Navigation path

Left navigation

Additional tools

Oettinger u Hedegaard imħeġġa jżidu l-parteċipazzjoni tal-livell lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Committee of the Regions - COR/10/5   13/01/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/5

Brussell, 14 ta’ Jannar 2010

Oettinger u Hedegaard imħeġġa jżidu l-parteċipazzjoni tal-livell lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Luc Van den Brande, il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) tal-UE, sejjaħ lill-Kummissarji nnominati għall-enerġija u l-azzjoni dwar il-klima biex jirrikonoxxu r-rwol kruċjali li kellu l-livell lokali u reġjonali fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u biex jiġu indirizzati l-kawżi u l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Huwa u jitkellem qabel is-seduti tal-Parlament Ewropew ta’ Günther Oettinger u Connie Hedegaard, il-President Van den Brande qal: “Peress li l-mexxejja nazzjonali ma rnexxilhomx jaqblu fuq azzjoni konkreta biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima jew li jiġu stabbiliti miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, intwera biċ-ċar iktar minn qatt qabel li l-livell lokali u reġjonali għandu jerfa’ parti kbira minn din ir-responsabbiltà. Jeżistu letteralment eluf ta’ eżempji ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali li qed jieħdu azzjoni diretta biex irażżnu l-emissjonijiet u jiġġieldu kontra t-tisħin globali – l-appoġġ qawwi għall-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki huwa xhieda ta’ dan – u l-Kumitat tar-Reġjuni ħareġ ħafna opinjonijiet li jenfasizzaw l-impenn u l-enerġija tal-awtoritajiet sottonazzjonali fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet.”

Il-KtR sar imsieħeb dejjem iktar attiv fil-Patt tas-Sindki, l-inizjattiva li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008 biex il-mexxejja politiċi lokali jitħeġġu jimpenjaw ruħhom fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija, fejn bosta membri tal-KtR jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali li dawn jirrappreżentaw huma fost iktar minn 1000 firmatarju tal-patt. Van den Brande sejjaħ lil Oettinger, li l-portafoll tiegħu jinkludi l-Patt tas-Sindki, biex jagħti rwol iktar ċar u attiv lill-KtR fl-iżvilupp tal-Patt, u għamel referenza għall-isforzi reċenti tal-Kumitat biex jinnegozja ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Unit. Il-ftehim huwa mistenni jiġi ffirmat fix-xhur li ġejjin u bis-saħħa t’hekk ser ikun jista’ jsir skambju tal-aħjar prattiki bejn is-sindki fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Lisbona tal-KtR dan l-aħħar nediet ukoll konsultazzjoni b’kooperazzjoni mal-Patt tas-Sindki bil-għan li tiġi stabbilita bażi tad-data komprensiva dwar l-azzjoni tal-klima fil-livell lokali u reġjonali fl-UE.

“Il-KtR ilu jappoġġja l-Patt tas-Sindki mill-bidu nett, u b’mod konsistenti ħeġġiġna lill-membri tagħna u l-awtoritajiet lokali u reġjonali li dawn jirrappreżentaw biex jiffirmaw. Madankollu, nemmnu li l-Patt jista’ jagħmel ħafna iktar, kif urew in-negozjati tagħna mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti. In-netwerk tal-kuntatti tagħna ma’ assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’postijiet oħra fid-dinja tpoġġina f’pożizzjoni b’saħħitha biex ninnegozjaw ftehim ta’ kooperazzjoni simili, u għandna ambizzjonijiet kuraġġużi iżda fattibbli biex jinħoloq netwerk dinji għall-azzjoni għall-klima fil-livell lokali u reġjonali. Insejħu lill-Kummissarju nnominat Oettinger biex jifformalizza r-rwol tal-Kumitat fil-Patt tas-Sindki. Bħala l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti lokali u reġjonali, il-KtR għandu jkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet kollha marbuta mal-UE li jolqtu u jinvolvu lill-awtoritajiet sottonazzjonali, u l-KtR huwa lest li jaqdi dan ir-rwol ta’ pont għall-Patt tas-Sindki.”

Madankollu, il-Patt tas-Sindki huwa biss inizjattiva waħda fost ħafna, u Van den Brande talab lill-Kummissarju nnominat għall-azzjoni tal-klima, Connie Hedegaard, biex tispjega l-viżjoni tagħha għall-promozzjoni tal-inklużjoni tal-livell lokali u reġjonali fir-reazzjoni kollettiva tal-UE għall-falliment ta’ Kopenħagen. “L-UE esprimiet id-diżappunt tagħha għan-nuqqas ta’ ambizzjoni fil-ftehim ta’ Kopenħagen, u wegħdet li ser tkompli bl-isforzi tagħha għat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Dan l-isforz issa għandu jirrikonoxxi wkoll il-ħidma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u nistennew li l-Kummissarju nnominat Hedegaard tressaq il-proposti tagħha għall-adozzjoni ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Il-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni fuq diversi kwistjonijiet bħall-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, l-emissjonijiet tat-trasport u r-riċiklaġġ tal-iskart, fost oħrajn, turi biċ-ċar li l-livell lokali u reġjonali għandu ħafna esperjenza fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet. Nittamaw u nistennew li l-kummissarju l-ġdida għall-azzjoni tal-klima ser tisfrutta dan l-għarfien bħala parti minn strateġija Ewropea ġenerali,” qal is-Sur Van den Brande.

Għal iktar informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-KtR dwar it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet marbuta mal-enerġija, inkluż il-Patt tas-Sindku, żur is-sit tal-internet tal-KtR.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull 27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-komunitajiet li dawn jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Il-Kumitat jista’ jappella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE f’każ li jinkisru d-drittijiet tiegħu jew jekk jaħseb li l-liġi tal-UE tkun qed tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew ma tirrispettax is-setgħat reġjonali jew lokali.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok kellem lil:

Chris Jones

Tel. +32 (0)2 546 8751

christopher.jones@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website