Navigation path

Left navigation

Additional tools

“Hemm bżonn li tħeġġu lill-Istati Membri dwar il-patti territorjali”, qal il-President tal-Kummissjoni, Barroso, lill-plenarja tal-KtR

Committee of the Regions - COR/10/84   02/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/84

Brussell, 3 ta' Dicembru 2010

“Hemm bżonn li tħeġġu lill-Istati Membri dwar il-patti territorjali”, qal il-President tal-Kummissjoni, Barroso, lill-plenarja tal-KtR

Huwa u jindirizza lill-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) nhar l-Erbgħa wara nofsinhar fi Brussell, il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, appoġġja l-fatt li r-reġjuni u l-bliet jingħataw rwol akbar għall-ksib tal-għanijiet tal-UE. “Ma nistgħux nirbħu l-qlub u l-imħuħ taċ-ċittadini mingħajr it-tmexxija tar-rappreżentanti lokali u reġjonali li għandhom jikkontribwixxu biex jippromovu l-Ewropa. Intom promoturi essenzjali għall-Unjoni.” Il-President tal-Kummissjoni qal li ser iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ “patti territorjali”. Il-President tal-KtR, Mercedes Bresso, laqgħet din id-dikjarazzjoni u żiedet tgħid li l-għanijiet tal-Ewropa 2020 jistgħu jinkisbu biss jekk il-livelli kollha ta’ gvern jaħdmu flimkien mill-bidu nett.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, kien qed jippreżenta l-prijoritajiet tiegħu għall-2011 lis-sindki, lill-kunsilliera u lir-rappreżentanti reġjonali minn madwar l-Ewropa. Huwa enfasizza li mill-bidu nett, l-objettiv tiegħu kien li jimplimenta l-Istrateġija Ewropa 2020 flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ msieħba, inklużi l-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa u jikkummenta fuq proposti reċenti tal-KtR biex jiġu involuti r-reġjuni u l-bliet fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-President Barroso saħaq li “Aħna naqblu ħafna mal-idea tagħkom ta’ patti territorjali. Ser inħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaċċettaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha fil-patti territorjali.”

Il-President tal-KtR, Mercedes Bresso, qablet li s-suċċess tal-inizjattivi ewlenin tal-UE, kif ukoll ta’ ħafna mill-politiki tal-UE, jiddependi ħafna mir-rwol akbar tar-reġjuni u l-bliet: “L-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġġestixxu żewġ terzi tal-investimenti pubbliċi kollha, għalhekk l-appoġġ tagħhom huwa kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Aħna lesti naħdmu flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew biex niksbu dawn l-għanijiet. Dan għandu jsir fuq bażi ugwali u r-reġjuni u l-bliet m’għandhomx jitqiesu sempliċement bħala awtoritajiet ta’ implimentazzjoni.”

Il-Kumitat tar-Reġjuni ġġustifika dan il-messaġġ fl-Ewwel Rapport ta’ Monitoraġġ tiegħu dwar l-Ewropa 2020, ippubblikat fit-30 ta’ Novembru. Ir-rapport jikkonkludi li, minkejja li xi pajjiżi jfittxu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, “għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġi żgurat li din il-ħidma ssir fi sħubija bejn il-livelli kollha ta’ gvern.” Il-President Barrosso assigura lill-membri tal-KtR li l-Kummissjoni “ser tanalizza r-rapport bir-reqqa”.

B’ħarsa lejn il-ġejjieni, f’riżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-2011 li ġiet adottata llum, il-Kumitat tar-Reġjuni enfasizza l-effett ta’ lieva li l-baġit tal-UE għandu fuq l-istrateġija Ewropea għall-irkupru ekonomiku u l-finanzjament ta’ investimenti strutturali. Rigward il-kwistjoni tar-riżorsi proprji tal-UE, l-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tikkunsidra li tuża dħul minn taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji jew attivitajiet finanzjarji, mill-bejgħ ta’ kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, taxxa fuq il-vjaġġi bl-ajru, taxxa separata Ewropea fuq il-valur miżjud jew parti mid-dħul minn taxxa fuq l-enerġija jew taxxa tal-kumpaniji.

Huwa u jindirrizza l-polemiki reċenti dwar l-għajnuna reġjonali tal-UE, il-President Barroso qal lill-membri tal-KtR: “Ejja nkunu ċari, il-politika ta’ koeżjoni mhijiex biss ta’ benefiċċju għar-reġjuni iżda hija ta’ benefiċċju wkoll għall-Ewropa b’mod ġenerali. Hija indispensabbli għall-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea hija kburija bil-politika ta’ koeżjoni. Mingħajr il-politika ta’ koeżjoni, l-Unjoni ma tistax teżisti. Mingħajr solidarjetà ma jistax ikun hemm Unjoni.” Mercedes Bresso qablet: “Il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-akbar kisbiet tal-Ewropa. Għenet biex jiġu mmodernizzati l-konnessjonijiet tat-trasport, għenet lil miljuni ta’ nies isibu impjiegi ġodda u għenet fl-isforzi tagħna biex inħarsu l-ambjent. Ovvjament dejjem hemm lok għal aktar titjib u semplifikazzjoni. Iżda llum il-ġurnata l-politika ta’ koeżjoni diġà hija l-programm ta’ finanzjament ġestit bl-aqwa mod fid-dinja.”

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Michael Alfons

Tel.: +32 2 546 8559

michael.alfons@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website