Navigation path

Left navigation

Additional tools

Van Rompuy ser jiddiskuti l-immigrazzjoni u l-ekonomija waqt il-Plenarja tal-KtR; ir-riforma agrikola u s-servizzi pubbliċi huma fuq l-aġenda wkoll

Committee of the Regions - COR/11/23   06/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/11/23

Brussell, 6 ta’ Mejju 2011

Van Rompuy ser jiddiskuti l-immigrazzjoni u l-ekonomija waqt il-Plenarja tal-KtR; ir-riforma agrikola u s-servizzi pubbliċi huma fuq l-aġenda wkoll

Għall-ewwel darba mill-ħatra tiegħu, il-President tal-Kunsill Ewropew Hermann Van Rompuy ser ikellem lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali nhar l-Erbgħa 11 ta’ Mejju.

Huwa jixtieq jaqsam magħhom l-iżviluppi l-aktar riċenti fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, wara t-talbiet persistenti tal-KtR sabiex ir-reġjuni u l-bliet jiġu inklużi aktar fl-isforzi għall-konsolidazzjoni tal-ekonomija Ewropea. Il-membri tal-KtR mhux ser jitilfu l-okkażjoni biex iressqu d-domandi tagħhom dwar il-flussi migratorji min-Nofsinhar tal-Mediterran, li għadd kbir ta’ awtoritajiet lokali qed ikollhom jiffaċċjaw.

Is-sessjoni plenarja ta’ Mejju ser tinkludi wkoll l-adozzjoni ta’ tliet opinjonijiet li jiffukaw fuq ir-riforma ta’ waħda mill-aktar politiki importanti tal-Ewropa – il-Politika Agrikola Komuni, jew il-PAK. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal PAK ġdida wara l-2013 ser jiġu diskussi fl-abbozz ta’ opinjoni ta’ Luis Durnwalder (IT/PPE), President tal-Eżekuttiv tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, Südtirol, u ser jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KtR għal PAK aktar bilanċjata u ġusta. Ir-rwol li għandhom il-prodotti ta’ kwalità biex jagħtu spinta ’l quddiem lill-bdiewa Ewropej fix-xena globali ser jiġi enfasizzat fl-abbozz ta’ opinjoni ta’ René Souchon (FR/PES), il-President tar-Reġjun ta’ Auvergne, filwaqt li l-isfidi u l-opportunitajiet li ser jiffaċċja s-settur tal-ħalib wara r-riforma proposta tar-regolamenti tas-suq tal-ħalib ser jiġu diskussi fl-abbozz ta’ opinjoni ta’ Emilia Müller (DE/PPE) Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Federali u Ewropej tal-Freistaat Bayern.

Din is-sessjoni plenarja ser tittratta wkoll żewġ kwistjonijiet ewlenin għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa. Il-forniment tagħhom ta’ servizzi pubbliċi bażiċi liċ-ċittadini, bħalma huma l-provvisti tal-ilma, ir-riċiklaġġ tal-iskart jew l-isptarijiet, ħafna drabi jkun fil-periklu li ma jaqbilx mar-regoli stretti tal-għajnuna statali tal-UE. Il-membri tal-KtR ser jiddiskutu pjani riċenti għar-riforma ta’ dawn ir-regoli tas-‘servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali’ ma’ Joaquín Almunia, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, l-UE qed tagħmel reviżjoni totali tal-qafas legali tagħhom għall-akkwist pubbliku, li jkopri wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Henk Kool (NL/PSE), membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Aja, ser jippreżenta l-proposti tiegħu għal suq Ewropew tal-akkwist pubbliku iżjed effiċjenti.

Fuq l-aġenda hemm ukoll l-abbozzi ta’ opinjoni ta’ Norbert Kartmann (DE/PPE), Membru tal-Landtag ta’ Hessen dwar rispons Ewropew aktar b’saħħtu għad-diżastri u ta’ Jesús Gamallo Aller (ES/PPE), Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni mal-Unjoni Ewropea, Xunta ta’ Galicia, dwar il-politika tal-iżvilupp tal-UE.

Aktar tagħrif:

Id-dibattiti ser jixxandru direttament fuq www.cor.europa.eu nhar l-Erbgħa 11 ta’ Mejju mis-2.30–9 p.m. u l-Ħamis 12 ta’ Mejju mid-9 a.m. sas-1 p.m.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Michael Alfons

Tel.: + 32 (0)2 546 8559

michael.alfons@cor.europa.eu

Athénaïs Cazalis de Fondouce

Tel.: 32 (0)2 282 2447

athenais.cazalisdefondouce@cor.europa.eu

Chris Jones

Tel.. + 32 (0)2 546 8751

christopher.jones@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hwn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website