Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-riforma tal-politika ta' koeżjoni u l-prijoritajiet politiċi għall-2014 fuq nett tal-aġenda tal-plenarja tal-KtR

Committee of the Regions - COR/13/107   26/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/13/107

Brussell, 26 ta' Novembru 2013

Ir-riforma tal-politika ta' koeżjoni u l-prijoritajiet politiċi għall-2014 fuq nett tal-aġenda tal-plenarja tal-KtR

Matul il-104 sessjoni plenarja tal-KtR tat-28 u d-29 ta' Novembru, mal-President tal-KtR, Ramón Luis Valcárcel, ser tingħaqad il-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Danuta Hübner, biex jiġu evalwati r-regoli l-ġodda tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2014-2020. Wara dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Maroš Šefčovič, il-membri tal-KtR ser jadottaw ukoll riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi tagħhom għall-2014.

Ġimgħa wara l-approvazzjoni uffiċjali mill-Parlament Ewropew tal-pakkett il-ġdid tal-Politika ta' Koeżjoni, il-membri tal-KtR ser jieħdu sehem fi skambju tal-fehmiet dwar id-deċiżjoni finali mas-Sinjura Danuta Hübner. Għalkemm l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda issa ser tagħmilha possibbli li l-gvernijiet jibdew jallokaw il-fondi, għad hemm xi punti kontroversjali, bħall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità makroekonomika u r-riżorsi limitati disponibbli għall-Fond Soċjali Ewropew.

Din il-plenarja ser tikkunsidra wkoll l-isfidi ewlenin fl-2014. Il-Kummissarju Šefčovič ser jippreżenta l-programm ta' ħidma għall-2014 u jmexxi d-diskussjonijiet dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Imbagħad il-membri tal-KtR ser jivvotaw fuq riżoluzzjoni li tippreżenta l-qbil tagħhom dwar il-prijoritajiet politiċi għas-sena li ġejja, b'enfasi partikolari fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-eżami tal-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

Punti oħra fuq l-aġenda tal-plenarja:

L-immigrazzjoni

Il-membri tal-KtR ser jadottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-passi li se tieħu l-UE biex tiżgura ġestjoni effiċjenti tal-flussi ta' vjaġġaturi fil-fruntieri esterni tagħha (Pakkett tal-Fruntiera Intelliġenti) abbażi ta' Opinjoni mħejjija mis-Sur António Costa (PT/PSE), Sindku ta' Lisbona. Id-diskussjonijiet ser jiffokaw fuq it-tħassib dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tas-Sistema proposta tad-Dħul/Ħruġ għad-drittijiet fundamentali u ser jagħtu ħarsa lejn il-mezzi biex jiġi żgurat involviment aħjar tal-atturi lokali u reġjonali fid-dibattiti politiċi dwar iż-żona Schengen.

Id-dibattitu dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tar-Rom huwa punt soċjali ewlieni ieħor fuq l-aġenda. Roger Stone (UK/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Borough Metropolitan ta' Rotherham, ser jippreżenta abbozz ta' Opinjoni dwar il-kwistjoni fejn jitressqu rakkomandazzjonijiet reġjonali u lokali biex ir-Rom jiġu integrati aħjar fil-komunitajiet.

Is-sajd u l-akkwakultura

Ir-reviżjoni tal-għajnuna mill-Istat għas-sajd hija parti minn riforma wiesgħa tal-Politiki Komuni tas-Sajd (PKS) u hija relatata mill-qrib mal-proċess ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Il-KtR ilu involut mill-qrib f'dawn iż-żewġ riformi kbar u ħataf l-opportunità li joħroġ Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-għajnuna mill-Istat għas-sajd. Rhodri Glyn Thomas (UK/AE) ser jippreżenta l-abbozz ta' Opinjoni tiegħu fejn jargumenta li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw flessibbiltà u għandu jiġi evitat li l-għajnuna tippromovi l-prattiki tas-sajd li mhumiex sostenibbli.

Id-dibattitu dwar il-PKS ser ikompli bil-preżentazzjoni minn Marialuisa Coppola, Membru tal-Kunsill tar-Reġjun tal-Veneto, tal-Opinjoni tagħha dwar il-linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE. Għalkemm tilqa' l-pjani tal-Kummissjoni biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-ħut billi tingħata spinta lill-industrija tal-akkwakultura, jeħtieġ li l-burokrazija tkompli titnaqqas u li s-settur ikun aktar diversifikat.

L-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-Politika tal-UE dwar il-Portijiet

Fil-kuntest tal-Linji gwida Komunitarji riveduti dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu għal-linji tal-ajru li jtiru minn ajruporti reġjonali, l-Opinjoni tal-KtR tiffoka fuq il-kwistjonijiet reġjonali ewlenin bħat-talba li l-appoġġ pubbliku għall-bini u l-iżvilupp tal-infrastruttura jitqiegħed fuq l-istess livell mal-investiment privat mingħajr ma jitqies bħala għajnuna mill-Istat; l-oppożizzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-għajnuna mill-Istat għall-investiment fl-ajruporti b'kapaċità ta' bejn 3 u 5 miljun passiġġier tingħata b'kundizzjoni li tintradd lura; il-kjarifika tar-regoli dwar il-finanzjament pubbliku għall-intermodalità tal-ajruporti, fid-dawl tal-impatt strateġiku fuq il-koeżjoni ekonomika u territorjali tar-reġjun. Fost l-iktar emendi rilevanti preżentati mir-relatur, Catiuscia Marini (IT/PSE), hemm it-talba biex jiżdied il-limitu de minimis għall-ajruporti reġjonali ż-żgħar.

Konferenza Ewropa 2020: "Unjoni tal-Innovazzjoni", 27 ta' Novembru

Bħala parti mis-sensiela ta' konferenzi biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tiġi valutata fil-livell lokali, il-KtR ser jorganizza konferenza dwar l-inizjattiva ewlenija tal-UE "Unjoni tal-Innovazzjoni" li ser tlaqqa' r-rappreżentanti ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni. Il-konferenza ser tikkunsidra kif ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni billi, fost oħrajn, jitfasslu strateġiji ta' "speċjalizzazzjoni intelliġenti" u jsir netwerking transkonfinali.

Il-104 plenarja ser issir fil-Parlament Ewropew (kamra JAN 2Q2).

Id-dibattiti ser jintwerew fi streaming dirett fuq www.cor.europa.eu.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali mit-28 Stat Membru kollha. Il-missjoni tiegħu hija li jinvolvi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-komunitajiet li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmahom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta' politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos milli tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista' jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Segwina fuq Twitter: @EU_CoR

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Pierluigi Boda

(IT, EN, DE)

Tel: +32 2 282 2461

Mobile: +32 473 85 17 43

pierluigi.boda@cor.europa.eu

David French

(EN)

Tel: +32 2 282 2535

Mobile: +32 473 85 47 59

david.french@cor.europa.eu

Nathalie Vandelle

(FR, EN)

Tel: +32 2 282 2499

Mobile: +32 473 86 05 30

nathalie.vandelle@cor.europa.eu

Stqarrijiet għall-Istampa preċedenti


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website