Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

CoR/10/069.mt

COR/10/69

Brussell, 5 ta’ Ottubru 2010

Is-sindki tal-Ewropa u tal-Istati Uniti jiffirmaw ftehim favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima matul is-Sessjoni Plenarja tal-KtR

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, Mercedes Bresso, u l-President tal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, Elizabeth B. Kautz, illum iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, fil-preżenza ta’ mijiet ta’ politiċi reġjonali u lokali u tal-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni dwar il-Klima, Connie Hedegaard. Wara ċ-ċerimonja, għadd ta’ bliet u reġjuni ġodda ffirmaw il-Patt tas-Sindki, inizjattiva Ewropea għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mnedija mill-Kummissjoni Ewropea u l-KtR. Il-Patt tas-Sindki issa għandu 2000 belt, 25 belt kapitali u 100 reġjun bħala strutturi ta’ appoġġ.

Il-Memorandum ta’ Ftehim huwa r-riżultat ta’ xhur ta’ kooperazzjoni bejn il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) u l-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, xprunat mix-xewqa li l-aġenda tal-azzjoni dwar il-klima timxi ’l quddiem wara r-riżultati diżappuntanti ta’ Kopenħagen. L-għan tal-Memorandum huwa li jitħaffef il-pass li bih jiġu adottati l-miżuri lokali li jittieħdu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, jiġu promossi s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u l-mobbiltà urbana sostenibbli, kif ukoll biex tinbidel l-imġiba taċ-ċittadini. Il-Memorandum jimmira wkoll li jimmobilizza l-mexxejja reġjonali u lokali biex jesprimu t-talbiet tagħhom qabel is-Summit dwar il-Klima li se jsir f’Cancun f’Diċembru.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima, Connie Hedegaard, li indirizzat il-Kumitat tar-Reġjuni eżatt qabel iċ-ċerimonja tal-iffirmar, qalet: “Fl-istess waqt li qed isiru n-negozjati internazzjonali, l-UE għandha bżonn tmexxi ’l quddiem il-proċess biex l-ekonomija Ewropea ma tagħmilx ħsara lill-klima. L-Ewropa teħtieġ iżżomm il-pożizzjoni tagħha ta’ mexxejja fit-teknoloġiji tal-ġejjieni b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni dinjija ħarxa. Permezz ta’ dan, inkunu nistgħu nistimolaw it-tkabbir ekoloġiku, inħarsu l-impjiegi u nsaħħu s-sigurtà tal-enerġija. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni stabbiliet il-proċess tal-qerda tal-karbonju mill-ekonomija tal-UE bħala wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija Ewropa 2020.”

Il-President Elizabeth B. Kautz qalet: “L-impenn qawwi tas-sindki tal-Istati Uniti favur il-ħarsien tal-klima kien strumentali biex il-kwistjoni titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali. Is-sindki tal-Istati Uniti qed jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta’ sostenibbiltà u strateġiji globali għall-ħarsien tal-ambjent. Il-Konferenza hija kuntenta ħafna li qed tiffirma l-Memorandum ta’ Ftehim mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, biex titkompla r-relazzjoni b’saħħitha u mill-qrib li għandna.

B’referenza għall-ftehim ta’ kooperazzjoni mas-sindki tal-Istati Uniti u r-riżoluzzjoni tal-KtR dwar Cancun, li tinsab fuq l-aġenda tal-Kumitat ta’ għada, il-President Mercedes Bresso qalet: “Il-mexxejja nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà lejn il-pjaneta biex f’Cancun jiffirmaw ftehim internazzjonali vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Billi jiffirmaw dan il-memorandum u jgħaqqdu l-azzjonijiet dwar il-klima li jsiru fil-livell lokali, il-mexxejja reġjonali u lokali taż-żewġ naħat tal-Atlantiku jkunu qed jisħqu fuq il-ħtieġa għal ftehim urġenti. Flimkien, aħna se nipproponu mudell ġdid għall-finanzjament ta’ proġetti lokali fi ħdan l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS).”

