Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/13/28

Brussell, 8 ta’ April 2013

Il-President Schulz jingħaqad mar-reġjuni u l-bliet f’dibattitu dwar il-baġit tal-UE u dwar il-kriżi fl-okkażjoni memorabbli tal-100 plenarja (11-12 ta’ April, Brussell)

Il-bżonn ta’ industrija Ewropea aktar b’saħħitha u l-ġlieda kontra il-faqar fuq l-aġenda wkoll

Filwaqt li se tiġi ċċelebrata l-100 sessjoni plenarja mit-twaqqif tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) fl-1994, il-President tiegħu Ramón Luis Valcárcel Siso se jilqa’ lil Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, għal dibattitu dwar l-aktar kwistjonijet urġenti fl-affarijiet tal-UE fil-preżent. Is-sessjoni plenarja tal-KtR tal-11 u t-12 ta’ April se tkun opportunità biex jiġu indirizzati l-baġit tal-UE u l-kriżi ekonomika. Barra dan, bl-elezzjonijet Ewropej jistennewna s-sena d-dieħla, il-modi kif tista’ tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini se jkollhom prominenza fl-aġenda hekk kif iż-żewġ istituzzjonijiet qed jikkunsidraw kif jistgħu jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni.

Il-politika industrijali Ewropea: liema rwol għall-bliet u r-reġjuni?

L-isfida tar-reindustrijalizzazzjoni Ewropea u r-rwol li għandhom il-bliet u r-reġjuni bħala pijunieri fl-implimentazzjoni tal-politika industrijali se jkunu fost l-aktar aspetti prominenti tad-diskussjonijiet. Claude Gewerc (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Picardie, se jippreżenta Opinjoni dwar l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex jingħata appoġġ għal bażi industrijali qawwija, diversifikata u kompetittiva fl-Ewropa.

Il-KtR se jorganizza wkoll it-3 Konferenza dwar l-Ewropa 2020 (10 ta’April) tiegħu li se tevalwa l-impatt tal-politika industrijali tal-UE. Bħala parti mill-kontribut tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriżi, huwa se jikkunsidra kif ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jgħinu biex jissaħħu l-industriji tal-Ewropa. Il-kelliema se jinkludu lil Antonio Tajani, Kummissarju għall-Industrija u l-Intrapreditorija, u l-President Valcárcel, li t-tnejn li huma se jieħdu sehem ukoll f’konferenza stampa (10 ta’ April, fit-3 p.m.), kif ukoll Mercedes Bresso, l-Ewwel Viċi President tal-KtR.

Solidarjetà u ġlieda kontra l-faqar

Waqt li l-Ewropa qed tkompli tissielet mar-riċessjoni kontinwa, il-plenarja sa tagħti attenzjoni lit-tema tas-solidarjetà, waqt li tħares kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE. L-effettività tal-intervent tal-UE biex tiġġieled kontra l-faqar dinji se jitqies f’Riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi politiċi kollha tal-KtR. It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għal dawk l-aktar fil-bżonn ġewwa l-Istati Membri tal-UE se jiġi indirzzat ukoll f’Opinjoni mressqa minn Ossi Martikainen (FI/ALDE) dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

Il-100 sessjoni plenarja se ssir fil-Parlament Ewropew (kamra JAN 2Q2) fil-11 u t-12 ta’ April fi Brussell. Id-dibattiti se jintwerew fi streaming dirett fuq www.cor.europa.eu.

Kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp

Ftit ġranet qabel, il-KtR se jorganizza wkoll it-3 Konferenza dwar il-Kooperazzjoni Deċentralizzata għall-Iżvilupp (9-10 ta’ April) tiegħu, avveniment organizzat b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea. L-avveniment, li se jlaqqa’ diversi mijiet ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE u mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huwa partikolarment f'waqtu minħabba li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tadotta fi żmien qasir komunikazzjoni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Aġenda Internazzjonali tagħha dwar l-Iżvilupp għal wara l-2015.

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, se jindirizza l-udjenza matul is-sessjoni tal-għeluq, flimkien mal-President Valcárcel u mal-Ewwel Viċi President Bresso.

Aktar informazzjoni:

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li huma jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos milli tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Żur is-sit elettroniku tal-KtR: www.cor.europa.eu

Segwina fuq Twitter: @EU_CoR

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-uffiċjali tal-istampa:

Pierluigi Boda

Tel: +32 (0)2 282 2461

Mowbajl: +32 (0)473 85 17 43

pierluigi.boda@cor.europa.eu

David French

Tel: +32 (0)2 282 2535

Mowbajl: +32 (0)473 85 47 59

david.french@cor.europa.eu

Nathalie Vandelle

Tel: +32 (0)2 282 2499

Mowbajl: +32 (0) 473 86 05 30

nathalie.vandelle@cor.europa.eu

Stqarrijiet għall-istampa preċedenti


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website