Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-KtR jaqbel mat-tħassib ta’ Martin Schulz dwar il-baġit għall-2014-2020: “Hemm bżonn ftehim qabel is-sajf”

Committee of the Regions - COR/13/29   12/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/13/29

Brussell, 12/04/2013

Il-KtR jaqbel mat-tħassib ta’ Martin Schulz dwar il-baġit għall-2014-2020:
“Hemm bżonn ftehim qabel is-sajf”

Matul il-100 sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-President Ramon Luis Valcárcel ippreżenta l-prijoritajiet tal-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa lill-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz. Is-Sur Valcárcel qal li fil-fażi politika attwali, “Sabiex jiġi żgurat pjanar adegwat tal-investiment reġjonali u lokali għas-snin li ġejjin, irid jintlaħaq ftehim dwar il-baġit tal-UE (Qafas Finanzjarju Pluriennali - QFP) qabel is-sajf.” Il-KtR esprima wkoll preokkupazzjonijiet serji dwar il-pożizzjonijiet ta’ xi Membri tal-Parlament Ewropew li ssuġġerew li l-politika tal-koeżjoni kienet xi ħaġa bbażata fuq il-passat. “Il-koeżjoni hija l-iktar strument b’saħħtu li għandna biex tinfirex l-innovazzjoni, tiġi promossa l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u jiġu miġġielda l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar. Għal ħafna minna, din hija waħda mill-ftit għodod li fadlilna biex infasslu l-futur tal-komunitajiet tagħna”, saħaq is-Sur Valcárcel.

Il-President Schulz tenna l-importanza li l-Unjoni Ewropea tiġi pprovduta b’mezzi finanzjarji adegwati għas-seba’ snin li ġejjin, kif ukoll il-bżonn urġenti li jiġi indirizzat ir-riskju ta’ defiċit strutturali tal-UE li qed jikber: “Jekk ma nindirizzawx id-defiċit attwali, il-Kummissjoni ser ikollha tirrakkomanda tnaqqis ekwivalenti fil-baġit, bejn EUR 11-il biljun u EUR 16-il biljun, li jkollu impatt serju fuq ir-reġjuni u l-bliet tagħna. Fis-snin li ġejjin, id-distakk bejn l-impenji u l-ħlasijiet proposti mill-Kunsill Ewropew ser iwassal għal politika ta’ defiċit li hija inaċċettabbli għall-Parlament,” qal il-President Schulz. Fl-istess ħin, huwa esprima l-fiduċja tiegħu dwar il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim tajjeb dwar il-QFP mal-Kunsill Ewropew. “Aħna napprezzaw dan l-ottimiżmu kawt,” wieġeb il-President tal-Grupp PPE fil-Kumitat tar-Reġjuni, is-Sur Michael Schneider (DE/PPE), filwaqt li enfasizza li minkejja l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali taw bidu għall-isforzi tagħhom biex iniedu l-programmi ta’ investiment għas-snin 2014-2020, hemm bżonn ta’ kompromess f’waqtu dwar il-QFP.

Ġew enfasizzati r-rwoli ta’ komplementarjetà tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni. “Mingħajr il-Parlament, il-KtR ma jistax isemma daqshekk leħen ir-reġjuni u l-bliet fid-diskussjoni pubblika tal-UE u fi ħdan il-proċess leġislattiv. Fl-istess ħin, mingħajr il-kooperazzjoni tagħna, Brussell u Strasburgu jkunu saħansitra iktar imbiegħda miċ-ċittadini”, innota l-President tal-KtR, filwaqt li żied jgħid li l-Elezzjoni tal-2014 ser tkun appuntament kruċjali. L-Ewwel Viċi President tal-KtR, Mercedes Bresso, appellat għal sforz konġunt biex jinżammu milli jirnexxu l-isforzi ewroxettiċi fl-Elezzjoni Ewropea li jmiss u ħeġġet implimentazzjoni f’waqtha tal-politiki orjentati lejn it-tkabbir: “Aħna lkoll nafu li l-konsolidazzjoni finanzjarja hija dmir lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, imma għandna nirrikonoxxu wkoll li jekk ma nipprovdux liż-żgħażagħ bl-opportunità li jsibu impjieg, il-populiżmu joħroġ rebbieħ.” Huwa u jikkummenta dwar iż-żieda fis-sentimenti kontra l-UE, is-Sur Schulz enfasizza li “L-ideal tal-UE bħalissa huwa mhedded u rridu nikkonvinċu lin-nies li dan għadu ta’ min jemmen fih.” Huwa appella lill-KtR biex jikkontribwixxi bis-sħiħ, “biex insalvaw lill-UE billi nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-valuri li fuqhom twaqqfet u nagħmluha ċara li l-Ewropa m’għandhiex bżonn tagħmel kollox. Meta jkun aħjar li l-affarijiet isiru fil-livell lokali u reġjonali, dawn għandhom jerġgħu jibdew isiru f’dawk il-livelli.”

Karl-Heinz Lambert (BE/PSE), President tal-Grupp PSE fil-Kumitat tar-Reġjuni, irrakkomanda li tingħata spinta ġdida biex jinkisbu l-għanijiet soċjali tal-Ewropa 2020 permezz ta’ Patt Soċjali vinkolanti. B’rabta mal-baġit tal-UE, huwa appella biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet sistemiċi: “Ma nistgħux naffordjaw li l-investimenti tal-UE fil-livell prattiku ma jitwettqux sakemm jintlaħqu ftehimiet tal-aħħar minuta bl-inqas spiża”, qal il-Ministru President tal-Komunità tal-lingwa Ġermaniża fil-Belġju. Huwa u jitkellem f’isem il-Grupp ALDE fil-KtR, Paul O'Donoghue (IE/ALDE) saħaq li “Iċ-ċittadini Ewropej qed jitolbu li jitrażżnu l-miżuri ta’ awsterità u huwa wieħed mid-dmirijiet tal-KtR kif ukoll tal-Parlament Ewropew li jqajmu d-dubji dwar id-deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet oħra meta jmorru kontra l-interess taċ-ċittadini tal-UE.” Skont il-President tal-Grupp AE fil-KtR, Uno Silberg (EE/AE), “Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jaqdu r-rwol ta’ pont neċessarju bejn id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell tal-UE u ċ-ċittadini ordinarji.”

Id-dibattitu pprovda wkoll l-opportunità biex jiġi ppreżentat it-twaqqif tal-Grupp Ewropew tal-Konservattivi u r-Riformisti fil-Kumitat tar-Reġjuni li ġie promoss mis-Sur Gordon Keymer, Membru tal-Kunsill Distrettwali ta’ Tandridge (Renju Unit).

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos milli tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Segwina fuq Twitter: EU_CoR

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Pierluigi Boda

Tel. +32 2 282 2461

Mobile +32 473 851 743

pierluigi.boda@cor.europa.eu

Stqarrijiet għall-Istampa preċedenti


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website