Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ħarġu r-riżultati tal-ewwel stħarriġ tal-Ewrobarometru fil-livell reġjonali

Committee of the Regions - COR/12/63   18/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/12/63

Brussell, 18 ta’ Ottubru 2012

Ħarġu r-riżultati tal-ewwel stħarriġ tal-Ewrobarometru fil-livell reġjonali

Il-perċezzjoni tal-fehma pubblika fl-UE tas-sitwazzjoni ekonomika u l-kwalità tal-ħajja attwali tindika bidliet prinċipali mhux biss fil-livell nazzjonali iżda fuq kollox fil-livell reġjonali. Ir-riżultati juru wkoll li r-rappreżentanti mil-livelli kollha ta’ gvern għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jassiguraw li l-Ewropa tiġi kkomunikata b’mod effettiv fil-livell lokali.

Dawn huma xi wħud mill-konklużjonijiet prinċipali tal-ewwel stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fil-livell reġjonali, liema riżultati ġew ippreżentati fis-sessjoni inawgurali tal-Konferenza Ewropea dwar il-Komunikazzjoni Pubblika (EuroPCom) il-bieraħ fi Brussell.

Għall-ewwel darba, l-Istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru joffri ħarsa ddettaljata tal-perċezzjoni tal-fehma pubblika Ewropea f'livell reġjonali. Dan l-istħarriġ twettaq bejn l-20 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Settembru 2012, u ġew intervistati aktar minn 50 000 ċittadin tal-UE li ġejjin minn 170 reġjun mis-27 Stat Membru tal-UE. Dwar ir-riżultati, Mercedes Bresso, l-ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) qalet li “Huwa importanti li jsir sforz biex mhux dejjem tiġi riflessa il-perspettiva nazzjonali. Għal din ir-raġuni ninsab kuntenta ħafna li għall-ewwel darba dan l-Ewrobarometru jqis il-lat reġjonali u b'hekk nistgħu nifhmu aħjar il-perċezzjoni tal-fehma pubblika fir-reġjuni Ewropej.”

B’mod sinifikanti d-data turi li l-qgħad attwalment huwa l-ogħla prijorità u l-akbar tħassib fir-reġjuni kollha tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti partijiet tal-Ġermanja, u li l-ambjent kważi sparixxa mill-aġenda tal-maġġoranza taċ-ċittadini.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, għalkemm ir-riżultati juru stampa prinċipalment negattiva tas-sitwazzjoni fil-livell tal-UE (71 % ta' dawk li rrispondew iqisuha bħala “ħażina”), il-firxa tagħhom fost l-Istati Membri u, f'xi każijiet iktar u iktar bejn ir-reġjuni, hija diversa ħafna. Pereżempju, 99 % ta’ dawk li rrispondew u li ġejjin mir-reġjun ta' Drenthe fil-Pajjiżi l-Baxxi jaraw is-sitwazzjoni ekonomika tar-reġjun bħala “tajba”, f’kuntrast ċar mal-4 % ta’ xi reġjuni Portugiżi. Naturalment, id-data tirrifletti l-aktar l-impatt tal-kriżi ekonomika u l-iktar riżultati baxxi jinsabu prinċipalment fir-reġjuni tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant. Madankollu, numru ogħla ta' reġjuni fl-UE kollha għandhom stampa pjuttost dipressanti tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fil-futur qrib u dan jissuġġerixxi li anke fil-pajjiżi fejn is-sitwazzjoni ekonomika hija tajba, hemm tendenza li ċ-ċittadini jkunu anzjużi dwar il-futur.

Meta mistoqsija dwar il-kwalità tal-ħajja, hemm distinzjoni ċara bejn ir-reġjuni fit-Tramuntana u l-Punent tal-UE fuq naħa, fejn il-maġġoranza ta' dawk li rrispondew iqisu l-kwalità tal-ħajja bħala “tajba”, u dawk fil-Lvant u t-Tramunta fuq in-naħa l-oħra, fejn il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini huma aktar negattivi. Ir-riżultati madankollu juru wkoll li l-perċezzjoni tal-kwalità tal-ħajja mhix spjegata biss mill-fatturi ekonomiċi.

