Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lir-reġjuni u l-bliet jiffirmaw ftehim favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Committee of the Regions - COR/10/70   06/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/70

Brussell, 6 ta’ Ottubru 2010

Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lir-reġjuni u l-bliet jiffirmaw ftehim favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE (KtR) ħeġġeġ lill-gvernijiet sottonazzjonali kollha jinvestu aktar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu li ġiet adottata llum dwar is-Summit dwar il-Klima li se jsir f’Cancun, il-KtR jappella lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali jiffirmaw pattijiet lokali ta’ azzjoni rigward il-klima li jistabbilixxu miżuri konkreti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-appell sar wara li l-bieraħ ġie ffirmat il-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima mill-President tal-KtR Mercedes Bresso, u mill-President tal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, Elizabeth B. Kautz. L-għan tal-Memorandum huwa li jitħaffef il-pass li bih jiġu adottati l-miżuri lokali li jittieħdu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, jiġu promossi s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u l-mobbiltà urbana sostenibbli, kif ukoll biex tinbidel l-imġiba taċ-ċittadini.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Cancun, il-KtR itenni l-appell tiegħu għal ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li jillimita t-tisħin globali sal-2012 għal mhux aktar minn 2 gradi Celcius. “Il-mexxejja nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà lejn il-pjaneta biex f’Cancun jiffirmaw ftehim internazzjonali vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra” qalet il-President tal-KtR Mercedes Bresso.

Il-KtR ifakkar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom rwol kbir x’jaqdu fil-lokalitajiet biex tinkiseb effiċjenza aħjar fl-użu tar-riżorsi u ekonomija li tagħmilx ħsara lill-klima. Huma jridu jinfurmaw lill-pubbliku, jimmobilizzaw l-appoġġ politiku pubbliku, l-investiment min-negozji u s-sorsi ta’ ffinanzjar, filwaqt li jħeġġu lill-produtturi u lill-konsumaturi jibdlu l-imġiba tagħhom, tiddikjara ir-Riżoluzzjoni.

Sabiex jintuża l-potenzjal reġjonali u lokali kollu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-KtR jirrakkomanda li jiġi organizzat taħriġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif jista’ jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-livell lokali, kif ukoll li jsiru kampanji ta’ tagħrif dwar it-tibdil fil-klima għaċ-ċittadini. Il-KtR jirrakkomanda wkoll li jkun hemm sħubijiet strateġiċi pubbliċi-privati bħal alleanzi bejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li jiġu żviluppati u applikati aktar it-teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju. Ir-reġjuni u l-bliet għandhom jikkonkludu pattijiet lokali ta’ azzjoni rigward il-klima bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, li jistabbilixxu miżuri konkreti ta’ azzjoni rigward il-klima biex tintlaħaq il-mira 20-20-20.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni dwar il-Klima, Connie Hedegaard, li indirizzat il-Kumitat tar-Reġjuni din il-ġimgħa, qalet: “Fl-istess waqt li qed isiru n-negozjati internazzjonali, l-UE għandha bżonn tmexxi ’l quddiem il-proċess biex l-ekonomija Ewropea ma tagħmilx ħsara lill-klima. L-Ewropa teħtieġ iżżomm il-pożizzjoni tagħha ta’ mexxejja fit-teknoloġiji tal-ġejjieni b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni dinjija ħarxa. Permezz ta’ dan, inkunu nistgħu nistimolaw it-tkabbir ekoloġiku, inħarsu l-impjiegi u nsaħħu s-sigurtà tal-enerġija.”

Biex jittejjeb il-finanzjament tal-azzjoni lokali dwar il-klima, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li t-tibdil fil-klima jiġi inkluż fil-baġits tal-livelli kollha ta’ governanza. L-azzjoni dwar il-klima għandha ssir prijorità trasversali fil-Baġit tal-UE li ġej, filwaqt li l-aċċess għas-self mill-Bank Ewropew għall-Investiment għall-awtoritajiet reġjonali u lokali għandu jiġi ffaċilitat. Parti konsiderevoli tad-dħul mill-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri għat-tnaqqis tal-effett tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għall-klima.

EU Commissioner Connie Hedegaard: regions are vital in fighting climate change

Open Days 2010: Summary of the second day

Tagħrif ta’ kuntest għall-edituri

Il-miri 20-20-20

Fis-17 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea adottat uffiċjalment id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 20-20-20 li stabbiliet miri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima għall-għaxar snin li ġejjin. Il-miri jitolbu 20 % tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, 20 % tnaqqis tal-konsum tal-enerġija permezz ta’ effiċjenza mtejba fl-użu tal-enerġija sal-2020 u 20 % żieda tal-użu ta’ enerġiji rinnovabbli sal-2020. Fl-2005 l-użu tal-enerġiji rinnovabbli mill-ilma, ix-xemx, ir-riħ, il-bijomassa u s-sorsi ġeotermali kienu jgħoddu għal inqas minn 7 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-UE.

Għal aktar tagħrif żur: http://ec.europa.eu/environment/climat/home_en.htm

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Christian GSODAM

Tel. +32 228 21 21

Christian.Gsodam@cor.europa.eu

Chris JONES

Tel. + 32 (0)2 546 87 51

Christopher.Jones@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website