Din il-Plenarja tal-KtR kienet ukoll okkażjoni memorabbli għall-Patt tas-Sindki peress li l-firmatarji laħqu l-2000 belt (Satu Mare, ir-Rumanija), il-25 belt kapitali (Berlin, il-Ġermanja) u l-100 reġjun (Murcia, Spanja). Il-President Bresso qalet: “Il-Patt tas-Sindki dieħel f’fażi ġdida. Jekk il-Pjani ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Sostenibbli li qed jiġu adottati madwar l-Ewropa kollha jridu jiġu implimentati b’mod effiċjenti, l-appoġġ politiku u finanzjarju mill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali issa huwa importanti aktar minn qatt qabel.”

L-appell tal-President Bresso ġie appoġġjat mis-sejbiet tal-Istħarriġ tal-Pjattaforma tal-Ewropa 2020 tal-KtR dwar il-politiki dwar l-enerġija sostenibbli tal-bliet u r-reġjuni tal-UE. L-istħarriġ jippreżenta l-aħjar prattiki ta’ aktar minn 200 awtorità lokali u reġjonali madwar l-Ewropa kollha u jidentifika tliet fatturi ta’ suċċess meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 20-20-20 fil-prattika: it-tmexxija politika tajba, approċċ ta’ governanza f’diversi livelli u appoġġ tekniku u baġitarju għall-awtoritajiet lokali. Il-KtR se jgħaddi wkoll is-sejbiet tal-istħarriġ, flimkien mal-proposti tiegħu biex l-azzjoni dwar il-klima fil-livell lokali tkun aktar effettiva, lill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy, li sejjaħ kunsill speċjali dwar l-enerġija għall-bidu tal-2011 biex tiġi diskussa din il-kwistjoni.

Tagħrif ta’ kuntest għall-edituri

Il-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti: Il-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti (USCM) hija l-organizzazzjoni uffiċjali mhux partiġġjana tal-bliet tal-Istati Uniti b’popolazzjoni ta’ 30,000 ruħ jew aktar. Hemm 1,205 belt ta’ dan id-daqs fl-Istati Uniti. Kull belt hija rrappreżentata fil-Konferenza mill-uffiċjal elett ewlieni tagħha − is-sindku. Il-ħidmiet ewlenin tal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti huma li: tippromovi it-tħejjija ta’ politika urbana nazzjonali effettiva, issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-bliet federali, tiżgura li l-politika federali taqdi l-bżonnijiet urbani, tipprovdi lis-sindki b’għodod ta’ tmexxija u ta’ ġestjoni, u toħloq forum li fih is-sindki jistgħu jaqsmu l-ideat u l-informazzjoni. Il-Ftehim tas-Sindki tal-Istati Uniti dwar il-Ħarsien tal-Klima huwa l-inizjattiva ewlenija li tgħaqqad fiha aktar minn 1000 belt Amerikana fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Għal aktar tagħrif mur fuq: www.usmayors.org

Il-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jikkonkludi li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-KtR qed jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea fuq l-iżvilupp tal-Patt tas-Sindki tal-UE. Għal aktar tagħrif mur fuq: www.cor.europa.eu

Il-Patt tas-Sindki: L-Istati Membri tal-UE qablu li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tas-CO2 b’mill-inqas 20 % sal-2020. Il-firmatarji tal-Patt tas-Sindki jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet ta’ politika permezz ta’ impenn formali li jmur lil hinn minn din il-mira permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli.

Għal aktar tagħrif mur fuq: www.eumayors.eu

L-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim: aktar tagħrif dwar l-oriġini tiegħu.

Il-Memorandum ta’ Ftehim se jkun disponibbli waqt il-konferenza stampa u onlajn eżatt wara l-iffirmar.

Għal mistoqsijiet dwar is-segwitu tiegħu, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:
us-eu.cooperation@cor.europa.eu

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Christian Gsodam

Tel. +32 (0) 2 282 2121

christian.gsodam@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website