Matul is-sessjoni inawgurali tal-EuroPCom, parti konsiderevoli tad-diskussjoni tal-panel iffokat fuq ir-risposti li taw ir-reġjuni tal-UE dwar liema rappreżentanti politiċi huma l-aktar adatti biex jispjegaw l-Ewropa. Ir-risposti mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, bħall-Greċja, Spanja u l-Italja, li għaddejjin minn fażi ekonomika diffiċli, juru b’mod ċar sfiduċja ġenerali fil-konfront tal-privileġġjati politiċi. Kif indikat minn Mercedes Bresso, huwa interessati li wieħed jara li “fil-pajjiżi u r-reġjuni “l-kbar” bħal Franza, il-Polonja, il-Ġermanja t’Isfel u r-Renju Unit, fir-rigward tal-komunikazzjoni dwar l-Ewropa, iċ-ċittadini għandhom tendenza li jistrieħu fuq ir-rappreżentanti lokali u reġjonali tagħhom”. F’pajjiżi oħra, dawk li rrispondew għamlu referenza għar-rappreżentanti nazzjonali tagħhom (pereżempju l-pajjiżi Skandinavi, il-Ġermanja tal-Punent), għall-membri tal-Parlament Ewropew (pereżempju l-Portugall) u għall-membri tal-Kummissjoni Ewropea (pereżempju r-Repubblika Ċeka). B'reazzjoni għal dawn ir-riżultati, Gregory Paulger, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea enfasizza li "Huwa ċar mill-varjetà ta' risposti li l-aħjar mod biex nikkomunikaw dwar l-Ewropa huwa li nikkomunikaw fi sħubija waqt li ninvolvu l-livelli kollha ta' gvern u b'mod partikolari lil-livell lokali u reġjonali.”

EuroPCom

Ir-riżultati ta’ din l-edizzjoni speċjali tal-Ewrobarometru ġew ippreżentati fl-okkażjoni tat-tielet edizzjoni ta' EuroPCom (17-18 ta' Ottubru 2012, Brussell) biex tiġi alimentata d-diskussjoni dwar il-kriżi attwali ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-UE u biex jiġi mifhum aħjar kif l-UE hija perċepita miċ-ċittadini. Sa mill-2010, EuroPCom ilaqqa’ flimkien il-maniġers tal-komunikazzjoni u l-esperti anzjani tal-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej biex jikkondividu l-għarfien u l-esperjenzi prattiċi tagħhom dwar kif jaffrontaw l-isfidi attwali ta’ komunikazzjoni. Aktar minn 700 kollega mill-Istati Membri kollha tal-UE rreġistraw għal dan l-avveniment ta' netwerking li ser isir fuq jumejn.

Il-programm tal-EuroPCom 2012 jinkludi dibattiti, workshops u lekċers dwar il-fehma pubblika fl-Ewropa, il-midja soċjali, il-komunikazzjoni fuq l-internet u l-komunikazzjoni u d-djalogu tal-UE ma’ gruppi speċifiċi bħaż-żgħażagħ, l-anzjani u l-migranti. Aktar minn 50 kelliem mill-Ewropa kollha juru l-ideat tagħhom dwar il-komunikazzjoni pubblika u jippreżentaw l-aħjar prattiki mill-bliet u r-reġjuni Ewropej u mill-Istati Membri.

EuroPCom hija inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni, organizzata f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill tal-UE, mal-Presidenza Ċiprijotta tal-UE u mal-Kummissjoni Ewropea.

Aktar tagħrif:

  • Ir-riżultati tal-Flash Eurobarometer 356 – L-opinjoni pubblika fir-reġjuni tal-UE – huma disponibbli fil-paġna tal-Ewrobarometru tas-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea.

EuroPcom 2012

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos milli tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Segwina fuq Twitter: EU_CoR

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Nathalie Vandelle

Tel. +32 2 282 24 99

Nathalie.Vandelle@cor.europa.eu

Stqarrijiet preċedenti għall-Istampa


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website