Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa ser jiddibattu l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-investiment soċjali għat-tkabbir matul il-plenarja tal-KtR, 8-9 ta' Ottubru, Brussell.

Committee of the Regions - COR/13/85   04/10/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

CoR/13/85.mt

Brussell, 4 ta' Ottubru 2013

Il-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa ser jiddibattu l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-investiment soċjali għat-tkabbir matul il-plenarja tal-KtR, 8-9 ta' Ottubru, Brussell.

Matul il-103 sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) li ser issir bejn it-8 u d-9 ta' Ottubru, il-President tal-KtR, Ramón Luis Valcárcel, flimkien mal-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Danuta Hübner, ser jiddibattu s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar ir-regoli tal-Fondi Strutturali. Ser jieħdu din l-opportunità wkoll biex jirrevedu l-isfidi ewlenin li tirrappreżenta l-fażi ta' programmazzjoni 2014-2020.

Il-membri tal-KtR ser jiddibattu u jadottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar infiq aħjar tal-Fondi Strutturali (Opinjoni abbozzata minn Alberto Núñez Feijóo (ES/PPE), President tal-Komunità Awtonoma ta' Galizja) li tikkjarifika kif għandu jiġi kkoordinat aħjar l-investiment tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali għat-tkabbir u kif tista' tittejjeb l-effikaċja tal-programmi kofinanzjati permezz ta' deċentralizzazzjoni adegwata tal-ġestjoni operattiva tagħhom. Ser jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet baġitarji u ta' governanza abbażi tal-Opinjoni dwar l-Abbozz ta' Baġit tal-UE għall-2014, li ser tiġi ppreżentata minn Luc Van den Brande (BE/PPE), President tal-Aġenzija Fjamminga-Ewropea ta' Kollegament). Il-ħtieġa li jingħeleb id-defiċit strutturali tal-UE li dejjem qed jikber, l-impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-proċeduri attwali għall-adozzjoni tal-baġits annwali tal-UE, u l-ħtiġijiet finanzjarji għal azzjonijiet ewlenin f'oqsma ta' prijorità bħall-impjieg għaż-żgħażagħ ser ikunu fil-qofol tad-diskussjonijiet.

Ir-rappreżentanti tal-bliet u r-reġjuni tal-UE ser iressqu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom biex isir l-aħjar użu mill-investiment soċjali għat-tkabbir u l-koeżjoni abbażi tal-Opinjoni mfassla mis-Sindku ta' Rotterdam, Ahmed Aboutaleb (NL/PSE), dwar il-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-UE. Il-membri tal-KtR ser jiddiskutu b'mod partikolari r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istrateġiji ta' inklużjoni attiva fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-akkomodazzjoni soċjali, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-ġlieda kontra l-faqar, filwaqt li jiġu ċċarati l-finanzjament u l-użu rilevanti tal-baġits soċjali.

Fuq l-aġenda wkoll...

Il-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferroviji tal-UE

Il-membri tal-KtR ser jadottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-pjani tal-UE li tkompli tiftaħ il-linji tal-ferroviji Ewropej għall-kompetizzjoni - dossier li huwa kemm politikament sensittiv kif ukoll teknikament kumpless. Id-diskussjonijiet ser isiru abbażi tal-Opinjoni dwar ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, mfassla minn Pascal Mangin (FR/PPE), Membru tal-Kunsill Reġjonali ta' Alsace. Skont ir-relatur, l-involviment tar-reġjuni huwa kruċjali għas-suċċess tar-riforma. Jitlob li l-awtoritajiet reġjonali jingħataw rwol akbar fil-governanza tas-suq ferrovjarju, aktar flessibbiltà fl-għoti tal-kuntratti tat-trasport pubbliku filwaqt li jiġi żgurat li l-provvedituri attwali tas-servizzi ferrovjarji jaqsmu l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għal sejħiet għall-offerti ġodda.

Ambjent: gass tax-shale u skart tal-plastik

L-estrazzjoni tal-gass tax-shale hija kkontestata sew madwar l-Ewropa u b'hekk mhijiex sorpriża li l-Abbozz ta' opinjoni li ser jiġi ppreżentat minn Brian Meaney (IE/EA), Kunsillier tal-Kontea ta' Clare u tal-Mid-West Regional Authority, ġie kkontestat ħafna b'65 emenda mressqa. Fl-abbozz ta' opinjoni jiġi argumentat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw is-setgħa li jeskludu żoni sensittivi mill-attivitajiet eventwali ta' żvilupp u għandhom jingħataw awtonomija li jipprojbixxu jew jilliċenzjaw l-iżvilupp fit-territorju tagħhom.

Il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik huwa s-suġġett tal-Opinjoni mfassla minn Linda Gillham (UK/EA), Membru tal-Kunsill tal-Borough ta’ Runnymede. Il-produzzjoni tal-iskart tal-plastik għadha qed tikber: fl-1950 kienu jiġu ġġenerati biss 1.5 miljun tunnellata fis-sena mad-dinja kollha meta mqabbel mas-60 miljun tunnellata fis-sena fl-2008 fl-Ewropa biss, li ftit aktar minn 50 % minnhom intradmu f'miżbla. L-Opinjoni tanalizza l-impatt u l-azzjoni meħtieġa biex tiġi indirizzata din il-problema u titlob għal projbizzjoni ġenerali tar-rimi ta' plastiks u skart kombustibbli ħafna sal-2020.

OPEN DAYS – il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, 7-10 ta’ Ottubru

Is-sessjoni plenarja ser issir fl-istess żmien tal-11-il edizzjoni tal-OPEN DAYS, il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet li ser issir bejn is-7 u l-10 ta' Ottubru fi Brussell. Dan l-avveniment ewlieni annwali għar-reġjuni tal-UE ser jiġbor madwar 6 000 parteċipant, fosthom persuni li jfasslu l-politiki, politiċi u esperti mil-livelli kollha ta' gvern, biex jiddibattu l-aktar kwistjonijiet urġenti li qed tiffaċċja l-politika reġjonali tal-UE llum il-ġurnata. Dan l-avveniment ser iseħħ fi żmien kuċjali li matulu qed jiġu finalizzati riformi fundamentali fil-politika ta' koeżjoni tal-UE.

Il-103 sessjoni plenarja ser issir fil-Parlament Ewropew (kamra JAN 2Q2).

Id-dibattiti ser jintwerew fi streaming dirett fuq www.cor.europa.eu.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali mit-28 Stat Membru kollha. Il-missjoni tiegħu hija li jinvolvi lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmahom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta' politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos milli tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista' jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Segwina fuq Twitter: @EU_COR

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Pierluigi Boda

(IT, EN, DE)

Tel: +32 2 282 2461

Mobile: +32 473 85 17 43

pierluigi.boda@cor.europa.eu

David French

(EN)

Tel: +32 2 282 2535

Mobile: +32 473 85 47 59

david.french@cor.europa.eu

Nathalie Vandelle

(FR, EN)

Tel: +32 2 282 2499

Mobile: +32 473 86 05 30

nathalie.vandelle@cor.europa.eu

Stqarrijiet għall-Istampa preċedenti


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website