Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kumitat tar-Reġjuni jippreżenta qafas għar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni

Committee of the Regions - COR/10/36   15/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/36

Brussell, 15 ta’ April 2010

Il-Kumitat tar-Reġjuni jippreżenta qafas għar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni

Fir-riforma li ġejja tal-politika reġjonali tal-UE hemm involuti 50 biljun Euro. Sabiex jiżgura li t-talbiet tar-reġjuni u l-bliet jitqiesu fi stadju bikri, il-Kumitat tar-Reġjuni llum ippreżenta l-qafas tiegħu għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE għal wara l-2013. Wara dibattitu fil-plenarja ma’ Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, il-politiċi lokali u reġjonali adottaw opinjoni ta’ prospettiva abbozzata mis-Sur Michael Schneider (DE/PPE). L-opinjoni tħeġġeġ lill-imsieħba tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali jżommu politika ta’ koeżjoni ambizzjuża bħala “element ċentrali” tal-mudell tal-integrazzjoni Ewropea.

L-għajnuna tal-UE għar-reġjuni tikkofinanzja eluf ta’ proġetti li minnhom igawdu ċ-ċittadini Ewropej, li jmorru minn konnessjonijiet tal-ferroviji sa taħriġ vokazzjonali. Il-baġit attwali tal-UE huwa stabbilit sal-2013, iżda ċerti deċiżjonijiet importanti li jiddeterminaw ir-regoli għall-eliġibbiltà u l-livelli tal-iffinanzjar għal wara l-2013 jistgħu jittieħdu diġà sa mis-sena d-dieħla. Wara konsultazzjonijiet wesgħin, Michael Schneider, is-Segretarju għall-Istat tal-Land Ġermaniż ta’ Sachsen-Anhalt, ħejja abbozz ta’ opinjoni ta’ prospettiva dwar il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni. L-opinjoni emendata ġiet adottata waqt is-sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-lum, biex b’hekk il-Kumitat sar l-ewwel korp tal-UE li fassal pożizzjoni uffiċjali dwar dan is-suġġett.

Michael Schneider ikkummenta li: “Il-fatt li l-interventi Ewropej huma għat-tul għandu jiggarantixxi l-iżvilupp f’dawn ir-reġjuni u jirreaġixxi għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, mingħajr il-biża’ li l-fondi jistgħu jiġu limitati. Minkejja dan, b’mod ġenerali nemmen li l-biċċa l-kbira tal-Fondi ta’ Koeżjoni għandhom ikomplu jiġu mmirati għar-reġjuni li l-aktar għandhom bżonnhom u li l-kriterji eżistenti taw prova tal-valur tagħhom.” B’referenza b’mod partikolari għal dawk l-hekk imsejħa ‘reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni’ fejn il-fondi għall-futur huma fil-periklu, huwa żied jgħid: “ir-reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni għandhom bżonn konsiderazzjoni partikolari. L-għajnuna għar-reġjuni li mhux ser jibqgħu jiġu koperti mill-għan ta’ konverġenza għandha tiġi garantita indipendentement mill-arkitettura futura tal-politika ta’ koeżjoni u tal-għanijiet varji tagħha.”

Fl-ewwel diskors tiegħu f’sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissarju tal-UE Johannes Hahn, qal: “Aħna magħqudin b’interess wieħed, dak tat-tisħiħ tal-livell reġjonali u lokali. Jekk irridu ngħollu l-profil tal-Ewropa, l-aħjar mod kif nagħmlu dan huwa permezz ta’ politika reġjonali b’saħħitha. Li għandna bżonn huwa bilanċ tajjeb bejn il-konċentrazzjoni fuq prijoritajiet ċentrali u l-ikbar flessibbiltà possibbli għal implimentazzjoni mfassla individwalment ta’ dawn il-prijoritajiet fir-reġjuni.”

Filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissarju Hahn għall-kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, Michel Delebarre (FR/PSE), is-Sindku ta’ Dunquerque u l-president tal-kummissjoni tal-KtR għall-politika ta’ koeżjoni territorjali, saħaq: “Kummissarju, għandek taqbida qed tistennik fil-Kulleġġ tal-Kummissarji, fejn uħud mill-kollegi tiegħek mhumiex neċessarjament alleati tal-politika ta’ koeżjoni. F’idejk biex tgħarraf dwar l-effetti territorjali li jħallu politiki oħra tal-UE. Ma nistgħux nistennew li l-politika ta’ koeżjoni tirranġa l-ħsara magħmula minn politiki oħra tal-UE.”

Punti ewlenin tal-opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ir-rappreżentanti reġjonali u lokali jemmnu li l-politika ta’ koeżjoni għandha tevolvi bil-għan li fil-futur tkompli tnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp b’mod sostenibbli, issaħħaħ it-tkabbir u x-xogħol fir-reġjuni Ewropej, tappoġġja l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, tħares is-sussidjarjetà u tiżgura sostenibbiltà finanzjarja. Huwa permezz tas-sistema tal-governanza f’diversi livelli li l-Ewropa tista’ timmira għal għanijiet komuni filwaqt li fl-istess ħin tħalli biżżejjed skop biex jiġu stabbiliti prijoritajiet reġjonali u lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jħoss li dan − minbarra s-solidarjetà finanzjarja − jirrappreżenta valur miżjud għall-politika ta’ koeżjoni.

Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni jaqblu wkoll li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tiġi applikata għar-reġjuni Ewropej kollha, b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li l-aktar jeħtiġuhom. L-ikbar parti tar-riżorsi disponibbli għandha tkompli tintuża mill-aktar Stati Membri u reġjuni fil-bżonn u li għandhom problemi. Barra minn hekk, ir-reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni għandhom bżonn ta’ appoġġ speċjali sabiex il-waqfien tal-għajnuna ma jipperikolax is-suċċess miksub. L-għan tal-“kompetittività u l-impjiegi” għandu jkompli jgħin lir-reġjuni l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea jsaħħu, fuq kollox, l-innovazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-kompetittività tagħhom.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li l-appoġġ li ngħata s’issa għall-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali kien ta’ suċċess u għandu jinżamm u jiżdied wara l-2013. Sabiex titnaqqas il-burokrazija fil-politika ta’ koeżjoni, il-Kumitat ma jarax il-ħtieġa li ssir verifika ta’ konformità sħiħa għal kull perijodu ta’ ffinanzjar. Minflok, ir-regoli stabbiliti li huma fis-seħħ għall-iffinanzjar nazzjonali għandhom jitqiesu li huma biżżejjed.

Il-prinċipji attwali tal-politika ta’ koeżjoni rigward is-sistema ta’ governanza f’diversi livelli, l-ipprogrammar multiannwali, is-sħubija, l-enfasi fuq l-isforz, il-kontroll tal-programmi abbażi ta’ indikaturi u l-valutazzjoni, irnexxew. Il-Kumitat tar-Reġjuni għaldaqstant jiċħad li jitqassar il-perijodu ta’ seba’ snin tal-ipprogrammar.

L-approċċ ibbażat fuq is-sussidjarjetà għandu jinżamm u jkompli jiġi żviluppat. Għal dan il-għan, l-ewwel u qabel kollox għandu jkompli jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażijiet kollha tal-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

L-opinjoni ta’ prospettiva kkonsolidata ser tkun disponibbli fuq il-websajt tal-KtR f’qasir żmien.

Links relatati

Intervista ma’ Johannes Hahn, Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali

Interview with Michael Schneider (DE/PPE), relatur tal-KtR dwar il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni

Intervista ma’ Michel Delebarre (FR/PES), President tal-Kummissjoni tal-KtR għall-politika ta’ koeżjoni territorjali

Intervista ma’ Flo Clucas (UK/ALDE), relatur tal-KtR dwar is-Sitt Rapport ta’ Progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Kummissjoni Ewropea

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Michael Alfons

Kumitat tar-Reġjuni tal-UE

Tel. +32 (0)2 546 8559

Michael.Alfons@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website