Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Presidenti Valcárcel, Van Rompuy, Schulz, u Barroso jniedu l-OPEN DAYS 2012 u jħeġġu lill-Istati Membri jadottaw il-politika reġjonali bħala l-prijorità ewlenija għall-baġit li jmiss tal-UE

Committee of the Regions - COR/12/55   08/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/12/55

Brussell, 08/10/2012

Il-Presidenti Valcárcel, Van Rompuy, Schulz, u Barroso jniedu l-OPEN DAYS 2012 u jħeġġu lill-Istati Membri jadottaw il-politika reġjonali bħala l-prijorità ewlenija għall-baġit li jmiss tal-UE

Ramon Luis Valcárcel, President tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), u l-Presidenti tal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE ngħaqdu b’vuċi waħda fil-ftuħ tal-OPEN DAYS 2012 nhar it-Tnejn 8 ta’ Ottubru, u enfasizzaw kemm hija kruċjali l-politika ta’ koeżjoni bħala appoġġ għall-irkupru tal-UE. Huma wissew ukoll lill-Istati Membri li t-tnaqqis fil-baġit tal-UE ser jikkomprometti r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala investituri kruċjali għat-tkabbir. Skont il-President tal-KtR: “Kulħadd jirrikonoxxi li l-politika ta’ koeżjoni hija għodda prinċipjali għar-rilanċ tal-ekonomija tagħna u biex niksbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk, fil-KtR aħna nistennew li d-deċiżjonijiet tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE fil-ġimgħat li ġejjin ikunu konsistenti u koerenti mal-pjan direzzjonali miftiehma fl-UE lejn tkabbir u impjiegi “ta’ kwalità”.”

Huwa u jindirizza lil udjenza ta’ mijiet ta’ membri tal-KtR, rappreżentanti lokali mill-Ewropa kollha, u MEPs, il-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy saħaq li: “Mill-2008 ’l hawn, l-Ewropa ffaċċat żewġ kriżijiet relatati, kriżi finanzjarja u kriżi soċjoekonomika. L-effetti tagħhom setgħu kienu agħar b’mod inkredibbli mingħajr ir-reazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Membri.” B’referenza għall-Kunsill Straordinarju ta’ Novembru, huwa żied jgħid li “Issa l-Ewropa teħtieġ iktar tkabbir ekonomiku strutturali u l-Istati Membri żgur huma kapaċi jilħqu ftehim adegwat dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Jekk dan il-ftehim ma jintlaħaqx dan ifisser falliment għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.”

Ir-riskju marbut mat-tnaqqis baġitarju ġie sottolinjat b’mod ċar fid-diskors tal-ftuħ tal-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, li enfasizza kif: “It-tnaqqis kultant jista’ jkun popolari, imma kif diġà stqarr il-Parlament Ewropew, huwa att irresponsabbli meta xi Stati Membri deħlin f’riċessjoni u l-faqar qed jiżdied, fi żmien meta għandna ngħidu iva għas-solidarjetà u għall-investimenti mmirati għat-tkabbir.”

Ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi li għaddejja bħalissa ngħata iktar attenzjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, fil-vidjomessaġġ tiegħu: “Bejn l-2009 u l-2012, EUR 20 biljun ġew programmati mill-ġdid b’enfasi fuq il-prijoritajiet tat-tkabbir bħar-riċerka u l-iżvilupp u l-appoġġ għall-SMEs. Fl-2012, ġew investiti EUR 10 biljun biex jiġi indirizzat il-qgħad li qed jiżdied.”

Is-sessjoni tal-inawgurazzjoni serviet bħala okkażjoni għal skambju ta’ fehmiet imqanqal fost l-atturi ewlenin involuti fit-tfassil tal-prijoritajiet u r-regoli tal-fażi li jmiss tal-finanzjament strutturali. Il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn, tenna l-qofol tar-riforma proposta mill-eżekuttiv, u ddefenda innovazzjonijiet bħall-introduzzjoni tal-kategorija ta’ reġjuni fi transizzjoni u l-infurzar tal-kundizzjonijiet. “Il-politika reġjonali tista’ u għandha ttejjeb l-effikaċja u l-prestazzjoni tagħha,” qal Hahn. “Aħna għalhekk ipproponejna li l-politika l-ġdida wara l-2014 tħaddan dawn il-prinċipji ta’ investimenti sostenibbli u inklużivi soċjalment permezz ta’ konċentrazzjoni tematika dwar l-oqsma li l-iktar javvanzaw it-tkabbir, bis-saħħa tal-prinċipju tal-kundizzjonalità bħala bażi għar-riformi strutturali u billi niffokaw iktar fuq ir-riżultati,” żied jgħid.

Il-President tal-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew, Danuta Hübner, enfasizzat li: “Il-koeżjoni hija l-pjan ta’ investiment tagħna għall-perjodu 2014-2020. It-tnaqqis ta’ dan il-pjan ifisser it-tnaqqis fil-kapaċità ta’ investiment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.”

Nhar it-Tlieta 9 ta’ Ottubru, il-KtR huwa mistenni jadotta Opinjoni dwar il QFP 2014-2020, li tħejjiet mill-ewwel Viċi President, Mercedes Bresso (IT/PSE).

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos milli tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Segwina fuq Twitter: EU_CoR

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Pierluigi Boda

Tel.: +32 (0)2 282 2461

Mobile: +32 (0)473 851 743

pierluigi.boda@cor.europa.eu

Aktar Stqarrijiet tal-Istampa


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website