoopera b'mod inkondizzjonat ma'
l-UNIIC hekk kif ikomplu l-isforzi tagħhom biex iressqu lil dawk
responsabbli għall-assassinju ta' Rafiq Hariri quddiem il-ġustizzja.
Huwa jilqa' l-adozzjoni unanima ta' l-UNSCR 1644 tal-15 ta' Diċembru li
testendi l-mandat ta' l-UNIIIC; jawtorizza lill-UNIIIC biex tipprovdi assistenza
teknika lill-Awtoritajiet Lebaniżi fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar
attakki terroristiċi oħra mwettqa fil-Libanu mill-1 ta' Ottubru 2004;
u jirrikonoxxi t-talba tal-Gvern Lebaniż li dawk akkużati
b'involviment fl-assassinju ta' Rafiq Hariri għandhom jitressqu quddiem
tribunal ta' karattru internazzjonali.
9. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-appoġġ
sħiħ tiegħu għall-Gvern tal-Libanu u jinkoraġġih
biex jestendi l-awtorità tiegħu fil-pajjiż kollu u biex jitrattta
urġentement riformi ekonomiċi u politiċi kif miftiehem
fil-laqgħa tal-Core Group li saret fi New York f'Settembru li għadda.
Huwa jilqa' l-konferenza internazzjonali li se ssir kmieni fl-2006. Ifakkar lil
dawk kollha konċernati dwar l-obbligu tagħhom biex li jimplimentaw
l-UNSCR 1559 fl-intier tagħha, inkluż l-iżbandament u
d-diżarm tal-milizzji kollha.
Il-Proċess ta' Paċi
fil-Lvant Nofsani
10. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu
għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Roadmap tal-Kwartett. Huwa
jilqa' d-diżimpenn ta' l-Iżrael minn Gaża u minn partijiet
tax-Xatt tal-Punent bħala pass sinifikattiv lejn l-implimentazzjoni
tar-Roadmap. Il-bidu tal-Missjoni ta' Assistenza ta' l-UE fuq il-Fruntieri
għall-monitoraġġ ta' l-operazzjoni tal-qsim ta' Rafah u
l-assistenza ta' l-UE għar-rinfurzar tal-kapaċitajiet ta'
maniġġar tal-fruntieri Palestinjani jirrifletti l-impenn qawwi ta'
l-UE biex tappoġġa lill-partijiet waqt il-ħidma tagħhom
għal soluzzjoni dejjiema u negozjata. Huwa jsejjaħ
għall-implimentazzjoni rapida ta' l-aspetti kollha tal-ftehim tal-15 ta'
Novembru dwar il-moviment u l-aċċess. Huwa jfaħħar l-isforzi
tal-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett u jissottolinja l-importanza ta'
impenn internazzjonali kontinwu fil-Proċess ta' Paċi.
11. Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l-fazzjonijiet Palestinjani kollha,
inkluż il-Ħamas, għandhom jirrinunzjaw il-vjolenza, jirrikonoxxu
d-dritt ta' l-Iżrael li jeżisti, u jiddiżarmaw ruħhom. Dawk
li jridu jagħmlu parti mill-proċess politiku m'għandhomx jinvolvu
ruħhom f'attivitajiet armati, billi hemm kontradizzjoni fundamentali bejn
tali attivitajiet u l-bini ta' stat demokratiku. F'dan ir-rigward, il-Kunsill
Ewropew jilqa' d-dikjarazzjonijiet ta' l-Awtorità Palestinjana li
jikkunndannaw il-vjolenza u jħeġġu lill-gruppi li kienu attivi
fit-terroriżmu biex jabbandunaw din it-triq u jimpenjaw ruħhom
fil-proċess demokratiku. Huwa jħeġġeġ
lill-Awtorità Palestinjana biex tieħu azzjoni soda kontra dawk li
jwettqu atti ta' vjolenza jew ta' intimidazzjoni u tassumi kontroll
sħiħ tas-sigurtà fiż-żoni taħt l-awtorità
tagħha. L-UE tibqa' impenjata biex tappoġġa r-riformi
Palestinjani u ssaħħaħ il-forzi ta' sigurtà Palestinjani u
l-kapaċità tal-pulizija ċivili, inkluż permezz tal-Missjoni
Ċivili tal-Pulizija ta' l-UE u l-ħidma mal-Koordinatur
tas-Sigurtà ta' l-Istati Uniti.
12. Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza ta' l-elezzjonijiet
għall-Kunsill Leġislattiv Palestinjan previsti għal Jannar 2006.
Huwa jħeġġeġ lill-Iżrael biex jikkoopera
bis-sħiħ ma' l-Awtorità Palestinjana fuq il-preparazzjoni u
t-tmexxija ta' l-elezzjonijiet, speċjalment rigward il-libertà ta'
moviment għall-kandidati, il-ħaddiema fl-elezzjonijiet u l-votanti
kollha, b'mod partikolari f'Ġerusalemm tal-Lvant, u jilqa' l-bidu
tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali ta' l-UE.
13. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-gvern Iżraeljan
biex iwaqqaf l-attivitajiet kollha fit-Territorji Palestinjani li jmorru kontra
l-liġi internazzjonali, inkluż il-bini ta' insedjamenti,
id-demolizzjoni ta' djar Palestinjani u l-kostruzzjoni tal-barriera ta'
separazzjoni fuq art okkupata. Dawn jheddu li jagħmlu kwalunkwe soluzzjoni
bbażata fuq il-koeżistenza ta' żewġ stati vijabbli
fiżikament impossibbli. L-attivitajiet Iżraeljani ġewwa u madwar
Ġerusalemm tal-Lvant joħolqu tħassib partikolari,
speċjalment fir-rigward ta' l-ilħuq ta' ftehim għal soluzzjoni
finali dwar Ġerusalemm.
Stabbiltà Reġjonali
14. Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-istati kollha
konċernati biex jieħdu miżuri prattiċi immedjati biex
jappoġġaw l-istabbiltà reġjonali. Din tinkludi
appoġġ għat-tfittxija tal-paċi bejn l-Iżrael u
l-ġirien tagħha, il-proċess politiku inklussiv fl-Iraq u
l-implimentazzjoni ta' l-UNSCR 1559 u Riżoluzzjonijiet rilevanti oħra
fil-Libanu, u billi jinġieb fit-tmiem l-appoġġ għal gruppi
li jużaw il-vjolenza, billi jiġu evitati l-moviment, l-organizzazzjoni
u l-provvista t'armi tagħhom, u billi dawn jiġu influwenzati biex
jastjenu mit-terroriżmu.
Riforma Politika, Soċjali u
Ekonomika
15. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-impenn tiegħu li
jappoġġa riforma politika, soċjali u ekonomika. Huwa jenfasizza
l-importanza li jagħti lill-implimentazzjoni sħiħa
tas-Sħubija Strateġika ta' l-UE mal-Mediterran u l-Lvant Nofsani u
l-impenn tiegħu għal ħidma mal-pajjiżi kollha
tar-reġjun inklużi l-pajjiżi tal-GCC, il-Jemen, l-Iran u
l-Iraq.
Il-Proċess ta' Barċellona
16. Il-Kunsill Ewropew ifakkar li l-Proċess ta' Barċellona, imsaħħaħ permezz tal-Politika Ewropea dwar il-Pajjiżi Ġirien, jipprovdi l-qafas ċentrali għal relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika tal-Ġirien Ewropej li ġew konklużi ma' l-Iżrael, il-Marokk, il-Ġordan, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija; jinnota l-bidu ta' negozjati ma' l-Eġittu u l-konsultazzjonijiet preliminari mal-Libanu; u jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport nazzjonali dwar l-Alġerija bil-ħsieb li tinnegozja pjan ta' azzjoni.
17. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-10 Anniversarju tas-Summit ta' l-Euromed
f'Barċellona fis-27-28 ta' Novembru, li adotta Programm ta' Ħidma
ta' Ħames Snin miftiehem b'mod konġunt u Kodiċi ta' Kondotta dwar
il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Il-Programm ta' Ħidma ta'
Ħames Snin fih miri għall-perijodu medju fil-qasam tas-sħubija
politika u ta' sigurtà; tkabbir ekonomiku u riformi sostenibbli;
edukazzjoni u skambji soċjo-kulturali; u migrazzjoni, integrazzjoni
soċjali, ġustizzja u sigurtà. Huwa jirrakkomanda li kull
Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni u l-Istati Membri,
tippreżenta rapport lill-Kunsill fejn tagħti d-dettalji tal-pjanijiet
tagħhom biex jiġi implimentat il-Programm ta' Ħidma u jistieden
lill-Kummissjoni biex taġġorna lill-Kunsill perjodikament dwar
l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Ġlieda
Kontra t-Terroriżmu jirrappreżenta avvanz sinifikanti
fil-kooperazzjoni politika u ta' sigurtà tagħna ma' msieħba
Mediterranji.
Il-Libja
18. Il-Kunsill Ewropew jinnota l-progress fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-Libja, waqt li jħeġġeġ sforz kontinwu biex jiġu solvuti t-tħassib ta' l-UE u l-kwistjonijiet bilaterali oħra pendenti. Huwa jfakkar fix-xewqa ta' l-UE li tara l-Libja ssir membru sħiħ tal-Proċess ta' Barċellona, li fih il-Libja jista' jkollha rwol importanti. Il-parteċipazzjoni fil-Proċess, u l-progress sussegwenti lejn il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ikunu jeħtieġu li l-Libja taċċetta d-Dikjarazzjoni u l-acquis ta' Barċellona b'mod sħiħ.
[1] Dok. 13976/05
[2] http://ec.europa.eu/secretariat_general/impact/index_en.htm
[3] Dok. 13629/05