Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-KtR jipproponi passi kuraġġużi biex tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma

Committee of the Regions - COR/11/37   30/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/37

Brussell, 30 ta’ Ġunju 2011

Il-KtR jipproponi passi kuraġġużi biex tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma

L-Ewropa trid timpenja ruħha aktar biex tiżgura l-użu sostenibbli tal-ilma, inkella tissogra li tfalli fil-ġlieda tagħha kontra t-tibdil fil-klima u li tiffaċċja riskju dejjem jikber kemm ta’ nixfa kif ukoll ta’ għargħar. Dan kien il-messaġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni nhar il-Ħamis wara li ġiet adottata l-opinjoni mfassla mis-Sur Nichi Vendola (IT/PSE), President tar-Reġjun ta’ Puglia, li tappella wkoll għal approċċ transkonfinali f’diversi livelli lejn il-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar u tipproponi li l-Patt tas-Sindki jiġi estiż biex jinkludi l-użu sostenibbli tal-ilma.

“L-ilma għandu jitqies bħala dritt tal-bniedem, u għandna d-dmir li niżguraw il-preservazzjoni tiegħu għall-ġenerazzjonijiet t’issa u tal-futur”, qal Vendola. “Dan ifisser li rridu nieħdu passi kuraġġużi – pereżempju, li nistabbilixxu miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma – u nadottaw approċċ tassew f’diversi livelli lejn il-ġestjoni ta’ kull baċir idrografiku, approċċ li jinvolvi lill-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. F’dan il-kuntest, il-funzjonament tajjeb tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu aċċess għall-ilma jaqdi rwol vitali. Il-preservazzjoni tal-ilma għandha wkoll titqies bħala parti integrali u vitali tal-impenn tal-Ewropa favur il-ġlieda kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima, u s’issa dan ma kienx verament il-każ.”

L-opinjoni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma saret fuq talba mill-Presidenza Ungeriża tal-UE u ġiet adottata mill-plenarja tal-KtR hekk kif Budapest qed tipprepara biex tgħaddi t-tmun tal-UE lil Varsavja. Kemm l-Ungerija u kemm il-Polonja batew minn għargħar qerriedi f’dawn l-aħħar snin, u biex jgħin sabiex fil-futur jiġi evitat li jkun hemm aktar għargħar, jew aktar perjodi ta’ nixfa, il-KtR jixtieq li l-approċċ lejn il-baċiri idrografiċi jiġi estiż billi jiġbor flimkien awtoritajiet minn kull livell ta’ gvern lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. It-talba tal-Kumitat hija mistennija tintlaqa’ mill-Kummissjoni Ewropea, li ser tipproponi skema għall-protezzjoni tal-ilma tal-Ewropa matul l-2012.

Fost il-ħafna proposti mressqa fl-opinjoni, waħda minnhom tappella għal dispożizzjonijiet legali ġodda tal-UE li jirrikjedu li kull Stat Membru jidentifika miri tal-effiċjenza preċiżi fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar għal kull settur li jiddependi mill-ilma (domestiku, industrijali, agrikolu, akkwakulturali, turistiku, idroelettriku, eċċ.). L-opinjoni tipproponi wkoll il-fużjoni tal-miri tal-UE fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-ilma fil-bini u saħansitra tipproponi li l-miri tal-effiċjenza jiġu adattati għall-bżonnijiet ta’ kull żona lokali.

Filwaqt li ssaħħaħ ir-rabta bejn l-azzjoni dwar il-klima u l-użu sostenibbli tal-ilma, l-opinjoni tal-Kumitat tipproponi wkoll li għall-2020 jiġu stabbiliti miri simili għal dawk dwar il-konsum tal-enerġija: żieda ta’ 20% fl-iffrankar tal-ilma fis-setturi kollha, żieda ta’ 20% fin-numru ta’ mogħdijiet tal-ilma rinaturalizzati biex inaqqsu r-riskju ta’ għargħar u żieda ta’ 20% fil-volum ta’ ilma użat mill-ġdid u/jew riċiklat fil-biedja u fl-industrija. Għalhekk, l-opinjoni tas-Sur Vendola tappella sabiex il-Patt tas-Sindki, fejn aktar minn 2500 awtorità lokali u reġjonali taw il-kelma tagħhom li jmorru lil hinn mill-miri tal-2020 dwar l-enerġija, jiġi estiż biex jinkludi wkoll il-kwistjoni tal-ilma.

Din hija wkoll il-fehma li esprimiet is-Sinjura Daiva Matonienė (LT/EA), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Šiauliai, fl-opinjoni tagħha dwar il-futur tal-programm LIFE, li hija mistennija tiġi adottata waqt il-plenarja tal-1 ta’ Lulju. Hija tissuġġerixxi li l-fondi tal-LIFE – li s-soltu jintużaw biex jappoġġjaw programmi ta’ ħarsien tan-natura u tal-ambjent – fil-futur jistgħu jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw “it-twessigħ tal-kunċett tal-Patt tas-Sindki minn bliet effiċjenti mil-lat ta’ enerġija għal bliet ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi”.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Chris Jones

Tel. +32 (0)2 546 8751

christopher.jones@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website